Skrittura
2 Nefi 1


It‑Tieni Ktieb ta’ Nefi

Rakkont tal‑mewt ta’ Leħi. Ħut Nefi jeħduha kontrih. Il‑Mulej iwissi lil Nefi biex jerħilha lejn ix‑xagħri. Il‑vjaġġi tiegħu fix‑xagħri, u aktar.

Kapitlu 1

Leħi jħabbar dwar art ta’ ħelsien—Nislu se jiġi mxerred u kkastigat jekk iwarrab lill‑Qaddis ta’ Iżrael—Hu jħeġġeġ lil uliedu s‑subien biex jilbsu fuqhom l‑armatura tas‑sewwa. Madwar 588–570 Q.K.

1 U ġara li wara li jiena, Nefi, waqaft ngħallem lil ħuti, missierna, Leħi, ukoll beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ, u beda jirrakkontalhom kemm kien għamel magħhom ħwejjeġ kbar il‑Mulej li ħariġhom ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm.

2 U hu kellimhom dwar l‑irvellijiet tagħhom fuq l‑ilmijiet, u dwar il‑ħniena ta’ Alla li ppreservalhom ħajjithom, ħalli huma ma jinbelgħux fil‑baħar.

3 U huwa kellimhom ukoll dwar l‑art imwiegħda, li ġiet mogħtija lilhom—kemm kien ħanin il‑Mulej li wissiena biex naħarbu ’l barra mill‑art ta’ Ġerusalemm.

4 Għax araw, huwa qal, jiena rajt dehra, li permezz tagħha naf li Ġerusalemm inqerdet; u li kieku bqajna Ġerusalemm aħna wkoll konna ninqerdu.

5 Iżda, huwa qal, minkejja l‑hemm tagħna, aħna ksibna art imwiegħda, art li hi aqwa minn kull art oħra; art li l‑Mulej Alla għamel patt miegħi li hija se tkun art għal wirt nisli. Iva, il‑Mulej, permezz ta’ patt, ta din l‑art lili u lil uliedi għal dejjem, kif ukoll lil dawk li sejrin jitmexxew ’il barra minn ġnus oħra permezz ta’ id il‑Mulej.

6 Għalhekk, jiena, Leħi, inħabbar kif imexxini l‑Ispirtu li jinsab fija, illi ħadd ma jiġi f’din l‑art sakemm ma jinġiebx permezz ta’ id il‑Mulej.

7 Għalhekk, din l‑art hi kkonsagrata lil dak li huwa jġib fiha. U jekk jiġri li huma jaqduh skont il‑kmandamenti li huwa tahom, hija tkun għalihom art ta’ ħelsien; għalhekk, huma qatt ma jittieħdu fil‑jasar; u jekk jittieħdu, dan ikun minħabba l‑ħażen; għax jekk joktor il‑ħażen, misħuta tkun l‑art minħabba fihom, imma għat‑twajbin hi tkun imbierka għal dejjem.

8 U araw, huwa għerf li din l‑art għalissa ma jkunux jafu biha ġnus oħra; għax araw, bosta ġnus jispiċċaw jinvadu l‑art, li ma jkunx hawn aktar post x’wieħed jiret.

9 Għalhekk, jiena, Leħi, ingħatajt wegħda, li diment li dawk li l‑Mulej Alla se joħroġ ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm iħarsu l‑kmandamenti tiegħi, huma jikbru fil‑ġid fuq wiċċ din l‑art; u mhux se jkunu magħrufa mill‑ġnus l‑oħra kollha, ħalli huma jkunu jistgħu jieħdu f’idejhom din l‑art. U jekk huma jħarsu l‑kmandamenti tiegħu huma jkunu mberkin fuq wiċċ din l‑art, u ħadd ma jagħtihom fastidju, jew joħdilhom l‑art ta’ wirthom; u huma jgħammru b’moħħhom mistrieħ għal dejjem.

