Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Lulju 2017
Il-Premju talli Nissaportu b’ Kuraġġ
Meta jiena kont għadni żagħżugħ, jien kont inservi fil-Knisja bħala kunsillier għal president tad-distrett mill-aktar għaqli. Huwa kien jipprova jgħallimni kontinwament. Għadni niftakar il-parir li huwa kien tani: “Meta titlaqa’ ma’ xi ħadd, ittrattah bħallikieku huwa jinsab f’ inkwiet mill-aktar serju, u ċ-ċans hu li hekk ikun.” Dak iż-żmien jiena ħarist lejh bħala bniedem pessimist. Illum, aktar minn 50 sena wara, jiena nista’ nara kemm huwa kien verament fehem id-dinja u l-ħajja.
Ilkoll kemm aħna niffaċċjaw l-isfidi f’ ħajjitna—xi kultant, sfidi mill-aktar diffiċli. Aħna nafu li l-Mulej jagħtina ċ-ċans li nesperjenzaw dawn l-isfidi biex aħna nikbru personalment u nipperfezzjonaw ruħna ħalli nistgħu nkunu Miegħu għal dejjem.
Il-Mulej għallem lill-Profeta Joseph Smith ġewwa ċ-Ċella ta’ Liberty li l-premju talli huwa jibqa’ jirreżisti b’ kuraġġ l-isfidi tiegħu kien se jgħinu jikkwalifika għall-ħajja eterna:
“Ibni, inwassallek is-sliem; l-avversità u s-sofferenza tiegħek sa jkunu biss għal żmien qasir;
“Imbagħad, jekk inti tibqa’ tirreżisti b’ kuraġġ, Alla jeżaltak fil-għoli; inti tittrijonfa fuq l-għedewwa tiegħek” (D&C 121:7–8).
F’ ħajjitna aħna nesperjenzaw bosta diffikultajiet u sfidi li jista’ jidher li se jkun diffiċli għalina li nibqgħu nirreżistu b’ kuraġġ. Hekk taf tħossha dik il-familja li qed tiddependi fuq il-ħxejjex li tkabbar meta tesperjenza żmien ta’ nixfa. Huma jafu jistaqsu, “Kemm se ndumu nissaportu?” Hekk jaf iħossu dak iż-żagħżugħ li jinsab jirreżisti d-dilluvju dejjem jikber ta’ ħmieġ u tentazzjoni. Hekk jaf iħossu dak iż-żagħżugħ li qed jitqabad biex jikseb l-edukazzjoni jew it-taħriġ meħtieġ biex ikun jista’ jkollu impjieg li permezz tiegħu jista’ jissapportja lill-mara u l-familja. Hekk taf tħossha dik il-persuna li ma tistax issib impjieg jew li tilfet l-impjieg li kellha meta n-negozju li kienet miegħu falla. Hekk jafu jħossuhom dawk li huma jew il-maħbubin tagħhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas ta’ saħħa fiżika, kemm jekk għadhom fiż-żogħżija u kemm jekk waslu fix-xjuħija tagħhom.
Iżda Alla li tant iħobbna ma jippermettix li aħna ngħaddu minn dawn l-isfidi sempliċiment biex jara jekk aħna aħniex kapaċi nirreżistu d-diffikultà f’ ħajjitna, iżda pjuttost biex jara jekk aħna aħniex kapaċi nibqgħu nirreżistu b’ kuraġġ u nkunu nistgħu nikbru personalment.
Il-membri tal-Ewwel Presidenza għallmu lill-Presbiteru Parley P. Pratt (1807–57) meta huwa kien għadu kif ġie msejjaħ bħala membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu: “Inti ġejt ingaġġat f’ kawża li teħtieġ l-attenzjoni sħiħa tiegħek; … li inti ssir vleġġa maħtura. … Jeħtieġ li inti tibqa’ tirreżisti l-ħafna għawġ, il-ħafna tbatija, u l-ħafna privazzjoni biex inti tikber b’ mod perfett. … Missierek tas-Smewwiet jeħtieġ dan; l-għalqa hija Tiegħu; il-ħidma hija Tiegħu; u Hu … jimliek bil-kuraġġ … u jispirak.”1
Fil-ktieb tal-Lhud, Pawlu jitkellem dwar il-frott li hu riżultat talli wieħed jibqa’ jirreżisti b’ kuraġġ: “Tassew li bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott ta’ ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja” (Lhud 12:11).
L-isfidi u d-diffikultajiet tagħna jagħtuna l-opportunità li nitgħallmu u nikbru, u jafu saħansitra jibdlu l-istess natura tagħna. Jekk fl-estremità tagħna aħna nduru lejn is-Salvatur, aħna naslu biex nirraffinaw ruħna hekk kif aħna nibqgħu nirreżistu b’ kuraġġ.
Għalhekk, l-ewwel ħaġa li għandna niftakru hi li nitolbu dejjem (ara D&C 10:5; Alma 34:19–29).
It-tieni ħaġa hi li kontinwament aħna nagħmlu l-almu tagħna li nżommu l-kmandamenti—tkun xi tkun l-oppożizzjoni, it-tentazzjoni jew l-għagħa ta’ madwarna (ara Mosiah 4:30).
It-tielet ħaġa kruċjali li għandna nagħmlu hi li naqdu lill-Mulej (ara D&C 4:2; 20:31).
Fil-servizz tagħna lejn l-Imgħallem, aħna nsiru nafuh u nħobbuh. Jekk aħna nipperseveraw fit-talb tagħna u fis-servizz fidil tagħna, aħna nibdew nagħrfu l-influwenza tas-Salvatur u tal-Ispirtu s-Santu f’ ħajjitna. Ħafna fostna għaddew xi żmien iwettqu dan is-servizz u ħassew din is-sħubija. Jekk tħarsu lura fiż-żmien, intom tiftakru li fikom kien seħħ ċertu tibdil. Kien jidher li naqset it-tentazzjoni li tagħmlu l-ħażen. Ix-xewqa fikom li tagħmlu t-tajjeb kibret. Dawk li kienu jafukom l-aktar u li ħabbewkom l-aktar jista’ jkun li qalulkom: “Int sirt persuna aktar ġentili u aktar paċenzjuża. Qisek m’għadekx l-istess persuna li kont.”
Intom ma kontux bqajtu l-istess persuna. Intom inbdiltu permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu għaliex intom fdajtu fih fi żmien ta’ prova.
Inwegħidkom li jekk intom tfittxuh u taqduh, il-Mulej ikun lest li jgħinkom fl-isfidi ta’ ħajjitkom u f’ dan il-proċess intom tispiċċaw biex tirraffinaw ruħkom. Jiena nitlobkom sabiex kull darba li tħabbtu wiċċkom mal-avversità intom tafdaw Fih .
Jiena naf li Alla l-Missier jgħix u li Huwa jisma’ u jwieġeb kull talba tagħna. Jiena naf li Ibnu, Ġesù Kristu, ħallas il-prezz għad-dnubiet kollha ta’ kull wieħed u waħda minna u li Hu jridna nersqu lejh. Jiena naf li l-Missier u l-Iben jinsabu jħarsuna u li Huma ħejjew triq għalina biex aħna nibqgħu nirreżistu b’ kuraġġ u nkunu nistgħu nerġgħu lura d-dar.
© 2017 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/17. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/17. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, July 2017. Maltese. 97927 159