“X’Inhi d-Divinità?,” Liahona, Ġunju 2021
Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Liahona, Ġunju 2021
X’Inhi d-Divinità?
Missierna fis-Smewwiet, Ġesù Kristu, u l-Ispirtu s-Santu huma tliet esseri separati b’għan wieħed komuni.
Darba kien hemm editur li staqsa lill-Profeta Joseph Smith fiex jemmnu l-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Bħala tweġiba, il-Profeta kiteb 13-il dikjarazzjoni ta’ twemmin li nsejħulha l-Artikli tal-Fidi. L-ewwel dikjarazzjoni tgħid, “Aħna nemmnu f’Alla, il-Missier Etern, u f’Ibnu, Ġesù Kristu, u fl-Ispirtu s-Santu” (Artikli tal-Fidi 1:1). Dawn it-tlieta jifformaw dik li nsejħuha d-Divinità.
Alla, il-Missier Etern
Alla għandu ġisem imqajjem mill-imwiet tal-laħam u l-għadam. Hu Missier l-ispirti tagħna. Huwa jħobb lil kull wieħed u waħda minn uliedu b’imħabba perfetta. Alla hu perfett, għandu kull setgħa, u jaf kollox. Huwa ġust, ħanin, u twajjeb. Aħna għexna bħala spirti ma’ Alla qabel ma twelidna. Hu bagħatna f’din id-dinja biex nitgħallmu u nikbru. L-akbar xewqa ta’ Alla hi li aħna lkoll, uliedu, nerġgħu lura biex ngħixu miegħu wara li mmutu. Alla jgħallimna li jeħtieġ li nimxu wara Ġesù Kristu biex nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla.
Ġesù Kristu
Ġesù Kristu għandu wkoll ġisem imqajjem mill-imwiet tal-laħam u l-għadam. Hu l-Iben il-kbir ta’ Alla. Qabel ma twelidna, Alla għażlu biex ikun is-Salvatur tagħna. Dan ifisser li Ġesù ġie f’din id-dinja biex ikun ta’ eżempju għalina, jgħallem l-evanġelju tiegħu, ipatti għal dnubietna, u jsalvana mill-mewt. Grazzi għal Ġesù Kristu, aħna nistgħu ninħafru minn dnubietna meta nindmu. Ġesù Kristu bata ħafna wkoll ħalli jkun jista’ jifhimna u jgħinna. Ġesù Kristu miet u mbagħad reġa’ qam, fejn għamilha possibbli li kulħadd jerġa’ jgħix.
L-Ispirtu s-Santu
L-Ispirtu s-Santu huwa dak il-membru tad-Divinità li m’għandux ġisem fiżiku. Huwa spirtu. L-Ispirtu s-Santu kapaċi jikkomunika direttament mal-ispirti tagħna. Hu jixhed magħna li Alla hu reali u li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur Tagħna. L-Ispirtu s-Santu jaġixxi bħala l-messaġġier ta’ Alla biex iwasslilna l-imħabba, il-gwida, jew il-faraġ. Meta nitgħammdu u niġu kkonfermati, aħna nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Wara l-magħmudija tagħna, l-Ispirtu s-Santu jista’ jibqa’ dejjem magħna hekk kif inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla.
L-Ewwel Viżjoni ta’ Joseph Smith
Tul iż-żminijiet in-nies ħassewhom imħawdin dwar id-Divinità. In-nies kellhom nuqqas ta’ qbil dwar in-natura ta’ Alla, ta’ Ġesù Kristu, u tal-Ispirtu s-Santu. Din kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn l-Ewwel Viżjoni li kellu Joseph Smith kienet daqstant importanti. Hu ra li Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu għandhom ġisem u li huma żewġ esseri separati.
Separati iżda Magħqudin
L-iskrittura u l-profeti moderni jgħallmuna li Alla, Ġesù Kristu, u l-Ispirtu s-Santu huma esseri separati b’għan wieħed: l-immortalità u l-ħajja eterna tagħna (ara Moses 1:39). Bħal membri tal-istess tìm, huma jaħdmu flimkien biex jgħinuna kuljum. Aħna nħossuna aktar viċin tagħhom meta nindmu minn dnubietna u nagħżlu t-tajjeb.
Skrittura dwar id-Divinità
-
Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu għandhom għan wieħed (ara Ġwanni 10:30).
-
Missierna fis-Smewwiet kellem lil Ibnu (ara Mattew 3:16–17).
-
Ġesù Kristu kellem lil Missieru (ara Ġwanni 11:41).
-
Ġesù Kristu talab għalina biex xi darba nsiru ħaġa waħda (ara Ġwanni 17:11).
-
Joseph Smith ra lil Missierna fis-Smewwiet u lil Ġesù Kristu (see Joseph Smith—History 1:17).
-
L-Ispirtu s-Santu jixhed li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna (ara Ġwanni 15:26).
© 2021 minn Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly Liahona Message, June 2021. Maltese. 17470 159