10 Iżda araw, meta jasal iż‑żmien li huma jibdew ftit, ftit jitilfu l‑fidi, wara li huma kisbu daqstant barkiet kbar minn id il‑Mulej—fejn ingħataw għarfien tal‑ħolqien tad‑dinja, u tal‑bnedmin kollha, fejn jafu bl‑għemejjel kbar u tal‑għaġeb tal‑Mulej sa mill‑ħolqien tad‑dinja; fejn ingħataw il‑qawwa li jwettqu kollox permezz tal‑fidi; fejn ingħataw il‑kmandamenti kollha sa mill‑bidu, u fejn twasslu permezz tat‑tjubija infinita tiegħu f’din l‑art imwiegħda mill‑aktar prezzjuża—araw, jiena ngħid, jekk jasal il‑jum li fih huma jwarrbu lill‑Qaddis ta’ Iżrael, il‑veru Messija, il‑Feddej tagħhom u Alla tagħhom, il‑ħaqq ta’ dak li hu ġust se jserraħ fuqhom.

11 Sewwasew, huwa jġib ġnus oħra fosthom, u lilhom hu jagħtihom il‑qawwa, u jieħu mingħandhom l‑artijiet li kienu wirtu, u hu jwassalhom biex huma jiġu mxerrdin u kkastigati.

12 Sewwasew, hekk kif ġenerazzjoni tmur u oħra tiġi se jkun hemm bosta tixrid ta’ demm, u kastigi kbar fosthom; għalhekk, uliedi, nixtieq li intom tiftakru; iva, nixtieq li intom tagħtu widen għal kliemi.

13 Mhux li kontu tistenbħu; tistenbħu minn nagħsa tqila, iva, sewwasew min‑nagħsa tal‑infern, u tinħallu mill‑ktajjen terribbli li tinsabu marbutin bihom, li huma l‑ktajjen li jorbtu lil ulied il‑bnedmin, biex huma jinġarru ’l isfel fil‑jasar sal‑abbiss etern tal‑miżerja u l‑għaks.

14 Stenbħu! U qumu mit‑trab, u isimgħu l‑kliem ta’ ġenitur jitriegħed, li riġlejh dalwaqt sejrin tniżżluhom f’qabar kiesaħ u sieket, minn fejn l‑ebda vjaġġatur ma jista’ jerġa’ lura; ftit jiem oħra u jien se naqbad it‑triq tal‑bnedmin kollha tal‑art.

15 Iżda araw, il‑Mulej ħelisni mill‑infern; jiena rajt il‑glorja tiegħu, u jien ninsab imdawwar għal dejjem f’dirgħajn imħabbtu.

16 U jien nixtieq li intom tiftakru biex tħarsu l‑liġijiet u d‑digrieti tal‑Mulej; araw, din il‑ħaġa ilha tinkwieta ruħi sa mill‑bidu.

17 Qalbi ili nħossha minn żmien għall‑ieħor mgħobbija bin‑niket, għax nibża’ li minħabba l‑ebusija ta’ qalbkom il‑Mulej Alla tagħkom sejjer isawwab il‑milja tal‑korla tiegħu fuqkom, u intom tispiċċaw maqtugħin u meqrudin għal dejjem;

18 Jew inkella tinżel fuqkom saħta għal perjodu ta’ bosta ġenerazzjonijiet, u intom tintlaqtu mix‑xabla, u mill‑ġuħ, u tkunu mibgħuda, u tispiċċaw titmexxew skont ir‑rieda u l‑jasar tax‑xitan.

19 O wliedi, mhux li kien li intom ma tintlaqtux minn dawn il‑ħwejjeġ, imma li tkunu poplu magħżul u mbierek tal‑Mulej. Iżda araw, ikun li jrid hu; għax triqtu hi ġusta għal dejjem.

20 U huwa qal li: Diment li intom tħarsu l‑kmandamenti tiegħi intom ikollkom ir‑risq f’artkom; imma jekk ma tħarsux il‑kmandamenti tiegħi intom titwarrbu minn quddiemi.

