Fuljetti għat-Tagħlim
Ir-Restawrazzjoni tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu


Alla Huwa Missierek tas-Smewwiet li Tant Iħobbok

Alla Huwa Missierek tas-Smewwiet. Huwa jafek personalment u jħobbok aktar milli qatt tista’ timmaġina. Huwa jridek tkun ferħan kemm f’ din il-ħajja kif ukoll fl-eternità.

Biex iwettaq dan l-għan, Missierna tas-Smewwiet ipprovda pjan imsejjaħ l-evanġelju* ta’ Ġesù Kristu. Ġesù Kristu huwa l-Iben ta’ Alla; il-ħajja u t-tagħlim Tiegħu huma l-gwida għall-paċi f’ din il-ħajja u l-hena fl-eternità.

L-Evanġelju Jbierek lill-Familji u l-Individwi

L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jbierek lil dawk kollha li jaċċettawh u jgħixuh. Wieħed mill-aħjar postijiet li fih tista’ tgħallem u tapplika l-evanġelju hu fil-familja. Alla waqqaf il-familja biex iġib il-ferħ lil uliedu, biex jagħtina ċ-ċans nitgħallmu prinċipji korretti f’ atmosfera ta’ mħabba, u biex iħejjina ħalli nerġgħu lura għandu wara li mmutu. Għalkemm xi kultant ir-relazzjonijiet fil-familja jġibu magħhom ċerti sfidi, Missierna tas-Smewwiet iberikna hekk kif aħna nagħmlu dak li nistgħu sabiex nimxu wara t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Dan it-tagħlim jgħinna nsaħħu l-familji tagħna.

Missierna tas-Smewwiet Jiżvela l-Evanġelju Tiegħu

Bħala parti mill-pjan Tiegħu, Alla għażel profeti bħal Adam, Noè, Abraham u Mosè. Il-Profeti:

  • Jgħallmu dwar Alla u huma xhieda speċjali ta’ Ibnu, Ġesù Kristu.

  • Jirċievu rivelazzjoni, jew direzzjoni mingħand il-Mulej.

  • Jgħallmu l-evanġelju lid-dinja u jinterpretaw il-kelma ta’ Alla.

Il-profeti jirċievu s-saċerdozju, jew l-awtorità li jitkellmu u jaġixxu f’ isem Alla biex imexxu lil uliedu. Dawk in-nies li jimxu wara l-profeti jirċievu l-barkiet li wiegħed Alla. Dawk li jiċħdu l-evanġelju u l-profeti ta’ Alla jitilfu dawk il-barkiet u jbiegħdu lilhom infushom minn Alla. Dawk li jiċħdu l-profeti u jabbandunaw l-impenn tagħhom li jimxu wara Alla jinsabu f’ kundizzjoni msejħa apostasija.

Avolja ħafna minn uliedu baqgħu ripetutament jiċħdu kemm lilu kif ukoll lill-profeti Tiegħu, Missierna tas-Smewwiet xorta waħda jkompli jħobb lil uliedu. Huwa jrid jagħtina dak kollu li għandna bżonn sabiex inkunu hienja kemm f’ din il-ħajja kif ukoll meta nerġgħu lura għandu wara li mmutu. L-iskrittura tiżvela sensiela ta’ episodji fejn Alla ripetutament ipprova jgħin lil uliedu, avolja aħna mhux dejjem nisimgħu:

  • Alla għażel profeta.

  • Il-profeta jgħallem l-evanġelju u jmexxi lill-bnedmin.

  • Alla jbierek lill-bnedmin.

  • Il-bnedmin gradwalment ma jaqblux mat-tagħlim tal-profeta jew ma jobduhx. Eventwalment huma ma jaċċettawx lill-profeta jew lit-tagħlim tiegħu u jaqgħu f’ apostasija.

  • Minħabba l-apostasija, in-nies jitilfu l-għarfien tal-evanġelju. L-awtorità saċerdotali tittieħed minn fosthom.

