Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Marzu 2017
Armati bis- Sewwa
Il-profeta ta’ Alla fid-dinja, il-President Thomas S. Monson, iddikjara, “Illum, aħna ninsabu mdawrin bl-akbar sensiela ta’ dnub, vizzju u ħażen li qatt esperjenzat l-umanità.”1
Tissorprendu ruħkom jekk ngħidilkom li l-President Monson qal dan il-kliem madwar 50 sena ilu? Jekk dak iż-żmien aħna konna ninsabu mdawrin b’ sensiela bla preċedent ta’ ħażen, kemm ninsabu aktar mhedda mill-ħażen illum? Għal għan ġust, il-Mulej iddikjara dwar id-dispensazzjoni tagħna, “Araw, l-għedewwa jinsabu ħaġa waħda bejniethom” (D&C 38:12).
Il-gwerra li “aħna ingaġġati fiha”2 bdiet qabel ma aħna twelidna hawn fid-dinja. Bdiet saħansitra qabel ġiet maħluqa d-dinja. Bdiet eluf ta’ snin ilu fir-renju primortali, fejn Satana rribella u “fittex li jeqred l-għażla ħielsa tal-bniedem” (Moses 4:3).
Satana tilef il-battalja u “kien imwaddab għal fuq l-art” (Rivelazzjoni 12:9), fejn għadu sal-lum għaddej bil-gwerra tiegħu. Hawnhekk fid-dinja “huwa jiġġieled mal-qaddisin ta’ Alla, u jdawwarhom dawramejt” (D&C 76:29) bil-gideb, bil-qerq, u bit-tentazzjoni.
Huwa jiġġieled kontra l-profeti u l-appostli. Huwa jiġġieled kontra l-liġi tal-kastità u s-santità taż-żwieġ. Huwa jiġġieled kontra l-familja u t-tempju. Huwa jiġġieled kontra dak li hu tajjeb, qaddis, u sagru.
Kif nistgħu niġġieldu kontra għadu bħal dan? Kif nistgħu niġġieldu kontra l-ħażen li jidher li qed jaħkem lid-dinja tagħna? X’ inhi l-korazza protettiva tagħna? Min huma l-alleati tagħna?
Il-Qawwa tal-Ħaruf
Il-Profeta Joseph Smith għallem li Satana jista’ jkollu l-qawwa fuqna biss jekk aħna nagħtuh iċ-ċans.3
Hekk kif kien qed jara żmienna, Nefi “ra l-qawwa tal-Ħaruf ta’ Alla, li niżlet fuq il-qaddisin tal-knisja tal-Ħaruf, u fuq il-poplu tal-patt tal-Mulej, li kien mifrux fuq wiċċ id-dinja; u kien armat permezz tas-sewwa u permezz tal-qawwa ta’ Alla fl-ogħla glorja” (1 Nephi 14:14; enfażi miżjuda).
Aħna kif nistgħu narmaw lilna nfusna permezz tas-sewwa u l-qawwa? Aħna nqaddsu jum il-Ħadd u nonoraw is-saċerdozju. Aħna nagħmlu u nżommu ċerti patti sagri, naħdmu fuq l-istorja tal-familja tagħna, u nattendu t-tempju. Aħna nagħmlu kontinwament dak li nistgħu biex nindmu u nitolbu bil-ħerqa lill-Mulej biex “japplika d-demm tal-att tal-fidwa ta’ Kristu biex aħna nkunu nistgħu nirċievu l-maħfra ta’ dnubietna” (Mosiah 4:2). Aħna nitolbu u nservu u nixhdu u neżerċitaw il-fidi f’ Ġesù Kristu.
Aħna narmaw ukoll lilna nfusna bis-sewwa u l-qawwa hekk kif “ngħożżu kontinwament f’ moħħna l-kliem tal-ħajja” (D&C 84:85). Aħna ngħożżu dak il-kliem billi nistudjaw b’ attenzjoni l-iskrittura mqaddsa u l-kliem tal-qaddejja magħżulin tal-Mulej, li jaqsmu magħna r-rieda Tiegħu u l-moħħ u l-leħen Tiegħu (ara D&C 68:4) matul il-konferenza ġenerali tax-xahar id-dieħel.
Fil-battalja tagħna kontra l-ħażen, għandna dejjem niftakru li aħna għandna min jgħinna fuq iż-żewġ naħat tal-velu. L-alleati tagħna jinkludu lil Alla l-Missier Etern, lill-Mulej Ġesù Kristu u lill-Ispirtu s-Santu.
L-alleati tagħna jinkludu wkoll l-armati tas-smewwiet li ma nistgħux naraw b’ għajnejna. “La tibżax,” Eliżew qal lil wieħed żagħżugħ li kien jinsab imbeżża’ hekk kif huma bdew iħabbtu wiċċhom ma’ armata sħiħa ta’ ħażen, “hemm nies aktar magħna milli magħhom” (ara 2 Slaten 6:15–16).
M’għandniex għalfejn nibżgħu. Alla jħobb lill-Qaddisin Tiegħu. Huwa qatt mhu se jabbandunana.
Jiena naf li Alla, bi tweġiba għal talbi, sema’ l-karba tiegħi biex jeħlisni mill-ħażen. Jiena nixhed li bl-għajnuna ta’ Alla l-Missier, is-Salvatur tad-dinja u l-Ispirtu s-Santu, aħna għandna nħossuna ċerti li se ningħataw qawwa suffiċjenti biex inkunu nistgħu nieqfu kontra kull forza tal-ħażen li niffaċċjaw quddiemna.
Jalla aħna dejjem inkunu armati permezz tas-sewwa ħalli nkunu nistgħu nimtlew bil-kunfidenza li tagħna se tkun ir-rebħa aħħarija.
© 2017 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/16. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/16. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, March 2017. Maltese. 97923 159