Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ottubru 2017
Insiru Verament Dixxipli
F’ kull laqgħa tas-sagrament, aħna jkollna l-privileġġ li nwegħdu lil Missierna tas-Smewwiet li aħna dejjem sejrin niftakru fis-Salvatur u nżommu l-Kmandamenti Tiegħu ħalli jkun jista’ jkollna magħna l-Ispirtu Tiegħu (ara Moroni 4:3; 5:2; D&C 20:77, 79). Issir għalina ħaġa mill-aktar naturali li dejjem niftakru fih hekk kif nieħdu fuqna l-isem Tiegħu. Dan nistgħu nagħmluh b’ diversi modi iżda l-aktar meta aħna nservu lil ħaddieħor f’ ismu, naqraw il-kliem imqaddsa Tiegħu u nitolbu biex insiru nafu Hu x’ irid minna.
Jien esperjenzajt dan meta kont għammidt wieħed żagħżugħ. Jien kont naf li bħala missjunarju jien kont ġejt imsejjaħ mill-qaddejja ordnati mis-Salvatur biex ngħallem l-evanġelju Tiegħu u nixhed dwaru u dwar il-vera Knisja Tiegħu. Jiena u sieħbi l-missjunarju konna wegħdna lil dan iż-żagħżugħ li huwa kien se jiġi mnaddaf permezz tal-qawwa tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu hekk kif huwa jindem permezz tal-fidi fis-Salvatur u jitgħammed minn wieħed mill-qaddejja awtorizzati Tiegħu.
Hekk kif jiena għollejt lil dan iż-żagħżugħ mill-ilma tal-fonti tal-magħmudija, minn taħt l-ilsien huwa qalli f’ widnejja, “Jiena nadif, jiena nadif.” F’ dak il-mument, jiena ftakart fil-magħmudija tal-Salvatur minn Ġwanni l-Battista fix-Xmara Ġordan. Aktar minn hekk, jiena ftakart li kont qed inwettaq il-ħidma tas-salvazzjoni ta’ Salvatur ħaj imqajjem mill-imwiet—megħjun mil-Ispirtu s-Santu, bl-istess mod kif kien megħjun Ġwanni.
Għalija u għal kull wieħed u waħda minna, li niftakru fis-Salvatur hija ferm aktar milli sempliċiment niftakru fl-għarfien u fl-esperjenzi li aħna għandna dwaru. Aħna kuljum nistgħu nagħmlu ċerta għażliet li fil-preżent jistgħu jressquna aktar viċin Tiegħu.
L-aktar għażla sempliċi taf tkun li naqraw l-iskrittura. Billi nagħmlu dan, aħna niksbu dawk is-sentimenti li permezz tagħhom inħossuna aktar viċin Tiegħu. Ngħid għalija, l-aktar li jiena nħossni viċin Tiegħu hu meta jiena naqra mill-Ktieb ta’ Mormon. Fl-ewwel minuti li jien naqra mill-kapitli tat-2 Ktieb ta’ Nefi, f’ moħħi jiena nisma’ l-ilħna ta’ Nefi u Leħi jiddiskrivuli lis-Salvatur bħallikieku huma kienu jafuh personalment. Inħossni verament viċin Tiegħu.
Intom jaf għandkom xi siltiet oħra fl-iskrittura li jressqukom verament aktar viċin Tiegħu. Iżda taqraw fejn taqraw u taqraw meta taqraw il-kelma ta’ Alla, b’ umlità u b’ intenzjoni ġenwina biex tiftakru fis-Salvatur, ix-xewqa tagħkom li kuljum intom tieħdu fuqkom l-isem Tiegħu f’ ħajjitkom tikber.
Dik ix-xewqa tibdel il-mod kif intom isservu fil-Knisja tal-Mulej. Intom titolbu lil Missierna tas-Smewwiet biex jgħinkom tkabbru saħansitra dik is-sejħa li għalikom taf tidher waħda insinifikanti. L-għajnuna li intom titolbu għaliha hi l-abbiltà li tinsew lilkom infuskom u tiffokaw aktar dwar dak li jrid is-Salvatur għal dawk li intom ġejtu msejħin sabiex isservu.
Jiena ħassejt l-influwenza Tiegħu u ħassejtni aktar viċin Tiegħu fis-servizz li jiena nagħmel mat-tfal tagħna meta jiena tlabt biex inkun naf kif lilhom jiena stajt ngħinhom isibu l-paċi li jista’ jwasslilna biss l-evanġelju. F’ mumenti bħal dawn, aktar milli kien importanti li jiena nkun ġenitur ta’ suċċess, kien importanti ferm aktar is-suċċess u l-benesseri ta’ wliedi.
Ix-xewqa li aħna nagħtu lil dawk li nservu l-istess ħaġa li kieku s-Salvatur innifsu jagħtihom twassalna biex aħna nitolbu bil-ħerqa lil Missierna tas-Smewwiet, sewwasew f’ isem Ġesù Kristu. Meta aħna nitolbu b’ dan il-mod—f’ isem is-Salvatur, b’ fidi fih—il-Missier jisma’ t-talb tagħna. Huwa jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jiggwidana, ifarraġna u jinkuraġġina. Billi l-Ispirtu dejjem jagħti xhieda tas-Salvatur (ara 3 Nephi 11:32, 36; 28:11; Ether 12:41), il-kapaċità tagħna li nħobbu lill-Mulej b’ qalbna kollha, b’ moħħna kollu u bil-qawwa tagħna kollha tikber (ara Mark 12:30; Luqa 10:27; D&C 59:5).
Il-barkiet li aħna niksbu għaliex ta’ kuljum u f’ dan il-mument aħna dejjem niftakru fih nibdew niksbuhom bil-mod iżda b’ mod sikur hekk kif aħna nservuh, niffesteġġjaw permezz tal-kelma Tiegħu u nitolbu b’ fidi f’ismu. U għax niftakru fih b’ dan il-mod iwassal biex aħna nsiru verament dixxipli tal-Mulej Ġesù Kristu fis-saltna Tiegħu f’ din id-dinja—u aktar tard flimkien ma’ Missieru fid-dinja glorjuża li jmiss.
© 2017 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/17. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/17. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, October 2017. Maltese. 97930 159