  • Meta jkun żmien xieraq u n-nies ikunu lesti li jerġgħu jimxu warajh, Alla jagħżel profeta ieħor, jirrestawra s-saċerdozju u l-Knisja, u jmexxi l-profeta biex jgħallem l-evanġelju.

Ġesù Kristu waqqaf il-Knisja Tiegħu.

Minn żmien il-Ħolqien, ulied Alla minn dejjem stennew b’ ħerqa l-miġja tas-Salvatur Ġesù Kristu. Ftit aktar minn 2,000 sena ilu, Missierna tas-Smewwiet bagħat lil Ibnu, Ġesù Kristu, fid-dinja, kif kien wiegħed li jagħmel.

Ġesù Kristu għex ħajja perfetta, mingħajr dnub. Huwa waqqaf il-Knisja Tiegħu, għallem l-evanġelju Tiegħu, u wettaq bosta mirakli. Huwa għażel tnax-il ragel sabiex ikunu Appostli Tiegħu, fosthom Pietru, Ġakbu u Ġwanni. Huwa għallimhom u tahom l-awtorità saċerdotali biex jgħallmu f’ ismu u jwettqu ċerti ordinanzi sagri, bħall-magħmudija.

Meta Ġesù waqqaf il-Knisja Tiegħu, Huwa rċieva istruzzjonijiet mingħand Missieru tas-Smewwiet. Huwa mbagħad għallem lid-dixxipli Tiegħu. Ġesù għallem lid-dixxipli Tiegħu li r-rivelazzjoni mingħand Alla kienet il-blata li fuqha Huwa kien se jibni l-Knisja Tiegħu.

Fl-aħħar ta’ ħajtu, Ġesù Kristu sofra u miet għad-dnubiet ta’ kull min għex jew għad irid jgħix fid-dinja. Dan is-sagrifiċċju jissejjaħ l-Att tal-Fidwa. Permezz tas-sofferenza, tal-mewt, u r-Reżurrezzjoni tiegħu, is-Salvatur għamilha possibbli li aħna ninħafru minn dnubietna. Dawk li jemmnu fih, jindmu, u jżommu l-kmandamenti Tiegħu jirċievu maħfra għal dnubiethom u jimtlew bil-paċi u l-ferħ.

Wara l-Qawmien Tiegħu mill-imwiet, Ġesù Kristu ggwida l-Appostli Tiegħu permezz tar-rivelazzjoni. Il-Bibbja ssemmi ħafna modi kif Huwa kompla jidderieġi l-Knisja Tiegħu (ara Atti 10; Apokalissi 1:1). Għalhekk il-Knisja ta’ Ġesù Kristu ġiet immexxija minn Alla u mhux mill-bnedmin.

L-Apostasija l-Kbira

Wara l-mewt ta’ Ġesù Kristu, nies ħżiena ppersegwitaw u qatlu ħafna membri tal-Knisja. Membri oħra tal-Knisja tbiegħdu mill-prinċipji mgħallma minn Ġesù Kristu u l-Appostli Tiegħu. L-Appostli nqatlu, u l-awtorità saċerdotali—li tinkludi l-imfietaħ li tidderieġi u tirċievi r-rivelazzjoni għall-Knisja—ġiet meħuda mid-dinja. Peress li l-Knisja ma baqgħatx aktar immexxija permezz tal-awtorità saċerdotali, ċertu tagħlim żbaljat spiċċa biex ikkorrompa t-tagħlim tal-Knisja. Xorta waħda kien għad baqa’ nies twajba u ħafna verità, iżda l-evanġelju kif ġie mwaqqaf minn Ġesù Kristu ġie meħud mid-dinja. Dan il-perjodu jissejjaħ l-Apostasija l-Kbira.

