“X’jiġri l-Ħadd waqt il-Laqgħat tal-Knisja?,” Liahona, Ġunju 2022.
Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Liahona, Ġunju 2022
X’jiġri l-Ħadd waqt il-Laqgħat tal-Knisja?
Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jiltaqgħu kull nhar ta’ Ħadd biex iqimu lil Alla u jgħallmu lil xulxin l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Kulħadd huwa mistieden li jattendi, u l-membri ikollhom iċ-ċans li jitolbu, jagħtu diskorsi, u jgħallmu lezzjonijiet jekk ikunu jridu. Dawn il-laqgħat jgħinu lill-membri sabiex iqawwu lil xulxin fil-fidi u jkollhom “qlubhom meħjuta flimkien f’unità u f’imħabba” (Mosiah 18:21).
Laqgħa tas-Sagrament
Il-membri tal-qasam jew tal-fergħa jiltaqgħu kull nhar ta’ Ħadd għal-laqgħa tas-sagrament. (Dawk li mhumiex tal-fidi tagħna jistgħu jattendu wkoll.) Is-sagrament jingħata lill-membri matul din il-laqgħa sabiex jgħinhom jiftakru f’Ġesù Kristu (ara l-artiklu tal-Bażiċi tal-Evanġelju ta’ April 2022 għal iktar informazzjoni dwar is-sagrament). Il-laqgħa tinkludi wkoll talb, mużika ta’ qima, u diskorsi mogħtija minn membri dwar l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
Laqgħat Oħra
Wara l-laqgħa tas-sagrament, il-membri jinqasmu fi klassijiet u kworums. Tfal ta’ bejn 18-il xahar u 11-il sena jattendu l-Primarja. Fl-ewwel u t-tielet Ħadd ta’ kull xahar, il-membri l-oħra kollha jattendu l-Iskola tal-Ħadd. Fit-tieni u r-raba’ Ħadd, huma jattendu l-laqgħat tas-Soċjetà tal-Għajnuna, tat-Tfajliet, jew tal-kworum tas-saċerdozju.
Talb
It-talb waqt il-laqgħat tal-Knisja jingħad mill-membri. It-talb huwa wieħed sempliċi u jiġi b’direzzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Il-membri jitolbu billi jużaw kliem li jesprimi mħabba u rispett għall-Missier fis-Smewwiet. Meta jingħad bl-Ingliż dan jinkludi l-użu tal-pronomi Thee, Thy, Thine, u Thou meta nitolbu lilu.
Diskorsi
Membru tal-veskovat jew tal-presidenza tal-fergħa jistaqsi lill-membri biex jagħtu diskorsi fil-laqgħa tas-sagrament. Dawn id-diskorsi jiffukaw fuq l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Dawn il-kelliema jużaw l-iskrittura u l-kliem ta’ mexxejja tal-Knisja biex jippreparaw id-diskorsi tagħhom. Huma jagħtu wkoll testimonjanza tal-barkiet tal-prinċipji tal-evanġelju f’ħajjithom.
Lezzjonijiet
Wara l-laqgħa tas-sagrament, il-membri jitgħallmu dwar l-evanġelju fi klassijiet iżgħar. Il-lezzjonijiet jistgħu jkunu dwar l-iskrittura, tagħlim mill-konferenza ġenerali, jew suġġetti oħrajn. Anki jekk l-għalliem jew l-għalliema ħa jmexxu l-lezzjoni, din mhux xi lekċer. Il-membri kollha tal-klassi jistgħu jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar is-suġġett.
Testimonjanza
Darba fix-xahar, il-laqgħa tas-sagrament tinkludi laqgħa testimonjali. Normalment, din tiġri fl-ewwel Ħadd tax-xahar. Matul din il-laqgħa, il-membri jistgħu jagħtu testimonjanza ta’ Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu. Li tagħti testimonjanza ifisser li tiddikjara veritajiet tal-evanġelju kif ispirat mill-Ispirtu s-Santu.
Tħejjija
Il-membri jippreparaw għal-laqgħat tal-Ħadd billi jitolbu, jistudjaw l-iskrittura, u jkunu mħejjijin li jirċievu l-ispirazzjoni mingħand l-Ispirtu s-Santu. Jekk tiġi mitlub li tagħmel diskors jew tgħallem lezzjoni, aħseb fit-talb tiegħek kif tista’ tgħallem prinċipji tal-evanġelju. Uża l-iskrittura. Agħti testimonjanza tal-verità. Il-mexxejja tiegħek tal-Knisja jistgħu jgħinuk tħejji ruħek, jekk hu meħtieġ.
© 2022 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fl-Istat Uniti. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly Liahona Message, June 2022. Maltese. 18315 159