Skrittura
2 Nefi 17


Kapitlu 17

Efrajm u Aram iddikjaraw gwerra kontra Ġuda—Kristu se jitwieled minn verġni—Qabbel Isaija 7. Madwar 559–545 Q.K.

1 U ġara fi żmien Aħaż bin Ġotam, bin Għużżija, sultan ta’ Ġuda, ġara li Resin, sultan ta’ Aram, u Pekaħ bin Remalija, sultan ta’ Iżrael, telgħu Ġerusalemm biex jaħbtu għaliha, imma ma felħux għaliha.

2 U wasslu l‑aħbar f’dar David u qalulu: Aram hu alleat ma’ Efrajm. U qalbu u qalb il‑poplu triegħdu bħalma jitriegħdu s‑siġar fil‑masġar bir‑riħ.

3 Mbagħad il‑Mulej qal lil Isaija: Mur iltaqa’ ma’ Aħaż, int u ibnek Sijarjasub, f’tarf is‑sieqja tal‑ġiebja l‑fuqanija, fuq triq l‑għalqa tal‑ħassiel;

4 U għidlu: Iftaħ għajnejk, u ibqa’ kalm; la tibżax, la taqtax qalbek quddiem dawn iż‑żewġt ifdal ta’ ħatbiet idaħħnu, mill‑qilla tar‑rabja ta’ Resin ma’ Aram, u ta’ bin Remalija.

5 Għax Aram, Efrajm, u bin Remalija kkonfoffaw kontrik, u qalu:

6 Ħa nitilgħu għal Ġuda, u nagħksuha, u nġegħluha toqgħod għalina, u nqiegħdu sultan f’nofsha, sewwasew, lil bin Tabal.

7 Dan jgħid il‑Mulej Alla: Dan ma jseħħx u ma jkun qatt.

8 Għax ras Aram hi Damasku, u ras Damasku hi Resin; u ħamsa u sittin sena oħra Efrajm isir bċejjeċ li ma jibqax poplu.

9 U ras Efrajm hi Samarija, u ras Samarija hu bin Remalija. Jekk ma temmnux bla dubju ma tibqgħux teżistu.

10 Barra minn hekk, il‑Mulej reġa’ kellem lil Aħaż u qallu:

11 Itlob sinjal mingħand il‑Mulej, Alla tiegħek; itolbu jew f’qiegħ l‑art jew fl‑għoli tas‑smewwiet.

12 Iżda Aħaż qal: Ma nitlobx, lanqas ma rrid nittanta lill‑Mulej.

13 U huwa qal: Isimgħu, O dar David; mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill‑bnedmin, biex issa se tkiddu wkoll lil Alla tiegħi?

14 Għalhekk, is‑sinjal jagħtihulkom il‑Mulej stess—Araw, ix‑xebba verġni titqal, u jkollha iben, u ssemmih Għimmanu‑el.

15 Baqta u għasel jiekol, ħalli jasal biex jagħraf iwarrab il‑ħażin u jagħżel it‑tajjeb.

16 Għaliex qabel ma t‑tifel jagħraf iwarrab il‑ħażin u jagħżel it‑tajjeb, l‑art li inti tistmerr se tiġi abbandunata miż‑żewġ slaten tagħha.

17 U l‑Mulej iġib fuqek, u fuq il‑poplu tiegħek, u fuq dar missierek, jiem li qatt ma ġew minn mindu Efrajm telaq minn Ġuda, is‑sultan tal‑Assirja.

18 U jiġri f’dak il‑jum meta jsaffar il‑Mulej lid‑dubbiena, li hemm f’ras l‑Eġittu, u lin‑naħla li hemm fl‑art tal‑Assirja.

19 U jiġu, u jistrieħu lkoll fil‑widien għerja, u fl‑għerien tal‑blat, u fuq l‑għollieq imxewwek u fuq kemm hemm arbuxxelli.

20 Dakinhar stess iqaxxar il‑Mulej b’mus mikri min‑naħa l‑oħra tax‑xmara, mis‑sultan tal‑Assirja, ir‑ras u x‑xagħar tar‑riġlejn; u jġiżż il‑leħja wkoll.

21 U jiġri dakinhar, li raġel jitma’ baqra u żewġ nagħġiet;

22 U jiġri li minħabba l‑kotra tal‑ħalib li jagħtu jiekol il‑baqta; għax baqta u għasel jiekol, kull min jifdal fl‑art.

23 U jiġri wkoll dakinhar, li kull imkien, li fih elf dielja jiswew elf xekel tal‑fidda, hemm jitla’ l‑ħurrieq u x‑xewk.

24 L‑irġiel jiġu bil‑vleġeġ u l‑qwas, għax l‑art kollha tispiċċa mimlija ħurrieq u xewk.

25 U l‑għoljiet kollha fejn kienu jagħżqu bl‑imgħażqa, ma jkunx hemm il‑biża’ tal‑ħurrieq u x‑xewk; imma hemm jitilqu l‑gniedes, u jirgħu n‑nagħaġ.

Ipprintja