Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Frar 2017
“Kif Ħabbejtkom Jien”
Xi snin ilu wieħed ħabib tiegħi jismu Louis irrakkontali rakkont ħelu dwar ommu, mara mill-aktar ġentili u edukata. Meta hija mietet, lil uliedha ma ħallitilhom ebda ġid materjali iżda ħalliet warajha wirt mill-aktar imprezzabbli ta’ eżempju, ta’ sagrifiċċju u ta’ ubbidjenza.
Wara li ntqalu l-eloġji ta’ waqt il-funeral u mxew il-vjaġġ ta’ niket lejn iċ-ċimiterju, uliedha adulti bdew iqallbu qalb il-ftit affarijiet materjali li kienet ħalliet warajha ommhom. Fosthom, Louis skopra daqsxejn ta’ nota u ċavetta. In-nota kienet tgħid: “Fil-kamra tas-sodda tal-kantuniera, fil-kexxun t’ isfel tal-gradenza tiegħi, hemm kaxxa żgħira. Ġo fiha għandkom issibu t-teżor ta’ qalbi. Din iċ-ċavetta biex tiftħu l-kaxxa.”
Ilkoll kellhom fuqhom kurżità kbira biex jaraw x’ kellha ommhom ta’ valur daqshekk kbir li spiċċat ssakkru biċ-ċavetta.
Il-kaxxa neħħewha mill-post fejn kienet u fetħuha bir-reqqa permezz taċ-ċavetta. Hekk kif Louis u ħutu bdew jeżaminaw x’ kien hemm fil-kaxxa, huma sabu ritratti individwali ta’ kull wieħed u waħda minnhom, b’ isimhom u d-data tat-twelid tagħhom. Imbagħad Louis ħareġ kartolina magħmula bl-idejn. B’ kitba ta’ xi ħadd ċkejken, li mill-ewwel għaraf li kienet tiegħu, huwa qara l-kliem li kien kiteb 60 sena qabel: “Għażiża Ommi, jiena nħobbok.”
Huma ħassewhom verament emozzjonati hekk kif leħinhom tbaxxa u spiċċaw anke bid-dmugħ f’ għajnejhom. It-teżor ta’ ommhom kien il-familja eterna tagħha. Il-qawwa tiegħu kienet tistrieħ fuq pedament mill-aktar sod ta’ nies li kienu jafu x’ jiġifieri “Jiena nħobbok.”
Fid-dinja tal-lum, imkien il-pedament sod tal-imħabba mhu daqstant meħtieġ daqs kemm hu fid-dar. U d-dinja mkien ma ssib eżempju aħjar ta’ dak il-pedament milli tista’ ssib fid-djar tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li għamlu l-imħabba ċ-ċentru tal-ħajja tagħhom fil-familja.
Lil dawk fostna li jiddikjaraw li huma dixxipli tas-Salvatur Ġesù Kristu, Huwa tana dan it-tagħlim mill-aktar influwenti.
“Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.
“Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”1
Jekk aħna nżommu l-kmandament li nħobbu lil xulxin, għandna nittrattaw lil xulxin b’ kompassjoni u rispett, nuru mħabbitna bil-mod li bih naġixxu bejnietna ta’ kuljum. L-imħabba toffri kelma ħanina, tweġiba paċenzjuża, att altruwista, widna li tisma’ u qalb li taħfer. F’ kull kuntatt li jkollna ma’ ħaddieħor, dawn il-kwalitajiet u kwalitiajiet oħrajn jgħinuna nuru b’ mod evidenti l-imħabba ta’ ġo qalbna.
Il-President Gordon B. Hinckley (1910–2008) osserva: “L-imħabba … hija l-qasrija kollha deheb f’ tarf il-qawsalla. Madankollu hija aktar minn sempliċement tarf ta’ qawsalla. L-imħabba hija wkoll il-bidu, u minnha toħroġ is-sbuħija li tfeġġ fis-sema f’ jum ta’ maltemp. L-imħabba hija s-sikurezza li għaliha jibku t-tfal, jixxenqu ż-żgħażagħ, dik li tgħaqqad iż-żwieġ, u l-lubrikant li jżomm ‘il bogħod il-firda mid-dar; hija l-paċi tax-xjuħija, ir-raġġ ta’ tama jiddi waqt il-mewt. Kemm huma għonja dawk li jgawduha fir-relazzjoni tagħhom mal-membri tal-familja, mal-ħbieb, mal-ġirien u fil-knisja.”2
L-imħabba hija l-veru assenza tal-evanġelju, l-aktar kwalità nobbli tar-ruħ umana. L-imħabba hija r-rimedju għall-familji li qed jitkissru, għall-komunitajiet dgħajfin u għall-ġnus morda. L-imħabba hija tbissima, tixjira ta’ id, kumment sabiħ u kumpliment. L-imħabba hija sagrifiċċju, servizz u altruwiżmu.
O irġiel miżżewġin, ħobbu lil martkom. Ittrattawha b’ dinjità u apprezzament. Ħuti nisa miżżewġin, ħobbu lil żwieġkom. Ittrattawh b’ unur u inkuraġġiment.
O ġenituri, ħobbu lil uliedkom. Itolbu għalihom, għallmuhom u aqsmu t-testimonjanza tagħkom magħhom. O tfal, ħobbu lill-ġenituri tagħkom. Uruhom rispett, gratitudni u ubbidjenza.
Mingħajr l-imħabba pura ta’ Kristu, Mormon għallem li “aħna m’aħna xejn.”3 It-talba tiegħi hi li aħna nimxu wara l-kunsill ta’ Mormon li “nitolbu lil Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbna, biex aħna nimtlew b’ din l-imħabba, li huwa ta lil dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu; sabiex aħna nsiru wlied Alla; ħalli meta huwa jidher aħna nkunu bħalu.”4
© 2017 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/16. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/16. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, February 2017. Maltese. 97922 159