Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Awissu 2017
Ħajja ta’ Dixxiplu
Tletin sena ilu ġewwa l-Ghana, waħda studenta żagħżugħa universitarja jisimha Doe daħlet għall-ewwel darba ġewwa dar tal-laqgħat tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Kienet waħda ħabiba tagħha li kienet stiednet lil Doe biex tattendi magħha, u Doe kellha kurżità biex tkun taf fiex kienet tittratta l-Knisja.
In-nies kienu verament minn tagħna u tant laqgħuha li ma setgħetx ma tistaqsix lilha nnifisha, “Din x’ tip ta’ knisja hi?”
Doe tant impressjonat ruħha li hija ddeċidiet li titgħallem aktar dwar il-Knisja u n-nies tagħha, li kienu mimlijin b’ daqstant hena. Iżda hekk kif hija bdiet tagħmel dan, xi membri tal-familja tagħha u ħbieb tagħha, b’intenzjoni tajba, bdew jopponu kull ħaġa li hija bdiet tagħmel. Huwa qalu ċertu affarijiet terribbli dwar il-Knisja u għamlu dak kollu li setgħu biex jaqtgħulha qalbha.
Iżda Doe kienet kisbet ġo fiha testimonjanza.
Hija kellha l-fidi u hija ħabbet verament l-evanġelju, li kien qed jimla ħajjitha b’ daqstant hena. U għalhekk, hija daħlet fl-ilmijiet tal-magħmudija.
Wara li tgħammdet hija bdiet tistudja u titlob ħafna. Hija bdiet issum u bdiet tfittex l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu f’ ħajjitha. B’ riżultat ta’ dan, it-testimonjanza u l-fidi ta’ Doe komplew jikbru u jissaħħu. Eventwalment hija ddeċidiet li sservi missjoni full-time għall-Mulej.
Wara li ġiet lura mill-missjoni, hija bdiet toħroġ ma’ ġuvni li wkoll kien serva missjoni u hi żżewġitu—l-istess ġuvni li kien għammidha snin qabel—u wara huma ġew issiġillati ġewwa t-Tempju ta’ Johannesburg, fl-Afrika t’ Isfel.
Għaddew ħafna snin minn meta Doe Kaku esperjenzat għall-ewwel darba l-ferħ tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Matul dak iż-żmien, il-ħajja mhux dejjem kienet waħda faċli għaliha. Hija għaddiet minn mumenti verament ta’ qsim il-qalb u disperazzjoni, fosthom it-telfa ta’ żewġ uliedha—in-niket profond ta’ dawk l-esperjenzi għadha tħossu bil-kbir.
Iżda hi u żewġha, Anthony, għamlu l-almu tagħhom biex ikunu dejjem aktar viċin xulxin u viċin l-għażiż Missierhom tas-Smewwiet, li lilu huma jħobbu b’ qalbhom kollha.
Illum, 30 sena wara li niżlet fl-ilmijiet tal-magħmudija, Sister Kaku għadha kif temmet missjoni oħra full-time—din id-darba flimkien mar-raġel tagħha, li kien president tal-missjoni fin-Niġerja.
Dawk li jafu lil Sister Kaku kollha jaqblu li hi għandha fiha xi ħaġa speċjali. Il-ferħ jiddi minnha. Diffiċli li tqatta’ xi ħin magħha u ma tħossokx aktar ferħan.
It-testimonjanza tagħha hija waħda ċerta: “Jiena naf li s-Salvatur iħares lejja bħala bintu u l-ħabiba Tiegħu (ara Mosiah 5:7; Ether 3:14),” tgħid hi. “U jien qed nipprova nagħmel l-almu tiegħi biex nitgħallem inkun ukoll il-ħabiba Tiegħu—mhux biss b’ dak li ngħid iżda wkoll b’ dak li nagħmel.”
Aħna Dixxipli
L-istorja ta’ Sister Kaku tixbah l-istorja ta’ ħafna oħrajn. Hija għandha xewqa li tkun taf il-verità, hija ħallset il-prezz biex tkun tista’ tikseb id-dawl spiritwali, permezz ta’ għemilha hija wriet l-imħabba tagħha lejn Alla u lejn għajrha u tul it-triq hija esperjenzat għadd ta’ diffikultajiet u niket.
Iżda kienet x’ kienet l-oppożizzjoni, għaddiet kemm għaddiet minn niket, hija baqgħet miexja ‘l quddiem bil-fidi. U daqstant ieħor importanti, hija baqgħet dejjem ferħana. Hija sabet mod mhux biss kif tibqa’ għaddejja b’ kuraġġ qalb id-diffikultajiet tal-ħajja, iżda wkoll kif tkompli tiżviluppa minkejja dawn l-istess diffikultajiet!
L-istorja tagħha tixbah ħafna l-istorja tiegħi u tagħkom.
Il-vjaġġ tagħna rarament ikun wieħed faċli jew mingħajr sfidi.
Aħna lkoll nesperjenzaw l-uġigħ il-qalb, id-diżappunt u n-niket.
Xi kultant aħna nafu nħossuna wkoll se naqtgħu qalbna u ddisprati.
Iżda dawk li jgħixu ħajja ta’ dixxiplu—li jibqgħu fidili u mexjin ‘il quddiem b’ fidi; li jafdaw f’ Alla u jżommu l-kmandamenti Tiegħu;1 li ġurnata wara ġurnata, siegħa wara siegħa, huma jgħixu l-evanġelju; li jagħtu servizz kif irid Kristu lil dawk ta’ madwarhom, opra tajba wara l-oħra—huma dawk li l-għemejjel żgħar tagħhom ħafna drabi jwasslu biex jagħmlu differenza kbira.
Dawk li huma aktar twajbin, aktar lesti li jaħfru u daqsxejn aktar ħanina se jirċievu l-ħniena.2 Dawk li jippruvaw jagħmlu d-dinja post aħjar milli hi, permezz ta’ opra wara l-oħra ta’ mħabba, u jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħixu l-ħajja mbierka, sodisfaċenti u ta’ paċi bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, huma dawk li eventwalment isibu l-ferħ.
Huma jsiru jafu li “l-imħabba ta’ Alla, li tinfirex lil hinn fi qlub il-bnedmin … hija l-aktar ħaġa mixtieqa fost kull ħaġa oħra … u l-aktar ħaġa li twassal l-hena fir-ruħ.”3
© 2017 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/17. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/17. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, August 2017. Maltese. 97928 159