2018
Ir-Rigal tal-Indiema
January 2018


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Jannar 2018

Ir-Rigal tal-Indiema

“Ir-responsabbiltà tagħna hi li nqumu mill-medjokrità għall-kompetenza, mill-falliment għas-suċċess,” għallem il-President Thomas S. Monson. “Il-ħidma tagħna hi li noħorġu l-aħjar ta’ ġo fina. Wieħed mill-akbar rigali li tana Alla hu l-ferħ li nħossu għax nafu li nistgħu nerġgħu nippruvaw, għax l-ebda falliment m’ għandu qatt ikun finali.”1

Ħafna drabi aħna nassoċjaw il-bidu ta’ sena ġdida mar-reżoluzzjonijiet u l-pjanijiet. Aħna nagħmlu riżoluzzjoni li lesti li ninbidlu, li nerġgħu nippruvaw. Jista’ jkun li l-aqwa mod kif nistgħu nerġgħu nippruvaw huwa billi nħaddnu dak li l-President Monson iddeskriva bħala “r-rigal tal-Indiema.”2

F’ dawn is-siltiet li ġejjin mit-tagħlim tiegħu minn mindu huwa leħaq President tal-Knisja, il-President Monson għallimna sabiex “napplikaw id-demm tal-att tal-fidwa ta’ Kristu biex aħna nkunu nistgħu nirċievu l-maħfra ta’ dnubietna, u biex qlubna jiġu ppurifikati.”3

Il-Miraklu tal-Maħfra

“Ilkoll kemm aħna għamilna ċerti għażliet ħżiena. Jekk aħna għadna ma ppruvajniex insewwu dawn l-għażliet, nassigurakom li għad hemm mod kif nistgħu nagħmlu dan. Dan il-proċess jissejjaħ l-indiema. Inħeġġiġkom sabiex taraw kif se ssewwu l-iżbalji tagħkom. Is-Salvatur tagħna miet sabiex jipprovdi lili u lilek dan ir-rigal imbierek. Għalkemm it-triq mhux waħda faċli, il-wegħda hija reali: ‘Imqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ’ [Isaija 1:18]. “U jiena, il-Mulej, ma nibqax niftakarhom iżjed’ [D&C 58:42]. Araw li ma tirriskjawx il-ħajja eterna tagħkom. Jekk intom dnibtu, aktar ma tippruvaw malajr issibu triqitkom lura, anqas ma ddumu ma ssibu l-paċi ħelwa u l-ferħ ħelu li tesperjenzaw permezz tal-miraklu tal-maħfra.”4

Nerġgħu Lura fit-Triq

“Għalkemm hija ħaġa imperattiva li nagħżlu b’ għaqal, jiġu żminijiet meta nispiċċaw nagħmlu ċerti għażliet xejn tajbin. Id-don tal-indiema, li pprovdielna s-Salvatur tagħna, jagħtina l-qawwa li ndawru d-direzzjoni ta’ ħajjitna, sabiex inkunu nistgħu nerġgħu lura fit-triq li twassalna sa dik il-glorja ċelestjali li qed infittxu.”5

Triqitna Lura

“Jekk waqt dan il-vjaġġ xi ħadd minnkom tilef it-triq, nassigurakom li għad tistgħu terġgħu ssibu triqitkom lura. Dan il-proċess jissejjaħ l-indiema. Għalkemm it-triq hija waħda diffiċli, is-salvazzjoni eterna tagħkom tiddependi minnha. Hawn xi ħaġa li hi daqstant vallapena li għandkom tiddedikaw l-isforzi tagħkom għaliha? Nitlobkom sabiex tiddeċiedu minn issa li tieħdu l-passi kollha neċessarji biex tindmu kompletament. Aktar ma tagħmlu dan malajr, aktar tkunu kapaċi tesperjenzaw il-paċi u s-serħan u l-assigurazzjoni li tkellem dwarhom Isaija [Ara Isaija 1:18].”6

In-Nies Jistgħu Jinbidlu

“Irridu nżommu f’ moħħna li n-nies jistgħu jinbidlu. Jafu jabbandunaw warajhom ċerti vizzji li seta’ kellhom. Huma jistgħu jindmu minn xi trasgressjonijiet passati. Huma jistgħu jħaddnu s-saċerdozju b’ mod den. U Huma jistgħu jaqdu lill-Mulej b’ mod diliġenti.”7

Nerġgħu Nindafu

“Jekk hemm xi ħaġa li mhijiex sewwa f’ ħajjitkom, hemm mod lest għalikom biex jgħinkom tirranġaw dak li mhux sewwa. Ieqfu agħmlu dak li mhux tajjeb. Tkellmu mal-isqof tagħkom. Hi x’inhi l-problema, tistgħu teħilsu minnha jekk tindmu verament. Intom tistgħu terġgħu tindafu.”8

L-Irwol Essenzjali tas-Salvatur

“Essenzjali għal dan il-pjan tas-salvazzjoni huwa s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Mingħajr is-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu, kollox kien ikun għal xejn. Madankollu, mhux biżżejjed li aħna sempliċiment nemmnu fih u fil-missjoni Tiegħu. Jeħtieġ li naħdmu u nitgħallmu, infittxu u nitolbu, nindmu u nitjiebu. Jeħtieġ li nsiru nafu l-liġijiet ta’ Alla u ngħixuhom. Jeħtieġ li nirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni Tiegħu. Huwa biss meta nagħmlu dan li aħna niksbu l-vera hena eterna.”9

Noti

  1. “The Will Within,” Ensign, Mejju 1987, 68.

  2. “Choices,” Liahona, Mejju 2016, 86.

  3. Mosiah 4:2.

  4. “The Three Rs of Choice,” Liahona, Nov. 2010, 69.

  5. “Choices,” 86.

  6. “Keep the Commandments,” Liahona, Nov. 2015, 85.

  7. “See Others as They May Become,” Liahona, Nov. 2012, 68.

  8. “Priesthood Power,” Liahona, Mejju 2011, 67.

  9. “The Perfect Path to Happiness,” Liahona, Nov. 2016, 80–81.