Skrittura
2 Nefi 29


Kapitlu 29

Bosta Ġentili se jwarrbu l‑Ktieb ta’ Mormon—Huma se jgħidu, M’għandniex bżonn ta’ aktar Bibbja—Il‑Mulej ikellem lil bosta ġnus—Hu jagħmel ħaqq mid‑dinja permezz tal‑kotba li se jinkitbu. Madwar 559–545 Q.K.

1 Iżda araw, se jkun hemm ħafna—f’dak il‑jum meta jiena nagħti bidu biex inwettaq ħidma meraviljuża fosthom, ħalli nkun nista’ niftakar fil‑patti li għamilt ma’ wlied il‑bnedmin, biex inkun nista’ nerġa’ nġib lura għal darb’oħra lill‑poplu tiegħi, li hu mid‑dar ta’ Iżrael.

2 Kif ukoll inkun nista’ niftakar fil‑wegħdiet li jien għamilt miegħek, Nefi, u li għamilt ukoll ma’ missierek, ħalli nkun nista’ niftakar f’nisilkom; u biex kliem nislek jgħaddi minn fommi għal għand nislek; u kliemi jasal b’qawwa sa truf l‑art, bħala stendard għall‑poplu tiegħi, li hu mid‑dar ta’ Iżrael;

3 U peress li kliemi se jasal b’qawwa—ħafna mill‑Ġentili sejrin jgħidu: Bibbja! Bibbja! Aħna għandna Bibbja, u ma jistax ikun hawn aktar Bibbja.

4 Iżda dan jgħid il‑Mulej Alla: Ja boloh, huma se jkollhom Bibbja; u din se tasal mingħand il‑Lhud, il‑poplu tal‑patt tal‑qedem tiegħi. U huma kif se jirringrazzjaw lil‑Lhud għall‑Bibbja li se jirċievu mingħandhom? Tabilħaqq, x’għandhom f’moħħhom il‑Ġentili? Se jiftakru huma t‑tbatija, u l‑ħidma, u l‑uġigħ tal‑Lhud, u d‑diliġenza tagħhom lejja, biex wasslu s‑salvazzjoni lill‑Ġentili?

5 O intom il‑Ġentili, ftakartu fil‑Lhud, il‑poplu tal‑patt tal‑qedem tiegħi? Le; imma intom sħettuhom, u mtlejtu bil‑mibgħeda lejhom, u ma ppruvajtux iġġibuhom lura. Iżda araw, jiena nroddilkom dan kollu fuq irjuskom; għax jien il‑Mulej lill‑poplu tiegħi ma nsejtux.

6 Ja boloh, li se tgħidu: Bibbja, aħna għandna Bibbja, u m’għandniex bżonn ta’ aktar Bibbja. Kien ikollkom Bibbja li kieku ma kienx għal‑Lhud?

7 Ma tafux intom li hawn aktar minn ġens wieħed? Ma tafux intom li jien, il‑Mulej Alla tagħkom, ħloqt il‑bnedmin kollha, u li jien niftakar f’dawk li jinsabu fuq il‑gżejjer tal‑baħar; u li jiena nsaltan fl‑għoli tas‑smewwiet u isfel fl‑art; u jiena nwassal kelmti għand ulied il‑bnedmin, iva, sewwasew fost il‑ġnus kollha tal‑art?

8 Għalfejn intom tilmentaw għax sejrin tirċievu aktar minn kliemi? Ma tafux li t‑testimonjanza ta’ żewġt iġnus hija għalikom xhieda li jiena Alla, li niftakar f’ġens daqskemm niftakar f’ieħor? Għalhekk, jiena ngħid lil ġens l‑istess kliem li ngħid lil ieħor. U meta żewġt iġnus jingħaqdu flimkien it‑testimonjanza ta’ żewġt iġnus tingħaqad flimkien ukoll.

9 U jiena nagħmel dan biex nuri lil bosta li jiena l‑istess, fl‑imgħoddi, issa, u għal dejjem; u li jiena nlissen kliemi skont xewqti. U l‑fatt li jiena għidt kelma waħda la tassumux li ma nistax ngħid oħra; għax il‑ħidma tiegħi għadha ma ġietx fi tmiemha; lanqas mhi se tiġi fi tmiemha sa ma jiġi fi tmiemu l‑bniedem, lanqas minn dak iż‑żmien ’il quddiem u għal dejjem.

10 Għalhekk, il‑fatt li għandkom Bibbja tassumux li fiha l‑kliem kollu tiegħi; u tassumux lanqas li jiena ma ridx li jinkiteb aktar.

11 Għax jiena nordna lill‑bnedmin kollha, kemm li jinsabu fil‑lvant kif ukoll fil‑punent, u fit‑tramuntana, u fin‑nofsinhar, u fil‑gżejjer tal‑baħar, biex huma jiktbu l‑kliem li jiena ngħidilhom; għax permezz tal‑kotba li se jinkitbu jiena sejjer nagħmel ħaqq mid‑dinja, kull bniedem skont għemilu, skont dak li hu miktub.

12 Għax araw, jiena se nkellem lil‑Lhud u huma jiktbuh; u jiena se nkellem lin‑Nefiti u huma jiktbuh; u jien se nkellem ukoll lit‑tribujiet l‑oħra tad‑dar ta’ Iżrael, li t‑triq lilhom urejt, u huma jiktbuh; u jien se nkellem ukoll il‑ġnus kollha tal‑art u huma jiktbuh.

13 U għad jiġri li l‑Lhud se jkollhom kliem in‑Nefiti, u n‑Nefiti se jkollhom kliem il‑Lhud; u n‑Nefiti u l‑Lhud se jkollhom il‑kliem tat‑tribujiet mitlufa ta’ Iżrael; u t‑tribujiet mitlufa ta’ Iżrael se jkollhom kliem in‑Nefiti u kliem il‑Lhud.

14 U għad jiġri li l‑poplu tiegħi, li hu mid‑dar ta’ Iżrael, sejjer jinġabar lura d‑dar fl‑artijiet li ħa f’idejh; u kelmti se tinġabar ukoll taħt ras waħda. U jiena se nuri lil dawk li jeħduha kontra kelmti u kontra l‑poplu tiegħi, li hu mid‑dar ta’ Iżrael, li jiena Alla, u li jien għamilt patt ma’ Abraham li jien sejjer niftakar f’nislu għal dejjem.