2016
Leali lejn il-Fidi ta’ Missirijietna
Lulju 2016


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Lulju 2016

Leali lejn il-Fidi ta’ Missirijietna

John Linford kellu 43 sena meta hu u martu, Marija, u tlieta minn uliedhom is-subien iddeċidew li jħallu warajhom id-dar tagħhom ġewwa Gravely, l-Ingilterra, u jivvjaġġaw eluf ta’ mili biex jingħaqdu mal-Qaddisin fil-wied tal-Great Salt Lake. Huma ħallew warajhom lir-raba’ tifel tagħhom, li kien qed iservi missjoni, biegħu dak kollu li kellhom u telqu għall-vjaġġ tagħhom minn Liverpool fuq il-vapur Thornton.

Ma nqala’ xejn straordinarju fil-vjaġġ tagħhom fuq il-baħar lejn il-Belt ta’ New York u lanqas wara, meta qasmu fuq l-art sa Iowa. L-inkwiet beda, madankollu, ftit wara li l-Linfords u Qaddisin tal-Aħħar Jiem oħra li magħhom ivvjaġġaw fuq il-vapur Thornton ħallew il-Belt ta’ Iowa fil-15 ta’ Lulju, 1856, fejn kienu jiffurmaw parti mill-kumpanija tal-karrijiet tal-idejn ta’ James G. Willie, li spiċċat ħażin.

It-temp kiefer u l-ivjaġġar diffiċli ħallew l-effett tagħhom fuq ħafna minn dawk li kienu f’ din il-kumpanija, fosthom John. Eventwalment huwa tant spiċċa ma jiflaħx u dgħajjef li kellu jinġarr bil-karru tal-idejn. Sakemm il-kumpanija waslet ġewwa Wyoming, il-kundizzjoni tiegħu verament marret għall-agħar. Fil-21 ta’ Ottubru, wasal tìm ta’ salvataġġ mill-Belt ta’ Salt Lake, ftit sigħat biss wara li John temm il-vjaġġ mortali tiegħu fid-dinja. Huwa miet kmieni filgħodu ħdejn ix-xatt tax-Xmara Sweetwater.

Tgħid John iddispjaċieh talli partat il-kumdità li kienu fiha qabel mat-taqbid, mal-privazzjoni u d-diffikultajiet li ħabbat wiċċu magħhom biex il-familja tiegħu tmur Sijon?

“Le, Marija,” huwa qal lil martu ftit qabel ma miet. “Jiena kuntent li ġejna. Jiena mhux se jirnexxieli ngħix biex magħkom nasal sa Salt Lake, iżda inti u t-tfal se jirnexxielkom, u ma jiddispjaċinix għal dak kollu li kellna ngħaddu minnu jekk uliedna jikbru u jrabbu lill-familji tagħhom ġo Sijon.”1

Marija u wliedha spiċċaw biex temmew il-vjaġġ tagħhom. Meta, kważi 30 sena wara, Marija għaddiet għal ħajja oħra, hija u John ħallew warajhom wirt ta’ fidi, servizz, devozzjoni u sagrifiċċju.

Li tkun Qaddis tal-Aħħar Jiem ifisser li tkun pijunier, għax it-tifsira ta’ pijunier hi “wieħed li jmur minn qabel biex iħejji jew iwitti t-triq għall-oħrajn biex huma jkunu jistgħu jimxu fiha.”2 U li tkun pijunier hu li ssir taf x’inhu sagrifiċċju. Għalkemm il-membri tal-Knisja m’għadhomx jiġu mitlubin sabiex iħallu djarhom u jivvjaġġaw lejn Sijon, huma ħafna drabi jkollhom iħallu warajhom il-vizzji li kellhom qabel, id-drawwiet antiki u l-ħbieb li kienu jgħożżu. Xi wħud jieħdu d-deċiżjoni mill-aktar diffiċli li jħallu warajhom xi membri tal-familja li huma kontra s-sħubija tagħhom fil-Knisja. Madankollu, il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem jibqgħu mexjin ‘il quddiem, filwaqt li jitolbu li l-għeżież tagħhom finalment jispiċċaw biex jifhmuhom u jaċċettawhom.

