2017
Imsejħin għall-Ħidma
June 2017


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ġunju 2017

Imsejħin għall-Ħidma

Il-President Thomas S. Monson

Meta l-Profeta Joseph Smith sejjaħ lill-Presbiteru Heber C. Kimball (1801–68) biex, bħala missjunarju, “jiftaħ il-bieb tas-salvazzjoni” għall-Ingilterra, il-Presbiteru Kimball ħass lilu nnifsu inadegwat li jagħmel dan.

“O, Mulej,” huwa kiteb, “Jiena bniedem li ntemtem u kompletament mhux kapaċi għal din il-ħidma.”

Madankollu il-Presbiteru Kimball xorta waħda aċċetta s-sejħa, billi kompla jgħid: “Dawn ir-raġunijiet ma żammewnix milli nwettaq id-dmir tiegħi; il-mument li fih fhemt ir-rieda ta’ Missierna tas-Smewwiet, jiena ħassejt determinazzjoni li mmur, ikunu xi jkunu l-problemi jew id-diffikultajiet, għax kont nemmen li Huwa kien se jissapportjani bil-qawwa kbira Tiegħu, u kien se jagħtini kull kwalifika li kont neħtieġ.”1

Ħuti żgħażagħ li intom imsejħin għas-servizz missjunarju full-time, intom ġejtu msejħin għall-ħidma għaliex intom, bħall-Presbiteru Kimball, “għandkom ix-xewqa li sservu lil Alla” (D&C 4:3) u għaliex intom tinsabu lesti u denji.

Intom il-koppji anzjani ġejtu msejħin għall-ħidma għall-istess raġunijiet. Intom, madankollu, mhux biss tieħdu magħkom ix-xewqa li sservu iżda wkoll l-għerf li ksibtu minn żmien twil ta’ sagrifiċċju, imħabba u esperjenza li Missierkom tas-Smewwiet jista’ juża biex imiss il-qlub ta’ wliedu li jinsabu jfittxu l-verità. M’hemmx dubju li intom tgħallimtu li aħna ma nistgħux verament inħobbu lill-Mulej jekk aħna ma nservuhx billi nservu lill-oħrajn.

Flimkien max-xewqa tagħkom li sservu bħala missjunarji, intom għandkom ukoll il-fidi u l-ħeġġa, il-kuraġġ u l-kunfidenza, ir-riżoluzzjoni u l-qawwa, id-determinazzjon u d-dedikazzjoni. Il-missjunarji ddedikati jistgħu jġibu fis-seħħ numru ta’ mirakli fl-għalqa tal-missjoni.

Il-President John Taylor (1808–87) iddeskriva fil-qosor il-kwalitajiet tal-missjunarji b’ dan il-mod: “It-tip ta’ rġiel u nisa u koppji li aħna neħtieġu biex iwasslu l-messaġġ tal-evanġelju huma nies li għandhom il-fidi f’ Alla; nies li għandhom il-fidi fir-reliġjon tagħhom; nies li jonoraw is-saċerdozju tagħhom; nies li … Alla jafda fihom. … Neħtieġu nies mimlijin bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa ta’ Alla[,] … nies ta’ unur, integrità, virtù u safa.”2

Il-Mulej iddikjara:

“Għax araw l-għalqa bajda lesta għall-ħsad; u min ixejjer il-minġel tiegħu b’ qawwa, dan hu dak li jaħżen biex ma jinqeridx, iżda jwassal is-salvazzjoni għar-ruħu;

“U l-fidi, it-tama, il-karità u l-imħabba, b’ ħarstu fissa lejn il-glorja ta’ Alla, tikkwalifikah għall-ħidma” (D&C 4:4–5).

Is-sejħa tagħkom waslet permezz tal-ispirazzjoni. Jiena nixhed li lil dak li Alla jsejjaħ, Alla jikkwalifika. Intom tirċievu l-għajnuna divina hekk kif bl-għajnuna tat-talb intom taħdmu fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej.

Il-wegħda sabiħa li l-Mulej ta lill-missjunarji fil-bidu ta’ din id-dispensazzjoni, kif naqraw fid-Duttrina u Patti, tista’ tkun tagħkom ukoll: “Jiena nkun ninsab quddiemkom. Jiena se nkun fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħkom, u l-Ispirtu tiegħi se jkun f’ qalbkom, u l-anġli tiegħi jduru magħkom, biex jgħinukom.” (D&C 84:88).

Hekk kif intom isservu, intom tibnu memorji u ħbiberiji eterni mill-aktar prezzjużi. Ma naf bl-ebda għalqa oħra li tipproduċi ħsad ta’ ferħ daqstant ġeneruż aktar mill-għalqa tal-missjoni.

Issa, se ngħid xi ħaġa lil dawk il-presbiteri, is-sisters u l-koppji li, għal xi raġuni jew oħra, ma jirnexxilhomx itemmu ż-żmien assenjat lilhom fl-għalqa tal-missjoni: Il-Mulej iħobbkom. Huwa japprezza s-sagrifiċċju tagħkom. Huwa konxju tad-diżappunt tagħkom. Kunu afu li Huwa għad għandu ħidma għalikom xi twettqu. Tħallux lil Satana jgħidilkom li mhux hekk. Tagħmlux dwejjaq; taqtgħux qalbkom; tiddisprawx.

Kif jien semmejt waqt il-konferenza ġenerali ftit wara li ġejt imsejjaħ biex immexxi l-Knisja: “Tibżgħux. Agħmlu l-qalb. Il-futur se jiddi skont kemm se tiddi l-fidi tagħkom.”3 Dik il-wegħda għadha tgħodd sal-lum. Għalhekk titilfux il-fidi tagħkom, għaliex il-Mulej ma tilifx il-fidi fikom. Żommu l-patti tagħkom u ibqgħu mexjin ’il quddiem.

Id-dinja teħtieġ l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Jalla l-Mulej ibierek il-Qaddisin kollha Tiegħu—irrilevanti fejn inservu—b’ qalb missjunarja.

Noti

  1. Heber C. Kimball, in Orson F. Whitney, Life of Heber C. Kimball,3rd ed. (1967), 104.

  2. Teachings of Presidents of the Church: John Taylor (2001), 73.

  3. Thomas S. Monson, “Be of Good Cheer,” Liahona, May 2009, 92.