Kapitlu 27
Id‑dlam u l‑apostasija se jiksu l‑art fl‑aħħar żminijiet—Il‑Ktieb ta’ Mormon se jinġieb għad‑dawl—Tliet Xhieda se jixhdu dwar il‑ktieb—L‑istudjuż jgħid li ma jistax jaqra l‑ktieb issiġillat—Il‑Mulej sejjer iwettaq ħidma tassew meraviljuża u tal‑għaġeb—Qabbel Isaija 29. Madwar 559–545 Q.K.
1 Iżda, araw, fl‑aħħar żminijiet, jew fi żmien il‑Ġentili—iva, araw il‑ġnus kollha tal‑Ġentili kif ukoll il‑Lhud, kemm dawk li għandhom jiġu fuq din l‑art u dawk li se jkunu f’artijiet oħra, iva, sewwasew fuq l‑artijiet kollha tad‑dinja, araw, huma se jiskru bil‑ħażen u b’kull xorta ta’ għemejjel mistkerrha—
2 U meta jasal dak il‑jum il‑Mulej tal‑Eżerċti se jżurhom bir‑ragħad u bit‑theżhiż, u bi ħsejjes kbar, u b’riefnu, u tempesta, u bil‑fjamma tan‑nar qerried.
3 U l‑ġnus kollha li jeħduha kontra Sijon, u li jgħakksuha, se jkunu bħal ħolma ta’ dehra billejl; iva, għalihom se jkun bħal raġel imġewwaħ li joħlom, u araw huwa jiekol imma jistenbaħ u jsib li ruħu vojta; jew bħal raġel għatxan li joħlom, u araw hu jixrob imma jistenbaħ u jsib li hu debboli, u ruħu għatxana; iva, l‑istess jiġrilha l‑miġemgħa tal‑ġnus kollha li jeħduha kontra l‑Muntanja ta’ Sijon.
4 Għax araw, intom kollha li tagħmlu l‑ħażen, ieqfu u stagħġbu, għax intom se tgħajtu fuq li tgħajtu; iva, intom se tiskru imma mhux bl‑inbid, intom se tixxenglu imma mhux bix‑xorb qawwi.
5 Għax araw, il‑Mulej xeħet fuqkom spirtu ta’ nagħsa tqila. Għax araw, intom għalaqtu għajnejkom, u warrabtu lill‑profeti; u minħabba ħżunitkom huwa ħeba lill‑ħakkiema tagħkom u l‑veġġenti.
6 U għad jiġri li l‑Mulej Alla sejjer jiżvelalkom il‑kliem ta’ ktieb, u dan se jkun il‑kliem ta’ dawk li ħadhom in‑ngħas.
7 U araw il‑ktieb se jkun issiġillat; u fil‑ktieb se jkun hemm rivelazzjoni mingħand Alla, mill‑bidu tad‑dinja sa tmiemha.
8 Għalhekk, minħabba l‑ħwejjeġ li huma ssiġillati, il‑ħwejjeġ li huma ssiġillati mhumiex sejrin jitwasslu fi żmien il‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha tal‑poplu. Għalhekk il‑ktieb se jinżamm mistur minnhom.
9 Iżda l‑ktieb sejjer jitwassal għand wieħed raġel, u hu se jwassal kliem il‑ktieb, li huwa l‑kliem ta’ dawk li ħadhom in‑ngħas fit‑trab, u hu se jwassal dan il‑kliem lil bniedem ieħor;
10 Iżda huwa mhumiex se jwassal il‑kliem li hu ssiġillat, lanqas mhu se jwassal il‑ktieb. Għax il‑ktieb se jkun issiġillat bil‑qawwa ta’ Alla, u r‑rivelazzjoni li ġiet issiġillata se tinżamm fil‑ktieb saż‑żmien dovut tal‑Mulej, fejn ikun jista’ jinġieb għad‑dawl; għax araw, dan il‑kliem jiżvela kull ħaġa mill‑ħolqien tad‑dinja sa tmiemha.
11 U jasal il‑jum li fih kliem il‑ktieb li ġie ssiġillat sejjer jinqara minn fuq il‑bjut; u se jinqara bil‑qawwa ta’ Kristu; u se tiġi żvelata lill‑ulied il‑bnedmin kull ħaġa li qatt seħħet fost ulied il‑bnedmin, u li qatt trid isseħħ sal‑aħħar tad‑dinja.
12 Għalhekk, f’dak il‑jum meta l‑ktieb se jitwassal għand ir‑raġel li jiena tkellimt dwaru, il‑ktieb se jinħeba minn għajnejn id‑dinja, fejn ma huma se jarawh l‑ebda għajnejn ħlief għal tliet xhieda li sejrin jarawh, bil‑qawwa ta’ Alla, flimkien ma’ dak li lilu l‑ktieb se jitwassal; u huma se jixhdu dwar il‑verità tal‑ktieb u l‑ħwejjeġ li hemm fih.
13 U ma hemm ħadd aktar li se jarah, ħlief għal xi ftit nies skont ir‑rieda ta’ Alla, biex huma jagħtu xhieda ta’ kliemu lil ulied il‑bnedmin; għax il‑Mulej Alla qal li kliem il‑fidili għandu jiġi mitkellem bħallikieku kien ġej mill‑imwiet.
14 Għalhekk, il‑Mulej Alla se jkompli bil‑ħidma tiegħu li jġib għad‑dawl kliem il‑ktieb; u hu se jseddaq kelmtu permezz ta’ fomm ħafna xhieda, skont kemm jidhirlu hu; u ħażin għalih min iwarrab il‑kelma ta’ Alla!