Din l-apostasija wasslet biex ġew iffurmati bosta knejjes b’ tagħlim konfliġġenti. Matul dan iż-żmien, kienu ħafna n-nisa u irġiel li fittxew il-verità, iżda ma kinux kapaċi jsibuha. Ħafna nies twajba emmnu f’ Alla u f’ Ġesù Kristu u ppruvaw jifhmu u jgħallmu l-verità, iżda huma ma kellhomx il-milja tal-evanġelju jew l-awtorità saċerdotali. B’ riżultat ta’ dan, kull ġenerazzjoni wirtet stat ta’ apostasija hekk kif il-bnedmin bdew jinfluwenzaw irwieħhom minn dak li għaddewlhom il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom, fosthom it-tibdil li kien sar fl-evanġelju ta’ Kristu.

Xi nies ispirati, bħal Martin Luther u John Calvin, għarrfu li d-drawwiet u d-duttrina kienu ġew mibdulin u ntilfu. Huma ppruvaw jirriformaw il-knejjes li kienu jagħmlu parti minnhom. Madankollu, mingħajr awtorità saċerdotali, l-evanġelju ta’ Kristu ma setax jerġa’ lura għall-forma oriġinali tiegħu. Kien hemm bżonn ta’ restawrazzjoni.

Alla kien jaf li kien sa jkun hemm apostasija. Permezz ta’ profeta tat-Testment il-Qadim, Huwa qal:

“Ara, għad jiġi żmien … meta nibgħat il-ġuħ fl-art, mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx għall-ilma, iżda għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej:

“U [n-nies] jibdew iduru minn baħar għal ieħor, u jiġġerrew mit-tramuntana għal-lvant, ifittxu l-kelma tal-Mulej u ma jsibuhiex.”

Ir-Restawrazzjoni tal-Evanġelju

Fl-1820, kif kien għamel dejjem tul iż-żminijiet, Missierna tas-Smewwiet reġa’ għażel profeta sabiex jerġa’ jirrestawra l-evanġelju u s-saċerdozju fid-dinja. Isem dak il-profeta kien Joseph Smith. Bħala Tfajjel żagħżugħ, Joseph kien iħossu mħawwad bid-differenzi li kien hemm bejn il-ħafna knejjes tal-inħawi fejn kien joqgħod u ried ikun jaf liema kienet il-knisja t-tajba. Peress li kien konxju min-nuqqas ta’ għerf tiegħu, huwa mexa wara l-kunsill li hemm fil-Bibbja, “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’ id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu” (Ġakbu 1:5).

Joseph Smith iddeċieda li jitlob lil Alla x’ għandu jagħmel. Meta Joseph talab biex ikun jaf il-verità, dehrulu Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu. Ġesù qal lil Joseph sabiex ma jingħaqad mal-ebda knisja minnhom, għaliex “huma kollha żbaljati” u li “huma b’ fommhom jersqu lejja, iżda qalbhom hi ferm ’il bogħod minni, u bħala duttrina huma jgħallmu l-kmandamenti tal-bnedmin, li jagħtu l-impressjoni li huma divini, iżda jiċħdu l-qawwa ta’ Alla” (Joseph Smith—History 1:19).

L-istess kif Alla għamel ma’ Adam, Noè, Abraham, Mosè u ma’ profeti oħra, Huwa sejjaħ lil Joseph Smith sabiex ikun profeta li permezz tiegħu ġie rrestawrat l-evanġelju fil-milja kollha tiegħu.

Ir-Restawrazzjoni tas-Saċerdozju

Fl-1829, Joseph Smith irċieva l-istess awtorità saċerdotali li Ġesù Kristu kien ta lill-Appostli Tiegħu. Ġwanni l-Battista, li għammed lil Ġesù, deher lil Joseph Smith u tah is-is-Saċerdozju Aaroniku, jew inkella l-anqas saċerdozju. Aktar tard Pietru, Ġakbu u Ġwanni (tlieta mill-Appostli oriġinali ta’ Ġesù Kristu) dehru lil Joseph Smith u tawh is-Saċerdozju Melkisedeku, jew l-ogħla saċerdozju.

