2016
Il-Barkiet tal-Ubbidjenza
Ottubru 2016


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ottubru 2016

Il-Barkiet tal-Ubbidjenza

“L-akbar lezzjoni li nistgħu nitgħallmu fil-mortalità,” għallem il-President Thomas S. Monson, “hi li meta Alla jitkellem u aħna nobdu, aħna qatt ma nistgħu nkunu żbaljati.”1

Aħna nkunu wkoll imberkin. Kif qal il-President Monson waqt konferenza ġenerali riċenti: “Meta aħna nobdu l-kmandamenti, ħajjitna tkun aktar ferħana, aktar sodisfaċenti u anqas ikkumplikata. Insibuha aktar faċli niffaċċjaw l-isfidi u l-problemi li jkollna quddiemna, u aħna nirċievu l-barkiet imwiegħda ta’ Alla.”2

Fis-siltiet li ġejjin mit-tagħlim tal-President Monson bħala President tal-Knisja, huwa jfakkarna li l-kmandamenti huma l-aktar gwida ċerta għall-ferħ u l-paċi.

Linjigwida għall-Vjaġġ

“Il-kmandamenti ta’ Alla ma ġewx mogħtija lilna biex jiffrustrawna jew biex ikunu ostaklu għall-ferħ tagħna. Pjuttost il-verità hija l-oppost ta’ dan. Huwa li ħalaqna u jħobbna b’ mod perfett jaf kif aħna jeħtieġ li ngħixu ħajjitna biex inkunu nistgħu niksbu l-akbar ferħ possibli. Huwa pprovdielna ċerti linjigwida li jekk nimxu magħhom jirnexxielna ngħaddu mingħajr periklu minn dan il-vjaġġ mortali li ħafna drabi jaf ikun wieħed perikoluż. Ilkoll niftakru l-kliem ta’ wieħed mill-innijiet l-aktar familjari: ‘Obdu l-Kmandamenti! Fihom issibu s-sigurtà; fihom issibu l-paċi’ [ara “Obdi l-Kmandamenti,” Hymns, no. 303].”3

Il-Qawwa u l-Għarfien

“L-ubbidjenza hija karatteristika tal-profeti; hija tathom il-qawwa u l-għarfien tul iż-żminijiet. Huwa essenzjali għalina li nagħrfu li aħna wkoll intitolati għal dan is-sors ta’ qawwa u għarfien. Dan jista’ jkun tagħna lkoll hekk kif aħna nobdu l-kmandamenti ta’ Alla. …

“L-għarfien li aħna nfittxu, il-mistoqsijiet li rridu tweġiba għalihom u l-qawwa li nixtiequ llum sabiex nilħqu l-isfidi ta’ dinja kumplessa u dejjem tinbidel jistgħu jkunu tagħna meta aħna nkunu lesti li nobdu l-kmandamenti tal-Mulej.”4

Nagħżlu li Nemmnu

“Il-moda ta’ żmienna hija l-permessività. Ir-rivisti u l-programmi tat-televiżjoni jħobbu juru lill-artisti taċ-ċinema, lill-eroj sportivi—dawk li bosta żgħażagħ jippruvaw jimitaw—bħala nies li ma jagħtux kas tal-liġijiet ta’ Alla u jiddandnu f’ ħajja midinba, bħallikieku din ma tħalli l-ebda effett ħażin fuqhom. Temmnuhomx! Huwa żgur li se jkollhom jiffaċċjaw żmien ta’ ġudizzju—li fih iridu jpattu ta’ għemilhom. Kull Sindirella għad jaslilha l-ħin ta’ nofsilejl—jekk mhux f’ din il-ħajja, mela fil-ħajja li jmiss. Jum il-Ġudizzju se jasal għal kulħadd. … Nitlobkom bil-ħerqa biex tagħżlu li tobdu.”5

Ferħ u Paċi

“Xi kultant tista’ forsi taħseb li dawk li qed jitlajjaw fid-dinja qed igawdu aktar minnek. Xi wħud minnkom jista’ jħosskom xi ftit ristretti minħabba l-kodiċi tal-kondotta li nimxu warajha fil-Knisja. Ħuti, jiena madankollu niddikjara minn hawnhekk, li m’hawn xejn li jista’ jġibilna aktar ferħ f’ ħajjitna jew aktar paċi fir-ruħ tagħna mill-Ispirtu li jkun magħna hekk kif nimxu wara s-Salvatur u nżommu l-kmandamenti.”6

Imxu b’ Onestà

“Jiena nixhed magħkom li l-barkiet imwiegħda huma ferm aktar milli nistgħu nimmaġinaw. Għalkemm jaf jinġabar is-sħab tal-maltemp, għalkemm taf tinżel fuqna x-xita, l-għarfien tagħna tal-evanġelju u l-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet u tas-Salvatur tagħna iffarrġuna u jsostnuna u jwasslulna l-ferħ f’ qalbna hekk kif aħna nimxu b’ onestà u nżommu l-kmandamenti. Ma jkun hemm xejn fid-dinja li jista’ jegħlibna.”7

Imxu Wara s-Salvatur

“Min hu dan il-Bniedem li bata u li jaf x’inhu l-mard? “Min hu s-Sultan tal-glorja, dan il-Mulej tal-Eżerċti? Huwa l-Imgħallem tagħna. Huwa s-Salvatur tagħna. Huwa Iben Alla. Huwa l-Awtur tas-Salvazzjoni tagħna. Huwa sejħilna, ‘Imxu warajja.’ Huwa għallima, ‘Morru, u agħmlu l-istess.’ Huwa talabna, ‘Żommu l-kmandament tiegħi.’

“Ejjew nimxu warajh. Ejjew insegwu l-eżempju Tiegħu. Ejjew nobdu l-kelma Tiegħu. Jekk nagħmlu dan, aħna nkunu qed nagħtuh ir-rigal divin tal-gratitudni.”8

Noti

  1. “They Marked the Path to Follow,” Liahona, Ott. 2007, 5.

  2. “Keep the Commandments,” Liahona, Nov. 2015, 83.

  3. “Keep the Commandments,” 83.

  4. “Obedience Brings Blessings,” Liahona, Mejju 2013, 90, 92.

  5. “Believe, Obey, and Endure,” Liahona, Mejju 2012, 129.

  6. “Stand in Holy Places,” Liahona, Nov. 2011, 83.

  7. “Be of Good Cheer,” Liahona, Mejju 2009, 92.

  8. “Finding Joy in the Journey,” Liahona, Nov. 2008, 88.

Tagħlim minn Dan il-Messaġġ

Il-President Monson jgħallimna dwar il-bosta barkiet li nistgħu nirċievu jekk inkunu ubbidjenti, fosthom il-barka tal-qawwa, tal-għarfien, tal-ferħ u tal-paċi. Ikkunsidraw li tistaqsu lil dawk li tgħallmu kif huma ġew imberkin minħabba li obdew il-kmandamenti. Tafu forsi tkunu tridu tħeġġuhom biex ikomplu jirriflettu dwar il-barkiet tagħhom u tniżżlu l-ħsibijiet u l-esperjenzi tagħhom ġewwa djarju. Tafu wkoll tkunu tridu tħeġġuhom biex juru l-gratitudni tagħhom lejn Alla għal barkiethom billi jibqgħu jkunu kontinwament ubbidjenti.

Ipprintja