Messaġġ mill-Mexxej tar-Reġjun
L-Evanġelju Huwa għall-Bnedmin Kollha
B’195 pajjiż mifruxin ma’ 7 kontinenti, b’iktar minn 7,000 lingwa differenti, u b’popolazzjoni ta’ 7.9 biljun ruħ, aħna ngħixu f’dinja ta’ rikkezza u diversità tal-għaġeb. Jeżistu numru bla għadd ta’ tradizzjonijiet u kulturi f’kull livell, madwar kull nazzjon u saħansitra f’kull familja individwali. Tassew ħaġa tal-għaġeb. Aħna mogħnija bid-diversità, xi ħaġa tabilħaqq meraviljuża!
In-normi soċjali kull ma jmur qed jinfatmu iżjed mill-prinċipji verament fundamentali tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, magħruf u mifhuma permezz tar-restawrazzjoni tiegħu f’dan l-aħħar żmien. Iżda minkejja dan kollu, hemm dejjem verità kostanti, persistenti, fissa, u jekk tinftiehem u tintgħaraf li hi hekk, hi ma tinbidel qatt. Jiġifieri: li kull raġel, mara u tifel jew tifla li għexu, li qed jgħixu, li se jgħixu f’din id-dinja glorjuża u diversa, huma wlied Alla, il-Missier tagħna fis-Smewwiet. Li aħna ninsabu hawn fid-dinja biex nesperjenzaw il-mortalità għal għan divin, għax “Alla qal, Ħa nagħmlu l-bniedem fuq ix-xbieha u s-sura tagħna. … U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbiehetu, fuq xbihat Alla ħalqu; raġel u mara ħalaqhom.” (Ġenesi 1:26-27) u aħna għandna nsiru bħal Alla stess “Jien għedt li allat intom; ulied l-Għoli lkoll kemm intom.” (Salm 82:6)
Il-Proklamazzjoni tal-Familja tiddikkjara wkoll: “Il-bnedmin KOLLHA—irġiel u nisa—huma maħluqa fi xbieha ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minnhom huma iben jew bint spirtu ta’ ġenituri tas-sema, u għalhekk, kollha għandhom natura divina u destin divin.” X’pożizzjoni privileġġjata hi din li tkun minn ta’ ġewwa biex tagħraf u tifhem din il-verità essenzjali. Jiena grat għaliha. Ma nqishiex bħala xi ħaġa ovvja. Meta kont għadni tfajjel, minħabba ċerti esperjenzi li kelli fil-ħajja dak iż-żmien, kelli mistoqsijiet dwar in-natura ta’ Alla, dwar min kien, dwar kif jidher. Kont inżur knejjes tal-lokal u kont nistaqsi lil ministri dawn il-mistoqsijiet. Kont insaqsi mistoqsijiet dwar l-għan tal-ħajja, u għalfejn ninsabu hawn la ħa jkollna nsofru uġigħ u niket. Ma stajt qatt nirċievi tweġiba sodisfatta li tinħass tajba.
Hemm verità oħra divina u konsistenti, li Kristu, ħuna, u s-Salvatur tagħna, għamel l-espjazzjoni għad-dnubiet tal-bnedmin kollha, għal kull individwu, irrispettivament mill-pajjiż tal-oriġini, ir-razza jew it-twemmin tagħhom. Il-qawmien mill-imwiet u l-immortalità hija għotja lill-ulied kollha ta’ Alla mingħajr kundizzjoni. Madanakollu, hemm prezz li jrid jitħallas biex niksbu l-qawwa divina tal-espjazzjoni, biex nindmu verament u biex ninħelsu mit-toqol tad-dnub. Is-Salvatur stess spjega dan meta wasal fost l-Amerki; “U intom mhux se toffru lili iktar tixrid ta’ demm; iva, is-sagrifiċċji tagħkom u l-offerti tal-ħruq se jiġu fi tmiemhom, għax jien mhux se naċċetta l-ebda sagrifiċċju mingħandkom jew offerta tal-ħruq. U intom se toffruli bħala sagrifiċċju qalb niedma u spirtu sogħbien. U kull min jiġi għandi b’qalb niedma u spirtu sogħbieb, lil dak jien se ngħammed bin-nar u bl-Ispirtu s-Santu.” (3 Nephi 9:19-20) Alma jkompli d-diskors billi jikkonferma “Għaldaqstant, kull min jindem, u ma jwebbisx qalbu, hu se jkollu dritt għall-ħniena permezz tal-Iben Waħdieni tiegħi, għal maħfra ta’ dnubietu; u dawn se jidħlu fis-serħan tiegħi.” (Alma 12:34). U għall-grazzja t’Alla nafu mit-tagħlim ta’ Ġakbu f’dak li għandu x’jasam ma’ dawk li m’għandhomx opportunità li jitgħallmu, jifhmu, u li jkollhom testimonjanza ta’ Kristu; “Għax l-espjazzjoni tissodisfa d-domanda tal-ġustizzja tiegħu fuq dawk kollha li ma ġietx mogħtija lilhom il-liġi, li huma jiġu meħlusin … u huma jerġgħu lura għand dak Alla li tahom in-nifs, li hu l-Qaddis ta’ Iżrael.” (2 Nefi 9:26)
Tassew li din l-għotja hi sabiħa, għall-bnedmin kollha! Jien grat għaliha, għaliex regolarment nesperjenza l-hena ta’ wieħed li nħafer mid-dnub, u bl-istess mod l-hena ta’ wieħed li tfejjaq.
Se nħallikom b’tfakkira tal-istedina mogħtija lil kull wieħed u waħda minna mingħand is-Salvatur stess, “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mattew 11:28-30)