Skrittura
2 Nefi 28


Kapitlu 28

Fl‑aħħar żminijiet se jinbnew bosta knejjes foloz—Huma se jgħallmu duttrina falza, fiergħa, u assurda—L‑apostasija se tkun prevalenti minħabba għalliema foloz—Ix‑xitan jgħaddab qlub il‑bnedmin—Hu jgħallem kull xorta ta’ duttrina falza. Madwar 559–545 Q.K.

1 U issa, araw, ħuti, jiena kellimtkom, skont kif riedni nagħmel l‑Ispirtu; għalhekk, jiena naf fiż‑żgur li dan se jiġi fis‑seħħ.

2 U l‑ħwejjeġ li se jinkitbu fil‑ktieb se jkunu ta’ siwi kbir għal ulied il‑bnedmin, u speċjalment għan‑nisel tagħna, li hu fdal tad‑dar ta’ Iżrael.

3 Għax jiġri f’dak il‑jum li l‑knejjes mibnija, iżda mhux għall‑Mulej, se jgħidu wieħed lill‑ieħor: Ara jiena, jien mal‑Mulej; u l‑oħrajn jgħidu: Jiena, jien mal‑Mulej; u hekk se jgħid kull wieħed li jibni l‑knejjes, u mhux għall‑Mulej—

4 U huma jitlewmu bejniethom; u l‑qassisin tagħhom jitlewmu bejniethom, u huma jgħallmu skont tagħlimhom, u jiċħdu l‑Ispirtu s‑Santu, dak li jispira.

5 U huma jiċħdu l‑qawwa ta’ Alla, il‑Qaddis ta’ Iżrael; u jgħidu lin‑nies: Isimgħu minna, u agħtu widen għall‑preċett tagħna; għax araw illum m’hawn l‑ebda Alla, għax il‑Mulej u l‑Feddej ġab fi tmiemha l‑ħidma tiegħu, u huwa għadda l‑qawwa tiegħu lill‑bnedmin;

6 Araw, isimgħu mill‑preċett tiegħi; jekk xi ħadd jgħid li seħħ miraklu permezz ta’ id il‑Mulej, temmnuhx; għax f’dawn iż‑żminijiet hu mhuwiex Alla tal‑mirakli; huwa ġab fi tmiemha l‑ħidma tiegħu.

7 Tabilħaqq, se jkun hemm ħafna li jgħidu: Kul, ixrob, u xxala, għax għada se mmutu; u kollox se jkun sew għalina.

8 U se jkun hemm ħafna wkoll li jgħidu: Kul, ixrob, u xxala; madankollu, ibża’ minn Alla—huwa jiġġustifika xi ftit dnubiet li inti twettaq; iva, li tigdeb ftit, li tieħu vantaġġ minn xi ħadd minħabba kliemu, li tħaffer ħofra għal għajrek; b’daqshekk m’hemm xejn ħażin li tagħmel dan kollu, għax għada se mmutu; u jekk ninstabu ħatja, Alla jagħtina daqtejn bil‑frosta, u fl‑aħħar mill‑aħħar aħna niġu salvati fis‑saltna ta’ Alla.

9 Iva, u se jkun hemm ħafna li se jgħallmu b’dan il‑mod, duttrini foloz, fiergħa, u assurdi, u huma se jkunu mkabbrin f’qalbhom, u se jfittxu li jaħbu fil‑fond fehmithom mill‑Mulej; u għemilhom se jkun fid‑dlam.

10 U demm il‑qaddisin se jgħajjat mill‑art kontrihom.

11 Iva, ilkoll ħarġu minn triqathom; ilkoll spiċċaw tħassru.

12 Minħabba l‑kburija, u minħabba l‑għalliema foloz, u d‑duttrina falza, il‑knejjes tagħhom spiċċaw imħassra, u l‑knejjes tagħhom huma merfugħin; minħabba l‑kburija huma minfuħin.

13 Huma jisirqu lill‑fqir minħabba l‑imqades sbieħ tagħhom; jisirqu lill‑fqir minħabba l‑ilbies fin tagħhom; u jippersegwitaw lill‑imsejknin u lill‑foqra f’qalbhom, għax minfuħin bihom infushom.

14 Huma nies ta’ rashom iebsa u arroganti; iva, u minħabba l‑kburija, u l‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha, u ż‑żína, ilkoll spiċċaw intilfu ħlief għal ftit, li huma d‑dixxipli umli ta’ Kristu; madankollu, dawn jitmexxew b’tali mod li ħafna drabi jispiċċaw jiżbaljaw peress li huma mgħallmin skont il‑preċetti tal‑bnedmin.

15 O l‑għorrief, u l‑istudjużi, u l‑għonja, li huma minfuħin fil‑kburija ta’ qalbhom, u dawk kollha li jgħallmu duttrini foloz, u dawk kollha li jaqgħu fiż‑żinà, u jgħawġu t‑triq dritta tal‑Mulej, gwaj għalihom, jgħid il‑Mulej Alla li Jista’ Kollox, għax huma sejrin jinxteħtu ġo qiegħ l‑infern!

