2016
Paċi f’ Din il-Ħajja
Diċembru 2016


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Diċembru 2016

Paċi f’ Din il-Ħajja

Lilna lkoll li ġejna fil-mortalità, is-Salvatur qalilna, “Fid-dinja tbatu jkollkom” (Ġwanni 16:33). Madankollu tul il-ministeru mortali Tiegħu Huwa ta lid-dixxipli Tiegħu din il-wegħda meraviljuża: “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġwanni 14:27). Hija ħaġa mill-aktar ta’ faraġ li nafu li din il-wegħda ta’ paċi personali għadha tgħodd għad-dixxipli kollha Tiegħu llum.

Xi wħud minna ngħixu f’ postijiet mill-isbaħ ‘il bogħod minn kull inkwiet, imma ninsabu nesperjenzaw l-inkwiet ġewwa fina. Oħrajn qegħdin iħossu l-paċi u s-serenità perfetta f’ nofs telfien kbir personali, traġedja jew sfidi kontinwi.

Jista’ jkun li intom rajtu l-miraklu tal-paċi fuq wiċċ xi dixxiplu ta’ Ġesù Kristu jew dan smajtuh fi kliemu jew kliemha. Jien esperjenzajt dan bosta drabi. Xi kultant dan seħħ f’ xi kamra l-isptar fejn kien hemm xi familja miġbura madwar qaddej ta’ Alla li kien jinsab viċin il-mewt.

Niftakar li kont mort l-isptar inżur waħda mara ftit jiem biss qabel ma hija mietet bil-kanċer. Ħadt miegħi liż-żewġ uliedi l-bniet biex jakkumpanjawni peress li kien hemm żmien meta din l-oħt twajba kienet l-għalliema tagħhom tal-Primarja.

Il-membri tal-familja tagħha kienu miġburin madwar is-sodda tagħha, fejn xtaqu li jkunu ħdejha fl-aħħar mumenti tagħha fid-dinja. Jiena verament issorprendejt ruħi hekk kif hija qamet bilqiegħda fuq is-sodda. Hija daret lejn uliedi u introduċiethom, waħda waħda, lil kull membru tal-familja tagħha. Hija bdiet titkellem bħallikieku wliedi kienu xi tfal irjali li kienet qed tippreżentahom fil-palazz tar-reġina. Hija rnexxielha tgħid xi ħaġa dwar kif kull persuna fil-kamra kienet verament dixxiplu tas-Salvatur. Għadni s’issa niftakar il-qawwa, it-tenerezza u l-imħabba li kellha f’ leħinha. U niftakar li kont ukoll issorprendejt ruħi bit-tbissima mill-isbaħ li kellha saħansitra f’ mument li fih kienet taf li ma tantx kien baqgħalha ħajja.

Hija kienet irċeviet ċerti barkiet saċerdotali ta’ faraġ, imma qasmet magħna lkoll testimonjanza ħajja li l-wegħda tal-paċi tal-Mulej hija vera: “Dawn il-ħwejjeġ għidthomkom ħalli bija jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom: iżda agħmlu l-qalb; jiena rbaħt id-dinja” (Ġwanni 16:33).

Hija aċċettat l-istedina Tiegħu, kif nistgħu nagħmlu aħna lkoll, huma x’inhuma l-isfidi u l-inkwiet tagħna:

“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom” (Matthew 11:28–29).

Huwa biss jekk aħna nimxu wara s-Salvatur li aħna lkoll nistgħu nsibu l-paċi u s-serenità fl-isfidi li lkoll kemm aħna niffaċċjaw.

It-talb sagramentali jgħinna nkunu nafu kif nistgħu nsibu dik il-paċi fost it-tribulazzjoni tal-ħajja. Hekk kif aħna nieħdu sehem fis-sagrament, aħna nistgħu niddeċiedu li se nkunu fidili lejn il-patti tagħna li nimxu warajh.

Aħna lkoll inwegħdu li se niftakru dejjem fis-Salvatur. Tafu tagħżlu li tiftakru fih bl-aħjar mod li qalbkom tersaq l-aktar viċin Tiegħu. Per eżempju, l-aħjar mod li jiena nsib hu li nimmaġinah f’ moħħi għarkubbtejh fil-Ġnien tal-Ġetsemani jew isejjaħ lil Lazzru biex joħroġ mill-qabar. Hekk kif nagħmel dan, inħossni viċin ħafna Tiegħu u nħoss fija gratitudni li twassalli l-paċi f’ qalbi.

Intom twiegħdu wkoll li lesti żżommu l-kmandamenti Tiegħu. Twiegħdu li tieħdu fuqkom ismu u li tkunu xhieda Tiegħu. Huwa jwiegħed li hekk kif intom iżżommu l-patti li għamiltu Miegħu, ikollkom magħkom l-Ispirtu s-Santu. (Ara D&C 20:77, 79.)

Dan iwassal il-paċi b’ żewġ modi mill-inqas. L-Ispirtu s-Santu inaddafna mid-dnub minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. U l-Ispirtu s-Santu jista’ jagħtina l-paċi li nistgħu nesperjenzaw jekk inkunu nafu li għandna l-approvazzjoni ta’ Alla u t-tama tal-ħajja eterna.

L-Appostlu Pawlu tkellem dwar din il-barka meraviljuża: “Il-frott tal-Ispirtu huwa l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi” (Galatin 5:22).

Meta l-messaġġiera mis-smewwiet ħabbru t-twelid tas-Salvatur, huma ddikjaraw, “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet u s-sliem fl-art” (Luqa 2:14; enfażi miżjuda). Jiena naqsam it-testimonjanza tiegħi bħala xhud ta’ Ġesù Kristu li l-Missier u Ibnu l-Għażiż jistgħu jibagħtu fostna l-Ispirtu biex aħna nkunu nistgħu nsibu l-paċi f’ din il-ħajja, ikunu xi jkunu l-provi li aħna u l-maħbubin tagħna niffaċċjaw.

Tagħlim minn Dan il-Messaġġ

Il-President Eyring jgħallem li t-talb sagramentali jista’ jgħinna nsiru nafu kif għandna nsibu l-paċi qalb l-isfidi tagħna. Ifakkarna li hekk kif aħna nżommu l-patti tagħna, aħna jkollna l-wegħda li l-Ispirtu s-Santu jkun dejjem magħna. Ikkunsidraw li tistaqsu lil dawk li tgħallmu kif li jkollna magħna l-Ispirtu s-Santu jista’ jgħinna biex niksbu l-paċi. Tistgħu taqsmu wkoll il-ħsibijiet tagħkom jew xi esperjenza dwar kif l-Ispirtu s-Santu għenkom tħossu l-paċi qalb xi sfida li kellhom f’ ħajjitkom. Tafu tkunu tridu tħeġġu lil dawk li tgħallmu sabiex din il-ġimgħa waqt is-sagrament huma jixtarru dan il-messaġġ.

Ipprintja