“Immexxijin minn Profeti Ħajjin,” Liahona, Sett. 2022.
Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Liahona, Settembru 2022
Imħejji minn Profeti Ħajjin
Il-profeti huma rġiel li huma msejħin mill-Missier fis-Smewwiet biex jitkellmu għalih. Huma jixhdu dwar Ġesù Kristu u jgħallmu l-evanġelju tiegħu. Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jemmnu kemm fil-profeti tal-qedem u kemm f’dawk moderni.
Alla Jitkellem permezz tal-Profeti
Il-profeti jirċievu rivelazzjoni minn Alla. Meta l-profeti jkunu ispirati li jgħallmuna, dan ikun l-istess bħallikieku Alla jkun qed ikellimna (ara Doctrine and Covenants 1:38). Jista’ jkollna l-fiduċja li huma qed jgħidulna dak li Alla jridna li nkunu nafu.
Il-Profeti Jgħallmu dwar Ġesù Kristu
Il-profeti jixhdu dwar Ġesù Kristu. Huma jgħallmuna li Hu l-Iben ta’ Alla. Huma jgħallmuna dwar ħajtu, l-eżempju tiegħu, u l-Espjazzjoni tiegħu. U juruna kif nimxu warajh u nobdu l-kamndamenti tiegħu.
Responsabbiltajiet tal-Profeti
Il-profeti jgħallmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Huma jispjegaw il-barkiet li aħna nirċievu meta nobdu l-kmandamenti u l-konsegwenzi li nirċievu jekk ma nagħmlux dan. Xi drabi, huma jistgħu jiġu ispirati li jgħidulna dwar avvenimenti tal-futur.
Profeti tal-Qedem
Alla għallem il-poplu permezz tal-profeti sa mill-bidu taż-żminijiet. Il-profeti li għexu fi żminijiet it-Testment il-Qadim jinkludu lil Adam, Noè, Abraham, Mosè, Isaija, u oħrajn. Kien hemm profeti wkoll fost il-poplu tal-Ktieb ta’ Mormon. Fost dawn il-profeti nsibu lil Leħi, Mosija, Alma, u Moroni. Nistgħu nitgħallmu dak li għallmu billi naqraw l-iskrittura.
Profeti Moderni
Joseph Smith kien l-ewwel profeta fi żminijiet moderni. Huwa rrestawra l-Knisja ta’ Ġesù Kristu lid-dinja. Russell M. Nelson huwa l-profeta u l-President tal-Knisja llum. Il-kunsillieri tiegħu fl-Ewwel Presidenza u t-Tnax -il Appostlu huma wkoll profeti, veġġenti, u rivelaturi.
Nisimgħu mill-Profeta
Il-profeta jkellimna matul il-konferenza ġenerali u drabi oħra. Huwa jgħallimna dak li Alla jridna nkunu nafu u kif nimxu wara Ġesù Kristu llum. Aħna nistgħu nsibu t-tagħlim tiegħu fil- Liahona u fuq ChurchofJesusChrist.org.
Barkiet Meta Nimxu Wara l-Profeta
Aħna nkunu mberkin jekk nimxu wara t-tagħlim tal-profeta. Meta nimxu wara l-profeta, aħna nistgħu nkunu nafu li qed nagħmlu dak li Alla jridna nagħmlu. Aħna nistgħu nħossu l-paċi f’ħajjitna u nersqu eqreb lejn Ġesù Kristu.
© 2022 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fl-Istat Uniti. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly Liahona Message, September 2022. Maltese. 18299 159