It-triq ta’ pijunier mhix waħda faċli, iżda aħna ninsabu nimxu fuq il-passi tal-akbar Pijunier—sewwasew is-Salvatur—li mar qabilna, u wriena t-triq li jeħtieġ ngħaddu minnha.

“Imxu warajja,”3 stedinna Hu.

“Jiena t-triq, il-verità, u l-ħajja,”4 iddikjara Hu.

“Ejjew għandi,” sejħilna Hu.

It-triq taf tkun diffiċli. Xi wħud isibuha diffiċli jikkumbattu l-kliem kollu żuffjett u immorali ta’ ċerti nies boloh li jgħaddu ż-żmien bil-kastità, bl-onestà u bl-ubbidjenza lejn il-kmandamenti ta’ Alla. Id-dinja minn dejjem ippruvat iċċekken lil min jgħix b’ ċertu prinċipju. Meta Noè ġie mitlub sabiex jibni arka, in-nies boloh ħarsu lejn is-sema mingħajr sħab u bdew jiżżuffjettaw u jidħqu—sakemm bdiet nieżla x-xita.

Fil-kontinent Amerikan, għadd ta’ sekli ilu, in-nies iddubitaw, ikkonfoffaw u kienu diżubbidjenti sakemm in-nar ħakem l-art ta’ Żaraħemla, il-belt ta’ Moronija spiċċat intradmet u l-ilma għarraq il-belt ta’ Moroni. Spiċċa t-tmasħir, iż-żuffjett, il-kliem oxxen u d-dnub. Posthom ittieħed minn silenzju ta’ swied il-qalb, minn dalma mill-aktar densa. Alla kien tilef il-paċenzja, il-ħin Tiegħu kien għadda.

Marija Linford qatt ma tilfet il-fidi tagħha minkejja l-persekuzzjoni fl-Ingilterra, id-diffikultajiet tal-vjaġġ tagħha lejn “il-post li Alla … ħejja,”6 u l-isfidi li sussegwentement hija għaddiet minnhom għall-familja tagħha u għall-Knisja.

Fl-1937, waqt ċerimonja ddedikata għall-memorja ta’ Marija ħdejn il-qabar tagħha, il-Presbiteru George Albert Smith (1870–1951) talab lid-dixxendenti tagħha: “Lesti intom li tgħixu leali lejn il-fidi tal-antenati tagħkom? … Agħmlu dak kollu li tistgħu biex tkunu denji tas-sagrifiċċji kollha li huma għamlu għalikom.”7

Hekk kif infittxu li nibnu Sijon f’ qalbna, fi djarna, fil-komunitajiet tagħna u f’ pajjiżna, jalla aħna niftakru l-kuraġġ determinanti u l-fidi dejjiema ta’ dawk li taw kull ma kellhom sabiex aħna nkunu nistgħu ngawdu l-barkiet tal-evanġelju rrestawrat, bit-tama u l-wegħda li jagħtina permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.

Noti

  1. Ara Andrew D. Olsen, The Price We Paid (2006), 45–46, 136–37.

  2. The Compact Edition of the Oxford English Dictionary (1971), “pioneer.”

  3. Luqa 18:22.

  4. Ġw. 14:6

  5. Ġwanni 7:37; ara wkoll 3 Nephi 9:22.

  6. “O Qaddisin,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 2.

  7. Ara Olsen, The Price We Paid, 203–4.

Tagħlim minn Dan il-Messaġġ

Ikkunsidraw li titolbu lil dawk li tgħallmu sabiex jaħsbu dwar xi nies f’ ħajjithom li mietu qabilhom u kienu għalihom pijunieri. Imbagħad staqsuhom x’ wassal biex huma jkunu pijunieri u jħejju t-triq għall-oħrajn. Stednuhom sabiex jixtarru dwar il-mumenti fejn huma kellhom jissagrifikaw u għalfejn dak kollu kien finalment vallapena. Imbagħad tistgħu tistednuhom sabiex jiktbu t-testimonjanza tagħhom dwar ”l-akbar Pijunier,” is-Salvatur.

Ipprintja