2016
Nagħmlu Nżul Mingħajr Periklu waqt it-Taqlib
Frar 2016


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Frar 2016

Nagħmlu Nżul Mingħajr Periklu waqt it—Taqlib

Immaġni
Il-President Dieter F. Uchtdorf

M’ilux wisq, marti Harriet u jien konna ninsabu f’ ajruport nosservaw l-inżul ta’ bosta ajruplani meraviljużi. Kien jum kollu riħ, u buffura qawwija wara l-oħra bdiet tonfoħ b’ saħħa kontra kull ajruplan li jkun nieżel, u dan wassal biex waqt l-inżul tiegħu kull wieħed minnhom beda jispiċċa jilwi f’ daqqa u jitriegħed.

Hekk kif aħna bdejna nosservaw din it-taqbida bejn in-natura u l-ajruplan, ħsibijieti marru lura għal meta jiena stess kont għadni qed nitħarreġ bħala pilota u l-prinċipji li jiena tgħallimt dak iż-żmien—u li aktar tard għallimthom lil piloti oħra fit-taħriġ.

“Waqt it-taqlib qatt tispiċċa tiġġieled mal-apparat li jkollok quddiemek,” kont ngħidilhom jien. “Ibqgħu kalmi; tippanikjawx. Żommu għajnejkom iffukati fuq iċ-ċentru tar-ranwej. Jekk intom tiddevjaw mir-rotta li tkunu tixtiequ taqbdu, ippruvaw, fil-pront u b’ għaqal, erġgħu lura fir-rotta t-tajba. Afdaw fil-potenzjal tal-ajruplan tagħkom. Komplu tiru sakemm taqbżu r-riħ qawwi.”

Il-piloti ta’ esperjenza jafu li mhux dejjem possibbli tikkontrolla dak li jista’ jiġri madwarek. Mhux sempliċiment teħles mit-taqlib! Huma ma jistgħux jisparixxu x-xita jew is-silġ. Huma ma jistgħux iwaqqfu r-riħ milli jinfoħ jew jibdlu d-direzzjoni tiegħu.

Iżda huma jifhmu wkoll li huwa żball li joqogħdu jibżgħu mit-taqlib jew mill-irjieħ qawwija—u speċjalment m’għandhom qatt jispiċċaw li minħabba fihom ma jkunux jafu x’ se jaqbdu jagħmlu. Il-mod kif għandek tniżżel l-ajruplan bla periklu meta l-kundizzjoni tat-temp ma tkun ideali xejn hu li tibqa’ dejjem għaddej fir-rotta t-tajba u b’ mod normali kemm jista’ jkun.

Hekk kif bdejt nara ajruplan wara l-ieħor jagħmel l-inżul tiegħu u hekk kif bdejt naħseb dwar il-prinċipji li jiena tgħallimt fis-snin li qattajt bħala pilota, bdejt nikkontempla jekk hawnhekk kienx hemm xi lezzjoni li nistgħu nitgħallmu għall-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Aħna mhux dejjem nistgħu nikkontrollaw il-maltemp li l-ħajja tpoġġi quddiemna. Xi kultant l-affarijiet ma jaqbdux u sempliċiment jisparixxu. Nafu nħossuna nitriegħdu u ninxteħtu ’l hawn u ’l hemm minħabba t-taqlib tad-diżappunt, id-dubju, il-biża’, in-niket u l-istress.

Tul dawk il-mumenti, huwa faċli li nallarmaw ruħna għal kull ħaġa li tkun sejra ħażin u li nispiċċaw niffukaw fuq l-inkwiet tagħna. Naqgħu fit-tentazzjoni li niffukaw fuq l-isfidi li nkunu qed niffaċċjaw minflok ma niffukaw fuq is-Salvatur u t-testimonjanza tagħna tal-verità.

Iżda dan mhuwiex l-aħjar mod kif għandna ninnavigaw qalb l-isfidi li jkollna f’ ħajjitna.

L-istess kif pilota ta’ esperjenza jiffoka mhux fuq il-maltempata iżda fuq iċ-ċentru tar-ranwej u fuq il-post propju fejn se jniżżel l-ajruplan, l-istess aħna għandna nibqgħu niffukaw fuq iċ-ċentru tal-fidi tagħna—is-Salvatur tagħna, l-evanġelju Tiegħu u l-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet—u fuq l-għan aħħari tagħna—li nerġgħu lura mingħajr periklu fid-destinazzjoni tagħna fis-smewwiet. Għandna nafdaw f’ Alla u l-qofol tal-isforzi tagħna għandu jkun li nibqgħu fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli. Għandna dejjem inżommu għajnejna, qalbna u moħħna ffukati f’ li ngħixu kif nafu li għandna ngħixu.

Aħna niksbu l-hena u l-glorja jekk aħna nuru l-fidi tagħna u l-fiduċja tagħna f’ Missierna tas-Smewwiet billi b’ ferħ nobdu l-kmandamenti Tiegħu. Jekk aħna nibqgħu fit-triq it-tajba, aħna jirnexxielna ngħaddu minn qalb kull taqlib—jidher kemm jidher b’ saħħtu—u nerġgħu lura fid-dar tagħna fis-smewwiet.

Kemm jekk is-sema ta’ madwarna tkun waħda ċara jew inkella mimlija sħab, bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna nfittxu l-ewwel is-saltna ta’ Alla u t-tjubija Tiegħu, għax nafu li jekk nagħmlu dan, kull ħaġa li aħna neħtieġu eventwalment tiġi mogħtija lilna (ara Mattew 6:33).

X’ lezzjoni importanti għal ħajjitna!

Aktar ma niffissaw fuq id-diffikultajiet tagħna, fuq it-taqbid tagħna, fuq id-dubji tagħna u fuq il-biżgħat tagħna, aktar l-affarijiet isiru għalina diffiċli. Iżda aktar ma niffukaw fuq id-destinazzjoni finali tagħna fis-smewwiet u fuq il-ferħ li niksbu jekk nimxu fit-triq tad-dixxipli—billi nħobbu lil Alla u naqdu lill-proxxmu—aktar hemm ċans li ninnavigaw b’ suċċess qalb l-inkwiet u t-taqlib.

Għeżież ħbieb tiegħi, jonfoħ kemm jonfoħ b’ mod vjolenti r-riħ tal-eżistenza mortali tagħna, l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu dejjem joffri l-aqwa rotta biex nagħmlu nżul mingħajr periklu fis-saltna ta’ Missierna tas-Smewwiet.

Tagħlim minn Dan il-Messaġġ

Il-President Uchtdorf tana kunsill sabiex “nafdaw f’ Alla u l-qofol tal-isforzi tagħna għandu jkun li nibqgħu fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli.” Ikkunsidraw li tistaqsu lil dawk li intom tgħallmu kif huma rnexxielhom jibqgħu ffukati “fuq id-destinazzjoni finali tagħhom fis-smewwiet u fuq il-ferħ li kisbu meta mxew fit-triq tad-dixxipli” f’ mumenti meta huma ħabbtu wiċċhom ma’ ċerti sfidi. Tafu tridu tistednuhom biex f’ mumenti diffiċli huma jaħsbu dwar modi kif jistgħu jiffukaw fuq it-testimonjanza tagħhom u fuq Kristu u biex bl-għajnuna tat-talb huma jiddeċiedu kif jimplimentaw xi idea jew aktar minn waħda f’ ħajjithom.

Ipprintja