2016
It-Tama tal-Imħabba tal-Familja Eterna
Awwissu 2016


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Awissu 2016

It-Tama tal- Imħabba tal-Familja Eterna

Fost ir-rigali kollha li Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna pprovda għal uliedu, l-akbar hi l-ħajja eterna (ara D&C 14:7). Dan ir-rigal hu li ngħixu fil-preżenza ta’ Alla l-Missier u Ibnu l-Għażiż għal dejjem bħala familji. Huwa biss fl-ogħla saltna fost is-saltniet kollha ta’ Alla, fis-saltna ċelestjali, li r-rabta kollha mħabba tal-familja tkompli.

Ilkoll kemm aħna nittamaw għall-ferħ li jiġi meta ngħixu bħala familji kollha mħabba. Għal xi wħud minna, dan hu sentimenti li aħna qatt ma esperjenzajna—sentiment li nafu li hu possibbli iżda s’issa għad ma kellniex esperjenza tiegħu. Jista’ jkun li dan rajnieh fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Għal xi oħrajn fostna, l-imħabba tal-familja dehret aktar reali u prezzjuża meta l-mewt isseparatna minn xi tifel jew tifla tagħna, minn ommna, missierna, ħuna, oħtna jew xi nanniet għeżież li tant konna nħobbu.

Ilkoll kemm aħna ħassejna t-tama li xi darba aħna nistgħu nerġgħu nħossu għal darb’oħra l-affezzjoni kollha mħabba ta’ dawk il-membri tal-familja li tant ħabbejna u li issa b’ għafsa f’ qalbna nixtiequ nerġgħu nħaddnuhom magħna.

Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna jaf tajjeb x’hemm f’ qalbna. L-għan Tiegħu hu li jagħtina l-ferħ (ara 2 Nephi 2:25). U għalhekk Huwa tana r-rigal ta’ Ibnu biex jagħmel possibbli il-ferħ li nistgħu niksbu permezz ta’ rabta tal-familja li tkompli għal dejjem. Peress li s-Salvatur kisser l-irbit tal-mewt, aħna se nqumu mill-imwiet. Peress li Huwa patta għal dnubietna, aħna nistgħu, permezz tal-fidi u l-indiema tagħna, insiru denji tas-saltna ċelestjali, fejn il-familji huma marbutin flimkien fl-imħabba għal dejjem.

Is-Salvatur bagħat lill-Profeta Elija għand Joseph Smith biex jirrestawra l-imfietaħ tas-saċerdozju (ara D&C 110). Flimkien ma’ dawk l-imfietaħ waslet ukoll il-qawwa tas-siġill, li permezz tagħha ġie offrut l-akbar rigal ta’ Alla lil uliedu—il-ħajja eterna fejn il-familji jkunu magħqudin flimkien għal dejjem.

Hija offerta li l-ulied kollha ta’ Alla li jiġu fid-dinja jistgħu jiksbu. Terz tal-ulied spirti Tiegħu ma laqgħux l-offerta Tiegħu meta kienu fid-dinja tal-ispirti. Minħabba nuqqas ta’ fidi suffiċjenti u mbagħad għax ingħaqdu f’ ribelljoni, huma għażlu li qatt ma jesperjenzaw il-ferħ tar-rigal tal-familji eterni li lesta għalina Missierna tas-Smewwiet.

Għal dawk minna li għaddejna t-test kruċjali fid-dinja primortali tal-ispirti u b’ hekk ikkwalifikajna biex nirċievu r-rigal li jkollna ġisem mortali, l-għażla kbira jkollniex il-ħajja eterna għadha f’ idejna. Jekk aħna mberkin li nsibu l-evanġelju rrestawrat, aħna nistgħu nagħżlu li nagħmlu u nżommu l-patti ma’ Alla li jikkwalifikawna għall-ħajja eterna. Hekk kif nibqgħu għaddejjin b’ mod fidil, l-Ispirtu s-Santu jikkonferma t-tama u l-kunfidenza tagħna li aħna ninsabu fit-triq tal-ħajja eterna, biex ngħixu bħala familji għal dejjem fis-saltna ċelestjali.

Għal xi wħud, dan il-ferħ etern jista’ jidher bħala tama li tidher ’il bogħod ħafna jew inkella li qed iħossuha tintilef. Il-ġenituri, l-ulied, u l-aħwa jafu għamlu ċerti għażliet li jidher li jistgħu jiskwalifikawhom milli jiksbu l-ħajja eterna. Intom ukoll tafu tiddubitaw jekk intomx denji li tikkwalifikaw permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.

Darba waħda wieħed profeta ta’ Alla tani kunsill li verament imlieni bil-paċi. Kont qed ninkwieta li l-għażliet ta’ ħaddieħor jafu jagħmluha impossibbli li l-familja tagħna tkun flimkien għal dejjem. Huwa qal, “Inti qed tinkwieta dwar il-problema żbaljata. Sempliċiment għix den tas-saltna ċelestjali, u l-arranġamenti tal-familja jkunu ferm aktar meraviljużi milli tista’ timmaġina.”

Lil dawk kollha li l-esperjenza personali tagħhom jew li ż-żwieġ tagħhom u wliedhom—jew in-nuqqas tagħhom—qed jitfgħu dell fuq it-tamiet tagħhom, jiena noffri x-xhieda tiegħi: Missierna tas-Smewwiet jafkom u jħobbkom bħala l-ulied spirtu Tiegħu. Meta intom kontu Miegħu u ma’ Ibnu l-Għażiż qabel din il-ħajja, Huma poġġew f’ qalbkom it-tama li tiksbu l-ħajja eterna. Bil-qawwa reali tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu u bl-Ispirtu s-Santu jiggwidakom, intom tistgħu tħossu f’ din il-ħajja u se tħossu fid-dinja l-oħra l-imħabba tal-familja li Missierkom u Ibnu l-Għażiż jixtiqukom tant li tirċievu.

Jiena nixhed li hekk kif intom tgħixu denji tas-saltna ċelestjali, il-wegħda profetika li “l-arranġamenti tal-familja jkunu ferm aktar meraviljużi milli tista’ timmaġina” tiġi fis-seħħ.

Tagħlim minn dan il-Messaġġ

Ikkunsidraw li tibdew billi titkellmu ma’ dawk li tgħallmu dwar mument meta intom kontu grati għat-tama tal-familji eterni. Stednuhom sabiex jixtarru l-mumenti meta huma ħassew gratitudni għall-familji eterni. Staqsuhom jekk jixtiqux jaqsmu dawn il-mumenti magħkom. Imbagħad tistgħu tistednuhom sabiex jaħsbu dwar modi kif jistgħu jtejbu ħajjithom u jgħixu aktar denji tas-saltna ċelestjali sabiex il-wegħda profetika ta’ “l-arranġamenti tal-familja … aktar meraviljużi milli tista’ timmaġina” tista’ tkun tagħhom.

Ipprintja