“Tibni l-Aqwa Verżjoni Tiegħek,” Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, Sett. 2021, 6-7.
Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, Settembru 2021
Tibni l- Aqwa Verżjoni Tiegħek
Ħames modi kif tibni ħajja kuntena u ferħana.
Meta l-Mulej talab lil Joseph Smith biex jibni t-Tempju ta’ Kirtland, hu ma ħalliehx jipprova jagħmel kollox waħdu bla ebda direzzjoni. Hu żvela pjan li kellu jwassal għal suċċess.
“Ara li tinbena d-dar, mhux skont il-pjan tad-dinja,” iddikjara l-Mulej. “Ara li tinbena skont kif se nurik jiena” (Doctrine and Covenants 95:13–14). Il-Mulej imbagħad tah struzzjonijiet kif kellu jibni t-tempju (ara Doctrine and Covenants 95:15–17).
Fortunatament, il-Mulej uriena ferm aktar minn sempliċiment kif nibnu t-tempji. Hu tana wkoll struzzjonijiet biex jgħinna nsiru l-aqwa persuna li nistgħu nkunu. Hekk kif nimxu warajhom, aħna nibnu ħajjitna “mhux skont il-pjan tad-dinja” iżda skont il-pjan li fassal il-Mulej.
Dawn huma ħames modi kif tibni ħajja kuntena u ferħana ċċentrata fuq Ġesù Kristu.
Ibni Pedament Sod
Kwalunkwe perit jew bennej jgħidlek li pedament sod huwa importanti ferm għal kwalunkwe bini. Ħelaman għallem li l-aqwa pedament għal ħajjitna hu “il-blata tal-feddej tagħna, li hu Kristu, Iben Alla” (Helaman 5:12). Aħna nistgħu nagħmlu lil Kristu l-pedament tagħna billi nersqu lejh u nimxu wara t-tagħlim tiegħu. Kemm tħoss li qed tirnexxi f’li tagħmel lil Kristu bħala l-pedament ta’ ħajtek?
Aqdi lil Ħaddieħor
Mod importanti ħafna biex nibnu ħajjitna, skont il-President Dieter F. Uchtdorf, li kien it-Tieni Kunsillier fl-Ewwel Presidenza, hu meta “aħna nkunu fuq riġlejna naqdu lill-Mulej u naqdu lil dawk ta’ madwarna.”1 Meta inti taqdi lil ħaddieħor, tkun qed tagħmel dak li għamel Ġesù u titgħallem biex issir aktar bħalu. U inti mhux biss tbierek il-ħajja tan-nies li sservi, iżda int tkun imbierek ukoll.
Oħloq Rutina Regolari ta’ Talb u Studju tal-Iskrittura
Mod ieħor biex tibni ħajja kuntenta hu billi tibni relazzjoni ma’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu. Mod importanti kif tagħmel dan hu permezz tat-talb u l-istudju tal-iskrittura.
Il-President Uchtdorf qal: “Biex insaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, jeħtieġ li ngħaddu ftit ħin sinifikanti weħidna miegħu. Li niffokaw fis-skiet kuljum fuq it-talb personali u l-istudju tal-iskrittura… ikun ta’ investiment għaqli tal-ħin u tal-isforzi tagħna biex nersqu aktar viċin ta’ Missierna fis-Smewwiet.”2
It-talb hu opportunità biex nikkomunikaw ma’ Missierna fis-Smewwiet. Huwa jafna, iħobbna, u jrid jisma’ x’għandna xi ngħidu! Meta aħna nitolbu b’sinċerità, noffru r-ringrazzjamenti tagħna, u nitolbuh għall-affarijiet li neħtieġu, Hu jismagħna u jkun dejjem lest li jwieġeb talbna bil-mod u fil-ħin tiegħu.
Fejn jidħol l-istudju tal-iskrittura, m’hemmx xi mod wieħed partikolari kif għandna nagħmlu dan. L-aktar ħaġa importanti hi li nistudjawha. Il-President Russell M. Nelson għallem, “Li aħna ngħaddsu rasna kuljum fil-kelma ta’ Alla hi ħaġa kruċjali għas-sopravivenza spiritwali.”3 Li tgħaddi ħin kuljum tistudja l-iskrittura jgħinek, bla dubju, tibni ħajja ta’ fidi u qawwa.
Kun Imdawwar b’Nies li Jħeġġuk Tagħmel it-Tajjeb
Missierna fis-Smewwiet iridna nagħmlu kuntatt u nibnu relazzjonijiet ma’ ħaddieħor—speċjalment mal-familja u l-ħbieb. Ħafna mfasslin minn dawk li nqattgħu ħinna magħhom. Kemm jekk huma membri tal-Knisja, kemm jekk le, inti għandek tkun imdawwar b’nies li jgħinuk tgħix l-evanġelju, tħares l-istandards tal-Mulej, u ssir persuna aħjar. Inti tista’ tgħin ukoll lil dawk ta’ madwarek jagħmlu l-istess. Min fost sħabek qed jgħinek tibni l-pedament tiegħek fuq is-sewwa?
Sib il-Ferħ fil-Bini tal-Pedament Tiegħek
Hemm bosta modi oħra kif tista’ tibni ħajtek biex tkun spiritwalment b’saħħtek u tħossok ferħan, fosthom li tmur il-knisja u tieħu sehem fis-sagrament, tagħmel u tħares il-patti, u timxi wara l-parir tal-profeti ħajjin.
Importanti tiftakar li dan kollu jeħtieġ ħafna xogħol u jieħu ż-żmien. Dejjem se ssib x’tibni u x’titgħallem, iżda inti m’għandekx tagħmel dan kollu waħdek. Il-Mulej se jgħinek kuljum hekk kif tipprova tagħmel l-almu tiegħek biex tibni ħajja li inti u Hu tistgħu tkunu kburin biha u li ġġiblek il-ferħ.
© 2021 minn Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly For the Strength of Youth Message, September 2021. Maltese. 17473 159