21 U issa, biex forsi ruħi tkun tista’ tithenna minħabba fikom, u biex forsi qalbi tħalli din id‑dinja b’mod hieni minħabba fikom, u jien ma nitniżżilx f’qabri kollni diqa u niket, qumu mit‑trab, uliedi, u kunu rġiel, u għażlu li tkunu ta’ fehma waħda u ta’ qalb waħda, u li tkunu ħaġa waħda f’kollox, sabiex intom ma tittieħdux fil‑jasar;

22 Sabiex intom ma tkunux misħutin b’saħta mill‑aktar kbira; kif ukoll, biex ma tistednux fuqkom il‑qilla ta’ Alla ġust, li twassal għall‑qerda, iva, il‑qerda eterna kemm tar‑ruħ kif ukoll tal‑ġisem.

23 Stenbħu, uliedi; ilbsu fuqkom l‑armatura tas‑sewwa. Inħallu mill‑ktajjen li tinsabu marbutin bihom, u oħorġu ’l barra mill‑oskurità, u qumu mit‑trab.

24 Teħduhiex aktar kontra ħukom, li kellu viżjonijiet mill‑aktar glorjużi, u li ilu jħares il‑kmandamenti sa minn meta tlaqna minn Ġerusalemm; u li kien strument f’idejn Alla, biex aħna twassalna fl‑art imwiegħda; għaliex kieku ma kienx għalih, aħna konna ninqerdu bil‑ġuħ fid‑deżert; madankollu, intom ippruvajtu tneħħulu ħajtu; iva, u huwa kellu jgħaddi minn daqstant niket minħabba fikom.

25 U jiena nibża’ u nitriegħed bil‑kbir minħabba fikom, li hu jerġa’ jispiċċa jbati; għax araw, lilu intom xlejtuh li xtaq jikseb il‑poter u s‑setgħa fuqkom; imma jien naf li hu ma xtaq jikseb l‑ebda poter jew setgħa fuqkom, imma huwa xtaq jikseb il‑glorja ta’ Alla, u lilkom xtaqilkom il‑ġid etern.

26 U intom bdejtu tilmentaw għaliex huwa kien skjett magħkom. Intom tgħidu li huwa uża kliem iebes; tgħidu li hu nkorla għalikom; imma araw, il‑kliem iebes tiegħu kien il‑kliem iebes tal‑qawwa tal‑kelma ta’ Alla, li kienet tinsab fih; u dik li intom issejħulha korla kienet il‑verità, skont il‑verità li tinsab f’Alla, u hu ma jistax ma jgħidilkomx, fejn huwa jurikom b’mod ċar ħżunitkom.

27 U jeħtieġ li l‑qawwa ta’ Alla tkun miegħu, sewwasew li jordnalkom sabiex tobdu. Iżda araw, ma kienx hu, imma kien l‑Ispirtu tal‑Mulej li kien fih, li fetaħ fommu biex huwa jitkellem, tant li hu lanqas biss seta’ jagħlqu.

28 U issa ibni, Laman, kif ukoll Lemwel u Sam, kif ukoll uliedi, li intom l‑ulied subien ta’ Ismagħel, araw, jekk intom tisimgħu minn leħen Nefi intom ma tinqerdux. U jekk intom tisimgħu minnu jiena nagħtikom barka, iva, sewwasew l‑ewwel barka tiegħi.

29 Iżda jekk intom ma tisimgħux minnu jiena nieħu lura l‑ewwel barka tiegħi, iva, sewwasew il‑barka tiegħi, u din tinżel fuqu.

30 U issa, Żoram, se nkellem lilek: Ara, inti l‑qaddej ta’ Laban; madankollu, inti nħriġt ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm, u jiena naf li inti ħabib veru ta’ ibni, Nefi, għal dejjem.

31 Għalhekk, peress li inti kont fidil, nislek se jkun imbierek flimkien ma’ nislu, u huma se jgħammru fil‑ġid għal żmien twil fuq wiċċ din l‑art; u xejn, ħlief jekk ikun hemm il‑ħażen fosthom, ma jkun jista’ jagħmel ħsara jew ifixkel il‑ġid tagħhom fuq wiċċ din l‑art għal dejjem.

32 Għalhekk, jekk inti tħares il‑kmandamenti tal‑Mulej, il‑Mulej ikkonsagra din l‑art għas‑sigurtà ta’ nislek flimkien ma’ nisel ibni.