2017
Nimmiraw lejn iċ-Ċentru
Jannar 2017


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Jannar 2017

Nimmiraw lejn iċ-Ċentru

Riċentiment, jiena kont qed nara grupp ta’ nies jipprattikaw l-arti tal-isparar bil-qaws. Anke bħala sempliċiment spettatur, stajt ninnota li jekk wieħed irid verament jitgħallem kif tuża l-qaws u l-vleġġa, jeħtieġ jiddedika ħin mhux ħażin jipprattika.

Jien ma naħsibx li jista’ qatt jirnexxilek issir arċier kwalifikat jekk inti toqgħod tispara l-vleġeġ fuq ħajt vojt u mbagħad tmur toqgħod tpinġi t-targits madwar il-vleġeġ. Jeħtieġ li inti titgħallem l-arti li timmira u tolqot iċ-ċentru tat-targit.

Inpinġu t-Targits

Li l-ewwel issib u mbagħad tpinġi madwar it-targit taf tidher bħala xi ħaġa daqsxejn assurda, iżda xi kultant, f’ ċirkustanzi oħra tal-ħajja, aħna hekk nispiċċaw nagħmlu.

Bħala membri tal-Knisja, aħna għandna t-tendenza li ninġibdu lejn xi programmi, suġġetti u saħansitra duttrini li għalina jafu jidhru interessanti u importanti u li lilna jkunu jogħġbuna. Tispiċċa tiġina t-tentazzjoni li npinġu t-targits tagħna madwarhom, u saħansitra naslu biex nibdew nemmnu li qegħdin nimmiraw lejn iċ-ċentru tal-evanġelju.

Faċli nagħmlu dan.

Tul iż-żminijiet aħna rċevejna kunsill u ispirazzjoni eċċellenti mingħand il-profeti ta’ Alla. Irċevejna wkoll direzzjoni u klarifika minn għadd kbir ta’ pubblikazzjonijiet u manwali tal-Knisja. Faċilment nispiċċaw nagħżlu s-suġġetti favoriti tagħna tal-evanġelju, inpinġu ċirku madwarhom u nispiċċaw nibdew niddikjaraw li rnexxielna nsibu ċ-ċentru tal-evanġelju.

Is-Salvatur Jikklarifika

Din mhux xi problema partikolari biss għal żmienna. Fi żmien il-qedem, il-mexxejja reliġjużi qattgħu żmien twil jikkatologaw, jikklassifikaw u jiddibattu liema mill-mijiet ta’ kmandamenti huwa l-aktar importanti.

Darba waħda grupp tal-studjużi reliġjużi ppruvaw idaħħlu lis-Salvatur f’ kontroversja. Huma talbuh jgħid kif kien jaħsibha dwar xi ħaġa li ftit kienu jaqblu bejniethom dwarha.

“Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-liġi?”

Aħna lkoll nafu kif wieġeb Ġesù: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.

“Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed.

“U t-tieni jixbhu, Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.

“Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-liġi kollha u tal-profeti.”1

Jekk jogħġobkom innutaw ftit l-aħħar sentenza: “Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti.”

Is-Salvatur mhux biss uriena x’ għandha tkun it-targit tagħna, iżda Huwa wkoll identifika x’ għandu jkun iċ-ċentru tat-targit tagħna.

Nolqtu t-Targit

Bħala membri tal-Knisja, aħna nagħmlu patt li nieħdu fuqna l-isem ta’ Ġesù Kristu. Ħaġa importanti li nifhmu b’ dan il-patt huwa l-għarfien li aħna jeħtieġ nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nitgħallmu dwar Alla, inħobbuh, inkabbru l-fidi tagħna fih, nonorawh, nimxu fi triqatu u nibqgħu sodi bħala xhieda Tiegħu.

Aktar ma nitgħallmu dwar Alla u nħossu mħabbtu għalina, aktar nirrealizzaw li s-sagrifiċċju infinit ta’ Ġesù Kristu huwa rigal divin ta’ Alla. U l-imħabba ta’ Alla tispirana biex nużaw it-triq tal-indiema vera, li twassalna għall-miraklu tal-maħfra. Dan il-proċess jagħtina ċ-ċans biex nimtlew b’ imħabba u kompassjoni akbar għal dawk ta’ madwarna. Aħna nitgħallmu ma nikkategorizzawx lill-oħrajn. Aħna nirreżistu t-tentazzjoni li nakkużaw jew niġġudikaw lill-oħrajn skont dnubiethom, skont in-nuqqasijiet u d-dgħjufijiet tagħhom, skont it-twemmin politiku u reliġjuż tagħhom, skont in-nazzjonalità tagħhom jew il-kulur tal-ġilda tagħhom.

Nibdew inħarsu lejn kull min niltaqgħu miegħu bħala iben jew bint Missierna tas-Smewwiet—ħuna jew oħtna.

Aħna nilħqu lill-oħrajn billi nifhmuhom u nħobbuhom—anke lil dawk li mhux daqstant faċli li nħobbuhom. Aħna nibku ma’ dawk li jibku u nfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ.2

U aħna nirrealizzaw li m’hemmx bżonn li aħna noqogħdu nagħmlu xi enfażi fuq xi targit partikolari tal-evanġelju.

It-targit tagħna hija ż-żewġ kmandamenti l-kbar. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti.3 Hekk kif aħna naċċettaw dan, kull ħaġa oħra nibdew nifhmuha skont l-importanza tagħha.

Jekk aħna niffokaw l-għan ewlieni u l-ħsibijiet u l-isforzi ewlenin tagħna f’ kemm sejrin inkabbru l-imħabba tagħna lejn Alla s-Setgħan u lejn ħaddieħor, aħna nistgħu nsiru nafu li sibna t-targit li għandna nimmiraw lejha u li ninsabu nimmiraw lejn iċ-ċentru tat-targit tagħna—li hi li nsiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu.

Tagħlim minn dan il-Messaġġ

Qabel taqsmu dan il-messaġġ mal-oħrajn, tistgħu tkantaw l-għanja “Our Savior’s Love” (Hymns, no. 113). Imbagħad ikkunsidraw li tħeġġu lil dawk li żżuru biex huma jirriflettu fuq it-“targits” li huma għandhom f’ ħajjithom. Tafu tiddiskutu ċerti modi li permezz tagħhom tiżguraw li ż-żewġ kmandamenti l-kbar—li “tħobbu lill-Mulej, Alla tagħkom” u li “tħobb lil għajrek bħalek innifsek” (ara Mattew 22:37, 39)—jibqgħu dejjem jiggwidaw l-għemejjel tagħkom. Tafu tkunu tridu wkoll taqsmu magħhom xi modi speċifiċi kif intom stess iffokajtu l-ħajja tagħkom fuq Kristu kif ukoll taqsmu magħhom it-testimonjanza tagħkom kif dan wassal biex bierek l-istess ħajjitkom.