2016
Il-Profezija u r-Rivelazzjoni Personali
April 2016


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, April 2016

Il-Profezija u r-Rivelazzjoni Personali

Il-vera Knisja ta’ Ġesù Kristu ġiet irrestawrata u tinsab fid-dinja llum. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem minn dejjem ġiet immexxija minn profeti u appostli ħajjin, li kontinwament jirċievu gwida mis-smewwiet.

Dan il-mod divin kien jeżisti wkoll fi żmien il-qedem. Fil-Bibbja nitgħallmu: “Għax ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-Mulej, jekk ma jurix il-ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti” (Amos 3:7).

Alla reġa’ tkellem għal darb’oħra fi żmienna, permezz tal-Profeta Joseph Smith. Huwa żvela l-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu permezz tal-Profeta Joseph. Huwa rrestawra s-saċerdozju mqaddes Tiegħu bl-imfietaħ, bid-drittijiet, bil-qawwiet u l-funzjonijiet kollha tal-qawwa sagra tas-saċerdozju.

Fi żmienna, irġiel li huma profeti u appostli ħajjin huma awtorizzati li jitkellmu, jgħallmu u jmexxu b’ awtorità minn Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu. Is-Salvatur qal lill-Profeta, “Jien il-Mulej għedt dak li għedt u mhux se niskuża ruħi; u filwaqt li s-sema u l-art għad jasal tmiemhom, kelmti hi bla tmiem, iżda kollox għad iseħħ, u kemm jekk permezz ta’ leħni jew permezz ta’ leħen il-qaddejja tiegħi, ma tagħmilx differenza” (D&C 1:38).

Darbtejn fis-sena waqt il-konferenza ġenerali, aħna niġu mberkin bl-opportunità li nisimgħu l-kelma tal-Mulej mingħand il-qaddejja Tiegħu. Dan huwa privileġġ imprezzabbli. Iżda l-valur ta’ dik l-opportunità jiddependi minn kemm aħna nirċievu l-kliem li jingħad taħt l-influwenza tal-istess Spirtu li permezz tiegħu dan il-kliem ġie mogħti lil dawk il-qaddejja (ara D&C 50:19–22). Aħna nistgħu nirċievu l-gwida mis-smewwiet bl-istess mod li jirċevuha huma. U dan jeħtieġ minna l-istess sforz spiritwali.

“Agħmlu x-Xogħol tad-Dar Tagħkom”

Snin ilu, wieħed mill-membri tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu talabni sabiex naqra diskors ta’ konferenza li huwa kien qed iħejji għall-konferenza ġenerali. Jiena kont wieħed mill-membri ġodda fil-kworum. Ħassejtni onorat bil-kunfidenza li kellu fija li jiena stajt ngħinu jsib il-kliem li l-Mulej riedu jgħid. Bi tbissima huwa qalli, “Mela, dan huwa t-22 abbozz ta’ dan id-diskors.”

Għadni niftakar il-kunsill li żmien qabel it-twajjeb President Harold B. Lee (1899–1973) kien tani b’ ċerta enfażi: “Hal, jekk tixtieq li jkollok rivelazzjoni, agħmel ix-xogħol tad-dar tiegħek.”

Jiena qrajt dak it-22 wieħed mill-abbozzi, u xtarrejt u tlabt dwaru. Jiena studjajtu bl-aħjar mod li stajt taħt l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu. Sal-mument li dak il-membru tal-kworum ippreżenta d-diskors tiegħu, jiena kont għamilt ix-xogħol tad-dar tiegħi. Mhux ċert jekk jien kontx ta’ għajnuna għalih, iżda naf li ħassejt bidla ġewwa fija meta smajtu jagħmel dak id-diskors. Jiena rċevejt ċerti messaġġi li jmorru lil hinn mill-kliem li jiena qrajt u li huwa qara. Il-kliem kellu tifsira ferm akbar mill-istess kliem li jiena kont qrajt fl-abbozz. U l-messaġġ bħallikieku kien ġie indirizzat għalija speċifikament, biex jilħaq il-bżonnijiet tiegħi.

Il-qaddejja ta’ Alla jsumu u jitolbu biex jirċievu l-messaġġ li Huwa għandu għalihom biex huma jgħadduh lil dawk li jeħtieġu r-rivelazzjoni u l-ispirazzjoni. Dak li jiena tgħallimt minn dik l-esperjenza, u ħafna oħrajn bħalha, hi li biex aħna niksbu l-akbar benefiċċji li hemm lesti għalina jekk nisimgħu lill-profeti u l-appostli ħajjin, jeħtieġ li l-ewwel inħallsu aħna stess il-prezz biex inkunu nistgħu nirċievu r-rivelazzjoni.

Il-Mulej iħobb lil kull persuna li tista’ tisma’ l-messaġġ Tiegħu, u Huwa jaf il-qalb u ċ-ċirkustanzi ta’ kull wieħed u waħda minna. Huwa jaf xi twiddib, x’ inkuraġġiment u x’ veritajiet tal-evanġelju jistgħu l-aħjar jgħinu lil kull persuna tagħżel triqitha fit-triq lejn il-ħajja eterna.

Xi kultant wara li aħna nisimgħu u naraw il-messaġġi tal-konferenza ġenerali, nistaqsu lilna nfusna, “X’ niftakar l-aktar?” It-tama tal-Mulej għal kull wieħed u waħda minna hi li t-tweġiba tagħna tkun: “Qatt ma ninsa l-mument meta ħassejt il-leħen tal-Ispirtu f’ moħħi u f’ qalbi jgħidli x’ nista’ nagħmel biex nogħġob lil Missieri tas-Smewwiet u lis-Salvatur.”

Aħna nistgħu nirċievu r-rivelazzjoni personali meta nisimgħu leħen il-profeti u l-appostli u hekk kif naħdmu bil-fidi biex nirċevuha, sewwasew kif qal li nistgħu nagħmlu l-President Lee. Jiena naf li dan hu minnu minn esperjenza personali u permezz tax-xhieda tal-Ispirtu.

Tagħlim minn dan il-Messaġġ

Ikkunsidraw li taqraw b’ vuċi għolja l-istorja tal-President Eyring dwar kif huwa studja l-abbozz tad-diskors tal-konferenza tal-membru tal-kworum. Tafu tistaqsu, “X’inhu l-prezz li rridu nħallsu biex nirċievu rivelazzjoni?” Wara d-diskussjoni tagħkom, tistgħu tistiednu lil dawk li żżuru biex jixtarru u jimplimentaw pjan sabiex huma jirċievu l-messaġġi tal-konferenza ġenerali li jmiss “taħt l-influwenza tal-istess Spirtu li permezz tiegħu ġew mogħtija lil dawk il-qaddejja ta’ Alla.”

Ipprintja