Kapitlu 11
Ġakobb ra lill‑Feddej tiegħu—Il‑Liġi ta’ Mosè tissimbolizza lil Kristu u turina li Hu għandu jiġi. Madwar 559–545 Q.K.
1 U issa, dak iż‑żmien Ġakobb qal bosta ħwejjeġ oħra lill‑poplu tiegħi; madankollu jiena rajt li nikteb biss dawn il‑ħwejjeġ, għax il‑ħwejjeġ li ktibt għalija biżżejjed.
2 U issa jiena, Nefi, se nikteb aktar minn kliem Isaija, għax fi kliemu ruħi ssib l‑għaxqa tagħha. Għax kliemu jiena nxebbhu mal‑poplu tiegħi, u se nxandru ma’ wliedi kollha, għax huwa ra tassew lill‑Feddej tiegħi, l‑istess kif rajtu jien.
3 U ħija, Ġakobb, rah ukoll kif rajtu jien; għalhekk, jiena se nxandar kliemhom ma’ wliedi biex nurihom li kliemi huwa veru. Għalhekk, Alla qal, li permezz tal‑kelma ta’ tlieta jiena nistabbilixxi kelmti. Madankollu, Alla jibgħat aktar xhieda, u huwa jivvalida dak kollu li jgħid.
4 Araw, ruħi ssib l‑għaxqa tagħha hekk kif jien nuri lill‑poplu tiegħi l‑verità tal‑miġja ta’ Kristu; għax hu għal dan il‑għan li l‑liġi ta’ Mosè ġiet mogħtija; u kull ħaġa li ġiet mogħtija minn Alla lill‑bniedem, sa mill‑bidu tad‑dinja, hija rappreżentazzjoni tiegħu.
5 U ruħi ssib l‑għaxqa tagħha wkoll fil‑patti li l‑Mulej għamel ma’ missirijietna; iva, ruħi ssib l‑għaxqa tagħha fil‑grazzja tiegħu, u fil‑ġustizzja, u l‑qawwa, u l‑ħniena tiegħu permezz tal‑pjan kbir u etern tal‑ħelsien mill‑mewt.
6 U ruħi ssib l‑għaxqa tagħha hekk kif jiena nuri lill‑poplu tiegħi li kieku mhux għax Kristu għandu jiġi, il‑bnedmin kollha jispiċċaw jintilfu.
7 Għax jekk ma jkun hawn l‑ebda Kristu ma jkun hawn l‑ebda Alla; u jekk ma jkun hawn l‑ebda Alla aħna m’aħniex hawn, għax ma kien ikun hawn l‑ebda ħolqien. Iżda hemm Alla, u huwa Kristu, u hu għandu jiġi fil‑milja ta’ żmienu.
8 U issa jiena se nikteb ftit mill‑kliem ta’ Isaija, biex dawk kollha fost il‑poplu tiegħi li se jaraw dan il‑kliem jgħollu qlubhom ’il fuq u jimtlew bil‑ferħ għall‑bnedmin kollha. Issa l‑kliem huwa dan, u intom tistgħu xxebbhuh magħkom infuskom u mal‑bnedmin kollha.