“Għalfejn Aħna Nħallsu d-Dieċmi,” Liahona, Diċ. 2022.
Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Liahona , Diċembru 2022
Għalfejn Aħna Nħallsu d-Dieċmi
Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jagħtu wieħed minn kull għaxra tad-dħul tagħhom lill-Knisja. Dan jissejjaħ id-dieċmi. Il-flus jintużaw għax-xogħol tal-Knisja madwar id-dinja.
X’inhuma d-Dieċmi?
Wieħed mill-kmandamenti ta’ Alla huwa li nħallsu d-dieċmi, li huwa wieħed minn kull għaxra mid-dħul tagħna, lill-Knisja tiegħu. Meta nħallsu d-dieċmi, aħna nuru gratitudni lil Alla għall-barkiet tagħna. Nuru li aħna nafdaw f’Alla u li lesti nobduh f’kollox.
Stejjer mit-Testment il-Qadim
Il-poplu ta’ Alla ilu jħallas id-dieċmi minn żminijiet tal-Antik Testment. Per eżempju, Abraham ħallas id-dieċmi (ara Ġenesi 14:18–20). Il-liġi tad-dieċmi kienet mgħallma wkoll minn profeti tal-qedem, fosthom Mosè u Malakija (ara Levitku 27:30–34; Neħemija 10:35–37; Malakija 3:10).
Restawrazzjoni tal-Liġi tad-Dieċmi
Fl-1838, il-Profeta Joseph Smith staqsa lill-Mulej kif il-membri tal-Knisja għandhom iħallsu d-dieċmi. It-tweġiba tal-Mulej insibuha f’ Doctrine and Covenants 119, li tgħid li membri għandhom jagħtu wieħed minn kull għaxra tal-interessi tagħhom lill-Knisja (ara vers 4). Il-mexxejja tal-Knisja għallmu li “interessi” ifisser introjtu.
Kif Għandna Nħallsu d-Dieċmi
Aħna nistgħu nħallsu d-dieċmi billi nimlew il-formola onlajn fuq donations.ChurchofJesusChrist.org. Jew inkella nistgħu nimlew formola tal-karta u nagħtu l-flus lil xi membru tal-veskovat jew tal-presidenza tal-fergħa. Il-flus kollha jintbagħtu lill-kwartieri ġenerali tal-Knisja, fejn il-mexxejja tal-Knisja (l-Ewwel Presidenza, il-Kworum tat-Tnax -il Appostlu, u l-Veskovat li Jippresedi) bl-għajnuna tat-talb jiddeċiedu kif se jintużaw.
Barkiet
Il-Mulej wiegħed li dawk li jħallsu d-dieċmi se jkunu mberkin temporalment u spiritwalment. Id-dieċmi jbierku wkoll lill-ulied kollha ta’ Alla bl-opportunità li jitgħallmu dwaru u li jikbru fl-evanġelju.
Kif Jiġu Wżati l-Fondi tad-Dieċmi
Il-flus tad-dieċmi jintużaw biex tinbena l-Knisja tal-Mulej madwar id-dinja kollha. Dan jinkludi l-bini tat-tempji u strutturi oħra tal-Knisja, l-istampar tal-iskrittura u materjal ieħor, l-iffinanzjar tal-iskejjel li huma propjetà tal-Knisja, u l-għajnuna f’dak li għandu x’jaqsam mal-istorja tal-familja u l-ħidma missjunarja.
Dikjarazzjoni tad-Dieċmi
Darba fis-sena, il-membri tal-Knisja jiltaqgħu mal-isqof tagħhom (jew mal-president tal-fergħa) biex jgħidulu jekk huma jħallsux l-ammont sħiħ tad-dieċmi.
X’Jiffinanzjaw id-Dieċmi
© 2022 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fl-Istat Uniti. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly Liahona Message, December 2022. Maltese. 18318 159