16 Ħażin għalihom li jwarrbu lill‑ġusti għal ħaġa ta’ xejn u jżebilħu dak li hu tajjeb, u jgħidu li ma jiswa għal xejn! Għax għad jasal il‑jum li l‑Mulej Alla jżur minnufih lil min jgħammar fl‑art; u f’dak il‑jum li fih huma se jkunu misjurin sew fil‑ħażen huma sejrin jinqerdu.

17 Iżda araw, jekk min jgħammar fid‑dinja jindem mill‑ħażen u mill‑għemejjel mistkerrha tiegħu huwa ma jinqeridx, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

18 Iżda araw, dik il‑knisja kbira u mistkerrha, il‑prostituta tad‑dinja kollha, għad taqa’ mal‑art, u kbira se tkun il‑waqgħa tagħha.

19 Għax is‑saltna tax‑xitan għad titriegħed, u dawk li jagħmlu parti minnha jeħtieġ jiġu mħeġġa sabiex jindmu, jew ix‑xitan jispiċċa jaħtafhom bil‑ktajjen eterni tiegħu, u jqanqalhom ħalli jimtlew bil‑għadab, u jinqerdu;

20 Għax araw, f’dak il‑jum huwa jgħaddab qlub ulied il‑bnedmin, u jqanqalhom sabiex bil‑korla jimtlew kontra dak li hu tajjeb.

21 U lil oħrajn huwa jikkalma, u jingannahom b’sens falz ta’ sigurtà karnali, li huma jgħidu: Kollox sew f’Sijon; iva, Sijon miexja ’l quddiem, kollox sew—u b’dal‑mod ix‑xitan iqarraq b’ruħhom, u bir‑reqqa kollha jmexxihom sa qiegħ l‑infern.

22 U araw, lil oħrajn iqarraq bihom bi ħlewwa, u jgħidilhom li m’hemm l‑ebda infern; u lilhom jgħid: Jiena mhux xitan, għax ma jeżistix—u b’dal‑mod ifesfsilhom f’widnejhom, sakemm jaħtafhom bil‑ktajjen terribbli tiegħu, li minnhom m’hemmx ħelsien.

23 Iva, huma jinħatfu mill‑mewt, u l‑infern; u l‑mewt, u l‑infern, u x‑xitan, u dawk kollha li ġew maħkumin minnhom għad jieqfu quddiem it‑tron ta’ Alla, u jsir ħaqq minnhom skont għemilhom, u minn hemm imorru fil‑post li ġie mħejji għalihom, sewwasew ġo belliegħa ta’ nar u kubrit, li hi turment bla tmiem.

24 Għalhekk, ħażin ikun għalih dak li għandu moħħu mistrieħ f’Sijon!

25 Ħażin ikun għalih dak li jgħajjat: Kollox sew!

26 Iva, ħażin ikun għalih dak li jagħti widen għall‑preċetti tal‑bnedmin, u jiċħad il‑qawwa ta’ Alla, u d‑don tal‑Ispirtu s‑Santu!

27 Iva, ħażin ikun għalih dak li jgħid: Aħna rċevejna, u m’għandniex bżonn aktar!

28 U fi ftit kliem, ħażin għalihom dawk kollha li jitriegħdu, u mimlijin korla minħabba l‑verità ta’ Alla! Għax araw, min hu mibni fuq il‑blat bil‑ferħ jirċievi; u min hu mibni fuq pedament tar‑ramel jirtogħod għax jibża’ li se jaqa’.

29 Ħażin ikun għalih dak li jgħid: Aħna rċevejna l‑kelma ta’ Alla, u m’għandniex bżonn aktar kelma ta’ Alla, għax għandna biżżejjed!

30 Għax araw, dan jgħid il‑Mulej Alla: Jiena nagħti lil ulied il‑bnedmin linja wara linja, preċett wara preċett, ftit minn hawn u ftit minn hemm; u mberkin huma dawk li jagħtu widen għall‑preċetti tiegħi, u jiftħu widnejhom għall‑parir tiegħi, għaliex huma jitgħallmu l‑għerf; għax lil dak li jirċievi jiena nagħti aktar; u mingħand dawk li jgħidu, Għandna biżżejjed, mingħandhom jittieħed saħansitra dak li għandhom.

31 Misħut min jittama fil‑bniedem, jew ifittex il‑qawwa tiegħu fil‑ġisem, jew jagħti widen għall‑preċetti tal‑bnedmin, sakemm il‑preċetti tagħhom ma jingħatawx bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu.

32 Ħażin għalihom il‑Ġentili, jgħid il‑Mulej Alla tal‑Eżerċti! Għax minkejja li minn jum għal jum jiena se ntawwal driegħi lejhom, huma lili se jiċħduni; madankollu, jekk huma jindmu u jiġu għandi, jiena jkolli ħniena minnhom, jgħid il‑Mulej Alla; għax driegħi jinsab mtawwal il‑jum kollu, jgħid il‑Mulej Alla tal‑Eżerċti.