Kapitlu 10
Ġakobb jispjega li l‑Lhud se jsallbu lil Alla tagħhom—Huma se jispiċċaw imxerrdin sakemm jibdew jemmnu fih—L‑Amerika se tkun art ta’ ħelsien fejn l‑ebda sultan ma jsaltan—Irrekonċiljaw irwieħkom ma’ Alla u iksbu s‑salvazzjoni permezz tal‑grazzja tiegħu. Madwar 559–545 Q.K.
1 U issa jiena, Ġakobb, se nerġa’ nkellimkom, għeżież ħuti, dwar din il‑fergħa ġusta li tkellimt dwarha qabel.
2 Għax araw, il‑wegħdiet li aħna ngħatajna huma wegħdiet li ngħataw lilna skont il‑ġisem; għalhekk, kif jien ġejt muri li ħafna minn uliedna sejrin jinqerdu fil‑ġisem minħabba n‑nuqqas ta’ twemmin tagħhom, madankollu, Alla se juri l‑ħniena tiegħu ma’ ħafna minnhom; u wliedna se jinġiebu lura, sabiex huma jkunu jistgħu jiksbu dak li jagħtihom il‑veru għarfien tal‑Feddej tagħhom.
3 Għalhekk, kif għidtilkom jien, jeħtieġ li Kristu—għax il‑lejl li għadda l‑anġlu qalli li hekk se jkun jismu—jiġi fost il‑Lhud, fost dawk li huma l‑aktar ħżiena fid‑dinja; u huma se jsallbuh—għax hu meħtieġ li Alla tagħna jiġi msallab, u m’hawn l‑ebda ġens ieħor fuq l‑art li jasal biex isallab lil Alla tiegħu.
4 Għax kieku l‑mirakli mill‑aktar kbar twettqu fost ġnus oħra huma kienu jindmu, u kienu jagħrfu li hu Alla tagħhom.
5 Iżda minħabba l‑frodi saċerdotali u minħabba ħżunithom, dawk li jinsabu f’Ġerusalemm se jwebbsu rashom kontrih, tant li jispiċċaw isallbuh.
6 Għalhekk, minħabba ħżunithom huma se jintlaqtu minn qerda sħiħa, u mill‑ġuħ, u mill‑pesta, u mit‑tixrid tad‑demm; u dawk li mhumiex se jinqerdu se jispiċċaw imxerrdin fost il‑ġnus kollha.
7 Għax araw, dan jgħid il‑Mulej Alla: Meta jasal il‑jum li huma jemmnu fija, jiena li jien Kristu, imbagħad jiena nagħmel patt ma’ missirijiethom li huma jinġiebu lura fil‑ġisem, f’arthom, fl‑artijiet ta’ wirthom.
8 U għad jiġri li huma jinġabru flimkien u jinġiebu lura mid‑dispersjoni twila tagħhom, mill‑gżejjer tal‑baħar, u mill‑erba’ naħat tad‑dinja; u l‑ġnus tal‑Ġentili sejrin ikunu kbar f’għajnejja, jgħid Alla, fejn lilhom jien se nġorr lejn l‑artijiet ta’ wirthom.
9 Iva, is‑slaten tal‑Ġentili se jkunu l‑missirijiet li jrabbuhom, u l‑irġejjen tagħhom se jkunu l‑ommijiet li jreddgħuhom; għalhekk, il‑wegħdiet tal‑Mulej huma kbar għall‑Ġentili, għax hu stess qal dan, u min jista’ jmerih?
10 Iżda araw, din l‑art, jgħid Alla, se tkun l‑art ta’ wirtkom, u l‑Ġentili se jkunu mberkin fuq din l‑art.
11 U din l‑art se tkun art ta’ ħelsien għall‑Ġentili, u mhu se jkun hawn l‑ebda slaten fuq l‑art li se jaħkmu fuq il‑Ġentili.
12 U jiena sejjer niffortifika din l‑art kontra l‑ġnus l‑oħra kollha.
13 U min jeħodha kontra Sijon sejjer jinqered, jgħid Alla.
14 Għax dak li jaħtar sultan kontrija sejjer jinqered, għax jien, il‑Mulej, is‑sultan tas‑smewwiet, se nkun is‑sultan tagħhom, u se nkun għal dejjem dawl għal dawk li jisimgħu kliemi.