Wara li rċieva l-awtorità saċerdotali, Joseph Smith ġie mmexxi sabiex jorganizza għal darb’oħra l-Knisja ta’ Ġesù Kristu fid-dinja. Permezz tiegħu, Ġesù Kristu sejjaħ tnax-il Appostlu.

Hekk kif permezz tar-rivelazzjoni Ġesù Kristu mexxa l-Appostli Tiegħu wara l-Qawmien Tiegħu mill-imwiet, Huwa jkompli jidderieġi l-Knisja illum permezz ta’ profeti u appostli ħajjin. Il-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem huwa l-profeta magħżul minn Alla illum. Hu, il-kunsilliera tiegħu, u t-Tnax-il appostlu jħaddnu l-istess awtorità saċerdotali li kienu jħaddnu l-profeti u l-appostli kollha fi żminijiet tal-passat. Dawn l-irġiel huma profeti, bassara u rivelaturi.

Il-Ktieb ta’ Mormon

Bħala parti mir-Restawrazzjoni tal-evanġelju, Alla tana l-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu. Bil-qawwa ta’ Alla, Joseph Smith ittraduċa dan il-ktieb minn kitbiet antiki mnaqqxin fuq folji tad-deheb. Il-Ktieb ta’ Mormon huwa “ġabra ta’ kitbiet dwar ir-relazzjoni ta’ Alla mal-abitanti tal-kontinent Amerikan u fih il-milja tal-evanġelju etern” (introduzzjoni għall-Ktieb ta’ Mormon).

Il-Ktieb ta’ Mormon huwa xhud qawwi ta’ Ġesù Kristu. Jgħinna nifhmu t-tagħlim Tiegħu, anke dak li jinsab fil-Bibbja.

Il-Ktieb ta’ Mormon huwa evidenza konvinċenti tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju permezz ta’ Joseph Smith. Tista’ tiskopri inti stess li l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru. Biex tikseb dan l-għarfien, trid taqrah, tixtarr il-messaġġ tiegħu u tkebbes fik ix-xewqa li tkun taf hux veru. Għandek titlob lil Missier tas-Smewwiet biex jikkonfermalek li huwa verament il-kelma Tiegħu. Inti u tagħmel dan, Huwa se jiżvelalek permezz tal- Ispirtu s-Santu li huwa veru.

Hekk kif issir taf li l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru, issir taf ukoll permezz tal-Ispirtu s-Santu li Joseph Smith kien verament profeta ta’ Alla, li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ġie rrestawrat permezz tiegħu, u li illum il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija mmexxija minn profeta u appostli.

Kif Nista’ Nsir Naf Dan?

Tista’ tkun taf li dan il-messaġġ huwa veru. Jekk tmur għand Missierek tas-Smewwiet fit-talb, inti tista’ tirċievi risposta mingħandu permezz tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu jissejjaħ ukoll l-Ispirtu ta’ Alla, u wieħed mill-irwoli Tiegħu hu li jagħti xhieda, jew testimonjanza, tal-verità.

Dan l-għarfien jista’ jħalli effett mirakoluż li jibdillek ħajtek, iżda normalment jasal għandek permezz ta’ vuċi siekta, mingħajr ebda manifestazzjoni spettakolari tal-qawwa ta’ Alla. L-Ispirtu s-Santu jikkonferma l-verità permezz tas-sentimenti, tal-ħsibijiet, u ta’ ċerti impressjonijiet. Kif huwa mgħallem fil-Bibbja, “Il-Frott tal-Ispirtu huma l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa [u] ir-rażan” (Galatin 5:22–23). Dawn is-sentimenti mill-Ispirtu s-Santu huma għalik rivelazzjoni personali li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu kif irrestawrat permezz ta’ Joseph Smith huwa veru. Imbagħad trid tagħżel jekk tridx tgħix ħajtek f’ armonija mal-għarfien li inti rċevejt.

  • Il-kliem li qiegħed bl-aħmar għandek issib tifsira tiegħu f’ paġni 18 u 19.