2018
Il-Kelma ta’ Alla għal Uliedu
March 2018


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Marzu 2018

Il-Kelma ta’ Alla għal Uliedu

L-iskrittura tgħidilna li l-ewwel ħaġa li Alla għamel wara li ħoloq lir-raġel u l-mara kien li tkellem magħhom.1 Huwa kellu għalihom informazzjoni mill-aktar importanti u struzzjonijiet mill-aktar prezzjużi. L-għan tiegħu ma kienx li jitfa’ fuqhom ċertu piż jew li jinkwetahom iżda li jiggwidahom lejn il-ferħ u l-glorja eterna.

U dak kien għadu biss il-bidu. Minn dak inhar ‘il quddiem, Alla kompla jikkomunika ma’ wliedu. Kliemu ġie ppreservat, studjat u milqugħ b’ għożża kbira mill-ħafna dixxipli ta’ kull ġenerazzjoni. Hu meqjum minn dawk li jippruvaw ikunu jafu x’inhi r-rieda ta’ Alla, u huma jagħtu xhieda tal-verità li “ebda ħaġa ma jagħmel Alla l-Mulej, jekk ma jurix il-ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti.”2

Mill-bidu taż-żminijiet minn dejjem hekk ġara, u hekk għadu jiġru sal-lum. Kliemu mhuwiex sempliċiment storja sabiħa tal-Bibbja; huwa l-mod li stabbilixxa Alla li bih jikkomunika l-messaġġi essenzjali Tiegħu ma’ wliedu. Huwa jagħżel ċerti individwi minn fostna, isejħilhom biex ikunu profeti u jgħidilhom xi kliem għandhom jgħidu, kliem li aħna mistednin li “nirċievu bħallikieku ħareġ minn fommu.”3 Huwa ddikjara “Jekk hux permezz ta’ leħni jew ta’ leħen il-qaddejja tiegħi, hija l-istess ħaġa.”4

Dan huwa wieħed mill-aktar messaġġi glorjużi, inkuraġġanti u ta’ tama minn fost il-messaġġi kollha tar-Restawrazzjoni—Alla ma jinsabx sieket! Huwa jħobb lil uliedu. Huwa ma ħalleniex niġġerrew fid-dalma.

Darbtejn fis-sena, f’ April u f’ Ottubru, aħna jkollna l-opportunità li nisimgħu leħen il-Mulej permezz tal-qaddejja Tiegħu fil-konferenzi ġenerali meraviljużi tagħna.

Jiena nagħtikom ix-xhieda personali tiegħi li qabel mal-kelliema fil-konferenza ġenerali jibdew jimxu l-mixja twila tagħhom lejn il-podju, huma jkunu verament għamlu sforz kbir u jkunu investew ħin twil ta’ talb u studju biex iwettqu l-essajnment li jkunu ġew mogħtija li jitkellmu. Kull messaġġ tal-konferenza jirrappreżenta sigħat sħaħ ta’ tħejjija u talb mill-qalb biex huma jkunu jistgħu jifhmu x’inhu dak li l-Mulej jixtieq li jisimgħu l-Qaddisin Tiegħu.

Tgħid x’ jiġri li kieku aħna, li nkunu qed nisimgħu, nitħejjew bl-istess mod li bih jitħejjew il-kelliema? Kif jista’ jkun differenti l-mod li aħna nħarsu lejn il-konferenza ġenerali jekk nibdew inħarsu lejha bħala opportunità fejn aħna nistgħu nirċievu l-messaġġi mingħand il-Mulej innifsu? Permezz tal-kliem u l-mużika tal-konferenza ġenerali, aħna nistennew li nirċievu tweġibiet personalizzati għal kwalunkwe mistoqsija jew problema li jista’ jkollna.

Jekk inti qatt tiddubita jekk hux minnu li Missierna tas-Smewwiet jista’ jkellmek, irrid infakkrek dwar il-kliem sempliċi madankollu profond li jkantaw it-tfal tagħna tal-Primarja: “Int iben Alla, hu lili bagħatni hawn.” L-għan Tiegħu hu li jgħinek terġa’ lura “biex miegħu terġa’ tkun.”

Jekk inti tmur quddiem Missierna tas-Smewwiet bħala Ibnu, inti tista’ titolbu b’ qalb sinċiera, “Iggwidani, imxi ħdejja, għinni t-triq insib. Għidli x’ għandi nagħmel jien.” Huwa jkellmek permezz tal-Ispirtu s-Santu Tiegħu, u mbagħad sta għalik “li kliemu int tgħix.” Inwiegħdek li jekk tagħmel dan, “barkiet hemm merfugħin.”5

Il-gwida tal-Mulej hija meħtieġa fi żmienna daqskemm kienet meħtieġa f’ kwalunkwe żmien ieħor fl-istorja tad-dinja. Hekk kif aħna nitħejjew biex nisimgħu l-kelma tal-Mulej, jalla aħna nfittxu b’ diliġenza l-Ispirtu tal-verità ħalli meta l-Mulej jitkellem permezz tal-qaddejja Tiegħu, aħna nkunu nistgħu nifhmuh, nedifikaw ruħna u nifirħu flimkien.6

Jiena nixhed li “talli nagħmlu dan, il-kanċelli tal-infern mhux sa jegħlbuna; iva u l-Mulej Alla se jkeċċi qawwiet id-dlam minn quddiemna, u jġiegħel li jitriegħdu s-smewwiet minħabba fina u minħabba l-glorja ta’ ismu.”7

Ipprintja