15 Iżda araw, għad jiġri li l‑Mulej Alla sejjer jgħid lil dak li lilu se jwassal il‑ktieb: Ħu dan il‑kliem li mhuwiex issiġillat u wasslu għand raġel ieħor, ħalli hu jkun jista’ jurih lill‑istudjuż u jgħidlu: Aqra dan, nitolbok. U l‑istudjuż iwieġbu: Ġibli l‑ktieb hawn, u jiena naqrah.
16 U issa, huwa jgħid dan minħabba l‑glorja tad‑dinja u biex jakkwista mhux għall‑glorja ta’ Alla.
17 U r‑raġel jgħid: Ma nistax inġiblek il‑ktieb, għax issiġillat.
18 Mbagħad l‑istudjuż jgħid: Ma nistax naqrah.
19 Għalhekk għad jiġri, li l‑Mulej Alla se jerġa’ jwassal il‑ktieb u l‑kliem li fih għand wieħed nieqes mit‑tagħlim; u r‑raġel nieqes mit‑tagħlim se jgħid: Jiena nieqes mit‑tagħlim.
20 Imbagħad il‑Mulej Alla jgħidlu: L‑istudjużi mhumiex se jaqrawh, għax huma warrbuh, u jiena kapaċi nwettaq ħidmieti; għalhekk int għandek taqra l‑kliem li jien se nagħtik.
21 La tmissx il‑ħwejjeġ li huma ssiġillati, għax jiena se nġibhom għad‑dawl meta nħoss li huwa l‑waqt; għax jien se nuri lill‑ulied il‑bnedmin li jien kapaċi nwettaq ħidmieti.
22 Għalhekk, meta int taqra l‑kliem li ordnajtlek jien, u tikseb ix‑xhieda li wegħidtek jien, mbagħad int terġa’ tissiġilla l‑ktieb, u taħbih għandi, ħalli jiena nkun nista’ nħares il‑kliem li inti għadek ma qrajtx, sakemm jiena nara li jkun xieraq fl‑għerf tiegħi li jien niżvela kollox lill‑ulied il‑bnedmin.
23 Għax araw, jiena Alla; u jien Alla tal‑mirakli; u jien nuri lid‑dinja li jiena l‑istess, fl‑imgħoddi, issa, u għal dejjem; u jien ma nwettaq xejn fost ulied il‑bnedmin ħlief skont il‑fidi tagħhom.
24 U għad jiġri wkoll li l‑Mulej se jgħid lil dak li se jaqra l‑kliem li se jitwassal lilu:
25 Peress li dawn in‑nies jersqu lejja b’fommhom, u b’xufftejhom iqimuni, imma qalbhom tinsab ’il bogħod minni, u l‑biża’ li għandhom minni mhijiex ħlief preċetti mgħallmin lilhom mill‑bnedmin—
26 Għalhekk, jiena se nara li nwettaq ħidma meraviljuża fost dan il‑poplu, iva, ħidma mill‑aktar meraviljuża u tal‑għaġeb, għax se jintemm l‑għerf tal‑għorrief u l‑istudjużi, u se jgħib id‑dehen tad‑dehnin tagħhom.
27 U ħażin għalihom dawk li jaħbu fil‑fond fehmithom mill‑Mulej! U għemilhom jinsab fid‑dlam; u jgħidu: Min se jarana, u min se jagħrafna? U huma jgħidu wkoll: Bla dubju, li ddawru l‑affarijiet ta’ taħt fuq se jitqies bħat‑tafal tal‑fuħħari. Iżda araw, jien nurihom, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, li jien naf l‑għemejjel kollha tagħhom. Għax sejjer jgħid ix‑xogħol fuq min għamlu, mhux hu li għamilni? Jew sejra tgħid il‑ħaġa mfassla fuq min fassalha, li hu ma jifhimx?
28 Iżda araw, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti: jien nuri lill‑ulied il‑bnedmin li baqa’ biss ftit ieħor, u l‑Libanu jittrasforma ruħu f’art għammiela; u l‑art għammiela se titqies bħal masġar.
29 U dakinhar it‑torox jisimgħu kliem il‑ktieb, u, meħlusin mill‑oskurità u d‑dlam, għajnejn l‑għomja jaraw.
30 U l‑imsejknin ukoll se jistagħnew, u sejrin jithennew fil‑Mulej, u l‑fqajrin fost il‑bnedmin se jifirħu fil‑Qaddis ta’ Iżrael.
31 Għax fiż‑żgur daqs kemm hu ħaj il‑Mulej għad jaraw li t‑tirann nġieb fix‑xejn, u l‑insolenti ntemm, u tqaċċtu dawk kollha li jfittxu l‑ħażen;
32 U dawk li jwaqqgħu l‑ħtija fuq xi ħadd minħabba kelmtu, u jonsbu lil dak li fil‑bieb irażżanhom, u jwarrbu fil‑ġenb lill‑ġust għal ħaġa ta’ xejn.
33 Għalhekk, dan jgħid il‑Mulej; hu li feda lil Abraham, dwar id‑dar ta’ Ġakobb: M’għandux minn xiex jistħi aktar Ġakobb, u wiċċu m’għandux aktar jisfar.
34 Iżda meta jara lil uliedu, l‑opra ta’ jdejja f’nofsu, huma sejrin iqaddsu ismi, u jqaddsu l‑Qaddis ta’ Ġakobb, u jibżgħu minn Alla ta’ Iżrael.
35 U dawk ukoll li żbaljaw fl‑ispirtu sejrin jiksbu d‑dehen, u dawk li jgemgmu se jitgħallmu d‑duttrina.