Messaġġ tal-Tagħlim taż-Żjajjar, Lulju 2017
Biex Ikunu Ħaġa Waħda
Bl-għajnuna tat-talb studjaw dan il-materjal u fittxu li tiksbu l-ispirazzjoni biex tkunu tafu x’ għandkom taqsmu ma’ ħutkom. Li jifhmu l-għan tas-Soċjetà tal-Għajnuna kif jista’ jħejji lill-ulied nisa ta’ Alla għall-barkiet tal-ħajja eterna?
“Ġesù kiseb unità perfetta mal-Missier billi ssottometta ruħu, kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu, għar-rieda tal-Missier,” għallem il-Presbiteru D. Todd Christofferson tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu.
“… Bla dubju ma nistgħux inkunu ħaġa waħda ma’ Alla u ma’ Kristu sakemm l-akbar xewqa tagħna ma tkunx ir-rieda u l-interess Tagħhom. Din it-tip ta’ sottomissjoni ma niksbuhiex f’ ġurnata, iżda permezz tal-Ispirtu s-Santu, il-Mulej ikun jista’ jgħallimna jekk aħna nkunu lesti nitgħallmu sakemm, fil-proċess taż-żmien, ikun jista’ jingħad b’ mod ċar li Huwa jinsab fina kif il-Missier jinsab Fih.”1
Linda K. Burton, il-President Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, għallmet kif aħna nistgħu naħdmu lejn din l-unità: “Li aħna nagħmlu u nżommu l-patti tagħna hija espressjoni tal-impenn tagħna li rridu nsiru nixbhu lis-Salvatur. L-ideal hu li aħna nagħmlu l-almu tagħna biex aħna nuru dejjem l-attitudni li hija espressa f’ waħda mill-għanjiet favoriti tagħna: ‘Immur fejn int tridni mmur. … “Ngħid dak li inti tridni ngħid. “Inkun dak li inti tridni nkun.’”2
“Il-Presbiteru Christofferson jfakkarna wkoll li “hekk kif aħna nagħmlu li nistgħu, jum wara jum u ġimgħa wara ġimgħa, biex nimxu fit-triq ta’ Kristu, l-ispirtu tagħna juri l-qawwa tiegħu, il-battalja ta’ ġo fina tiddgħajjef u t-tentazzjoni ma tibqax aktar tinkwetana.”3
Neill F. Marriott, it-Tieni Kunsillier fil-Presidenza Ġenerali tal-Tfajliet, qasmet it-testimonjanza tagħha dwar il-barkiet li aħna nistgħu niksbu jekk aħna nippruvaw nagħmlu r-rieda tagħna f’ armonija mar-rieda ta’ Alla: “Bdejt insibha diffiċli biex neħles mix-xewqa mortali li kollox iseħħ kif irrid jien u eventwalment indunajt li l-mod kif irrid jien kien wisq limitat u inferjuri għal mod kif irid Ġesù Kristu. “It-triq ta’ Missierna tas-Smewwiet hija dik li twassal għall-ferħ f’ din il-ħajja u għall-ħajja eterna fid-dinja li jmiss.’”4 Ejjew nagħmlu l-almu tagħna biex b’ umiltà aħna nsiru ħaġa waħda ma’ Missierna tas-Smewwiet u ma’ Ibnu, Ġesù Kristu.
Skrittura u Informazzjoni Addizzjonali
Ġwanni 17:20–21; Efesin 4:13; Doctrine and Covenants 38:27; reliefsociety.lds.org
© 2017 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/17. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/17. Traduzzjoni ta’ Visiting Teaching Message, July 2017. Maltese. 97927 159