15 U hu għalhekk li jeħtieġ li jiġu fis‑seħħ il‑patti li jien għamilt ma’ wlied il‑bnedmin, u li se nagħmel magħhom waqt li għadhom fil‑ġisem, u jeħtieġ li jien neqred l‑għemejjel sigrieti tad‑dlam, u tal‑qtil, u l‑għemejjel mistkerrha.
16 Għalhekk, dawk li jeħduha kontra Sijon, kemm il‑Lhudi kif ukoll il‑Ġentil, kemm l‑ilsir kif ukoll il‑ħieles, kemm ir‑raġel kif ukoll il‑mara, sejrin jinqerdu; għax dawn huma dawk li huma l‑prostituta tad‑dinja kollha; għax min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi, jgħid Alla tagħna.
17 Għax jiena se nġib fis‑seħħ il‑wegħdiet li jien għamilt ma’ wlied il‑bnedmin, li se nagħmel magħhom waqt li huma fil‑ġisem—
18 Għalhekk, għeżież ħuti, hekk jgħid Alla tagħna: Jiena sejjer ngħakkes lil nislek permezz ta’ id il‑Ġentili; madankollu, jiena se nrattab qalb il‑Ġentili, li għalihom se jkunu qishom missierhom, għalhekk, il‑Ġentili se jkunu mberkin u se jkunu magħdudin mad‑dar ta’ Iżrael.
19 Għalhekk, jiena se nikkonsagra din l‑art lil nislek, u lil dawk li sejrin jingħaddu ma’ nislek, għal dejjem, bħala l‑art ta’ wirthom; għax din hija art magħżula minn fost kull art oħra, jgħid Alla, għalhekk jien irrid li dawk kollha li jgħammru fiha jagħtuni qima, jgħid Alla.
20 U issa, għeżież ħuti, peress li Alla tagħna kollu ħniena tana daqstant għarfien kbir dwar dawn il‑ħwejjeġ, ejjew niftakru fih, u niċħdu dnubietna, u ma nniżżlux rasna ’l isfel, għax huwa lilna ma warrabniex; madankollu, aħna spiċċajna mkeċċijin mill‑art ta’ wirtna; imma aħna ġejna mmexxijin lejn art aħjar, għax il‑Mulej għamel il‑baħar triqitna, u aħna ninsabu fuq gżira tal‑baħar.
21 Iżda kbar huma l‑wegħdiet li l‑Mulej għamel ma’ dawk li jinsabu fuq il‑gżejjer tal‑baħar; għalhekk peress li l‑kitba tgħidilna gżejjer, mela bilfors li hawn aktar minn din, u ħutna jgħammru fihom ukoll.
22 Għax araw, il‑Mulej Alla, minn żmien għall‑ieħor, wera t‑triq lil hinn mid‑dar ta’ Iżrael, skont ir‑rieda u x‑xewqa tiegħu. U issa araw, il‑Mulej jiftakar f’dawk kollha li spiċċaw inqatgħu, għalhekk huwa jiftakar fina wkoll.
23 Għalhekk, imlew qalbkom bil‑ferħ u ftakru li intom ħielsa li taġixxu għalikom infuskom—li tagħżlu t‑triq tal‑mewt ta’ dejjem jew it‑triq tal‑ħajja ta’ dejjem.
24 Għalhekk, għeżież ħuti, irrekonċiljaw irwieħkom mar‑rieda ta’ Alla, u mhux mar‑rieda tax‑xitan u tal‑ġisem; u wara li tirrekonċiljaw irwieħkom ma’ Alla, ftakru li huwa biss fil‑grazzja u permezz tal‑grazzja ta’ Alla li intom tiksbu s‑salvazzjoni.
25 Għalhekk, jalla Alla jqajjimkom mill‑mewt permezz tal‑qawwa tal‑qawmien, u mill‑mewt ta’ dejjem permezz tal‑qawwa tal‑espjazzjoni, biex intom tkunu tistgħu tintlaqgħu fis‑saltna eterna ta’ Alla, biex lilu intom tfaħħru permezz tal‑grazzja divina. Ammen.