“Ara li Tikteb,” Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, Lulju 2021, 18-19.
Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, Lulju 2021
Ara li Tikteb
Li tiktbu ħsibijietkom waqt li tistudjaw l-iskrittura jista’ verament jgħinkom titgħallmu.
“Kull darba li nibda naqra l-iskrittura, tmur għajni bija!” wieħed missjunarju qal lill-president tal-missjoni tiegħu. “Bħallikieku l-iskrittura qisha xi pillola tal-irqad!”
Il-president tiegħu wieġeb, “Inti ġieli tniżżel xi noti meta taqra?”
“Le,” qal il-missjunarju.
“Faċli tmur għajnejk bik jew moħħok imur fuq xi ħaġa oħra meta tkun qed taqra biss,” qal il-president, “iżda dan impossibbli jiġri meta tkun qed tikteb ukoll!”
Il-parir li dan il-president tal-missjoni ta lill-missjunarju tiegħu li kien qed jiffaċċja din id-diffikultà għamel differenza kbira. Għalhekk jekk inti qiegħed tfittex mod ġdid kif issaħħaħ l-istudju tiegħek tal-iskrittura, ipprova agħmel dan. Hekk kif tibda tikteb dwar dak li tkun qed taqra, hemm ċans kbir li inti tinvolvi ruħek aktar kif ukoll titgħallem aħjar.
Li ġejjin huma xi metodi li aħna sibna verament ta’ għajnuna.
Brother Steven Lund:
Meta naqra jien nara li jkolli xi karta ħdejja. Waqt l-istudju tiegħi, jiena nikteb dak li jnebbaħni l-Ispirtu.
Din l-idea jiena ħadtha mill-Presbiteru Richard G. Scott (1928–2015) tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, li qal: “L-aktar affarijiet importanti li titgħallem mingħand l-Ispirtu iktibhom x’imkien fejn issibhom. Inti ssib li hekk kif tikteb dawn is-suġġerimenti prezzjużi, ħafna drabi int tispiċċa biex tirċievi aktar suġġerimenti. Barra minn hekk, l-għarfien li tikseb jibqa’ disponibbli għalik tul ħajtek” (“To Acquire Knowledge and the Strength to Use It Wisely,” Ensign, Ġunju 2002, 32).
Jiena naf li dak il-kliem hu minnu. Hekk kif nipprepara d-diskors u l-lezzjonijiet, jiena mhux biss indur lejn l-iskrittura iżda wkoll lejn dak li nkun ktibt waqt li nkun qed naqraha.
Brother Ahmad Corbitt:
Jiena nieħu gost nistudja skont is-suġġett. Jiena naqra l-iskrittura mill-bidu sal-aħħar, iżda nieħu gost ukoll naqbeż minn post għall-ieħor u nistudja s-suġġetti. Per eżempju, jiena nuża l-Gwida tas-Suġġetti biex insib ċerta skrittura dwar il-fidi jew dwar il-ġabra ta’ Iżrael. Imbagħad mhux sempliċiment inniżżel in-noti, iżda jiena nikteb dak li nkun qed nitgħallem biex inkun ċert li verament qed nifhem. Dejjem nimmeravilja ruħi kemm nifhem l-affarijiet aħjar meta nagħmel dan. Jiena nagħżel ukoll li nitgħallem bl-amment xi skrittura.
Brother Bradley Wilcox:
Jiena nħalli ħdejja djarju tal-istudju li fih nikteb l-iskrittura fi kliemi. Per eżempju, “Għax il-bniedem naturali huwa għadu ta’ Alla” (Mosiah 3:19) issir “Għax il-bniedem supperv u li ma jindimx jagħżel li jkun għadu ta’ Alla, iżda Alla mhuwiex l-għadu tiegħu. Alla hu l-aqwa ħabib tiegħu.”
Jien nikteb ukoll mistoqsijiet. Dawn jistgħu jkunu mistoqsijiet li nkun qed naħseb dwarhom qabel nibda naqra, jew jistgħu jkunu mistoqsijiet li jfeġġu f’moħħi meta nkun qed naqra. Irrispettivament kif ifeġġu f’moħħi dawn il-mistoqsijiet, huma jżommuni ffokat.
Il-Qawwa li Tikteb Ħsibijietek
Kull membru tal-presidenza tagħna jistudja l-iskrittura b’mod differenti, iżda lkoll kemm aħna niktbu waqt li nistudjaw!
Il-qari jgħinna nassimilaw il-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna. Din hi ħaġa importanti. U meta nitkellmu jew niktbu, aħna niskopru u nesprimu l-ħsibijiet u s-sentimenti li jkollna fina. Aħna nħossu li dan jgħinna nippersonalizzaw il-veritajiet tal-evanġelju aħjar.
Wieħed żagħżugħ sar jaf dan għalih innifsu meta hu ġie mitlub biex jagħmel diskors waqt il-laqgħa tas-sagrament. Hu kien sema’ bosta nies oħra jagħmlu d-diskorsi tagħhom iżda ma kienx baqa’ jiftakar id-dettalji. Din id-darba kienet ħaġa differenti. Meta hu kiteb fil-qosor id-diskors li kien se jagħmel, dan mhux biss għenu jagħmel diskors organizzat, iżda hu baqa’ jiftakar dan id-diskors żmien twil wara.
Inti tista’ tesperjenza l-istess ħaġa fl-istudju tiegħek tal-iskrittura. Jekk meta tiftaħ l-iskrittura tkun se tmur għajnejk bik, ara li tistenbaħ. Ipprova aqbad xi lapes, pinna, mowbajl, jew kompjuter u ibda ikteb. Żgur li tibqa’ mistagħġeb x’differenza tagħmel!
© 2021 minn Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly For the Strength of Youth Message, July 2021. Maltese. 17471 159