Kapitlu 2
Il‑fidwa tinkiseb permezz tal‑Messija Mqaddes—Il‑ħelsien tal‑għażla (il‑volontà) hu essenzjali għall‑eżistenza u l‑progressjoni—Adam waqa’ biex il‑bnedmin jistgħu jkunu—Il‑bnedmin huma ħielsa li jagħżlu l‑ħelsien u l‑ħajja ta’ dejjem. Madwar 588–570 Q.K.
1 U issa, Ġakobb, jiena se nkellem lilek: Inti l‑ewwel wild tiegħi fil‑jiem ta’ hemmi fid‑deżert. U ara, fi tfulitek inti għaddejt minn tant tbatija u niket, minħabba l‑ħruxija ta’ ħutek.
2 Madankollu, Ġakobb, l‑ewwel wild tiegħi fid‑deżert, inti taf kemm hu kbir Alla; u hu sejjer jikkonsagra l‑hemm tiegħek għall‑ġid tiegħek.
3 Għalhekk, ruħek se tkun imbierka, u inti se tgħammar b’moħħok mistrieħ ma’ ħuk, Nefi; u żmienek se tqattgħu fis‑servizz ta’ Alla tiegħek. Għalhekk, jiena naf li inti ġejt mifdi, minħabba t‑tjieba tal‑Feddej tiegħek; għax inti stajt tara li fil‑milja taż‑żminijiet huwa se jiġi biex iġib is‑salvazzjoni lill‑bnedmin.
4 U f’żogħżitek inti rajt il‑glorja tiegħu; għalhekk, hieni int daqs dawk li lilhom huwa sejjer jaqdi fil‑ġisem; għax l‑Ispirtu hu li kien, fl‑imgħoddi, issa, u għal dejjem. U t‑triq ilha mħejjija sa mill‑waqgħa tal‑bniedem, u s‑salvazzjoni hija b’xejn.
5 U l‑bnedmin huma mgħallmin biżżejjed li jagħrfu t‑tajjeb mill‑ħażin. U l‑bnedmin ingħataw il‑liġi. U skont il‑liġi l‑ebda ġisem mhu ġġustifikat; jew, skont il‑liġi l‑bnedmin huma maqtugħin minn Alla. Iva, skont il‑liġi temporali huma ġew maqtugħin minn Alla; kif ukoll, skont il‑liġi spiritwali huma jinqatgħu minn dak li hu tajjeb, u jsiru miżerabbli għal dejjem.
6 Għalhekk, il‑fidwa tiġi fil‑Messija Mqaddes u permezz tiegħu; għax hu mimli bil‑grazzja u l‑verità.
7 Ara, huwa offra lilu nnifsu bħala sagrifiċċju għad‑dnub, biex iġib fis‑seħħ l‑għan tal‑liġi, għal dawk kollha li għandhom qalb maqsuma u spirtu niedem; u l‑liġi ma tissodisfa lil ħadd aktar.
8 Għalhekk, kemm hi kbira l‑ħtieġa li dawn il‑ħwejjeġ jiġu mxandra lil dawk kollha li jgħammru fid‑dinja, ħalli huma jkunu jafu li l‑ebda bniedem ma jista’ jgħammar fil‑preżenza ta’ Alla, ħlief permezz tal‑merti, u l‑ħniena, u l‑grazzja tal‑Messija Mqaddes, li jagħti ħajtu skont il‑ġisem, u jiksibha lura bil‑qawwa tal‑Ispirtu, sabiex ikun jista’ jġib fis‑seħħ il‑qawmien mill‑mewt tal‑mejtin, fejn huwa se jkun l‑ewwel wieħed li jqum.
9 Għalhekk, huwa hu l‑ewwel frott għal Alla, minħabba li hu sejjer jidħol għal ulied il‑bnedmin kollha; u dawk li jemmnu fih se jsalvaw.
10 U peress li huwa se jidħol għalihom kollha, il‑bnedmin kollha se jersqu quddiem Alla; għalhekk, huma se jieqfu quddiemu, biex huwa jagħmel ħaqq minnhom skont il‑verità u l‑qdusija li tinsab fih. Għalhekk, l‑għan tal‑liġi li ngħatat mill‑Qaddis, sabiex jiġi implimentat il‑kastig marbut magħha, liema kastig marbut magħha jopponi l‑ferħ li hemm marbut magħha, iġib fis‑seħħ l‑għan tal‑espjazzjoni—
11 Għax jeħtieġ li jkun hemm oppożizzjoni f’kollox. Kieku mhux hekk, l‑ewwel wild tiegħi fid‑deżert, il‑ġustizzja ma tkunx tista’ sseħħ, lanqas il‑ħażen, lanqas il‑qdusija jew il‑miżerja, lanqas it‑tajjeb jew il‑ħażin. Għalhekk, kollox jeħtieġ ikun bħallikieku ħaġa waħda; għalhekk, kieku kellu jkun ġisem wieħed kien ikollu jibqa’ bħallikieku mejjet, bla ħajja u bla mewt, bla taħsir jew nuqqas tat‑taħsir, bla hena jew miżerja, u bla sens jew insensittività.
12 Għalhekk, kien ikun bħallikieku ġie maħluq għal xejn; għalhekk ma kien ikun hemm l‑ebda skop għalfejn inħoloq. Għalhekk, din il‑ħaġa kienet tispiċċa teqred l‑għerf ta’ Alla u l‑għanijiet eterni tiegħu, kif ukoll il‑qawwa, u l‑ħniena, u l‑ġustizzja ta’ Alla.
13 U jekk tgħid li m’hemm l‑ebda liġi, tista’ tgħid ukoll li m’hemm l‑ebda dnub. Jekk tgħid li m’hemm l‑ebda dnub, tista’ tgħid ukoll li m’hemm l‑ebda tjieba. U jekk ma jkun hawn l‑ebda tjieba ma jkun hawn l‑ebda hena. U jekk ma jkun hawn l‑ebda tjieba jew hena ma jkun hawn l‑ebda kastig jew miżerja. U jekk dawn il‑ħwejjeġ ma jeżistux allura m’hawn l‑ebda Alla. U jekk m’hawn l‑ebda Alla, mela aħna ma neżistux, u lanqas id‑dinja; għax ma kien ikun hawn l‑ebda ħolqien tal‑ebda ħaġa, la biex naġixxu u lanqas biex jaġixxu għalina; għalhekk, kollox kien jispiċċa fix‑xejn.
14 U issa, uliedi, jiena ngħidilkom dawn il‑ħwejjeġ għall‑ġid tagħkom u biex intom titgħallmu; għax Alla jeżisti tassew, u huwa ħoloq kull ħaġa, kemm fis‑smewwiet kif ukoll fl‑art; u kull ma hemm fihom, kemm ħwejjeġ li jaġixxu kif ukoll li jaġixxu għalihom.
15 U biex iġib fis‑seħħ l‑għanijiet eterni fil‑fini tal‑bniedem, wara li huwa ħoloq l‑ewwel ġenituri tagħna, u l‑bhejjem tar‑raba’ u l‑għasafar tal‑ajru, f’kelma waħda, wara li huwa ħoloq kull ħaġa, kien hemm il‑ħtieġa li jkun hemm oppożizzjoni; sewwasew il‑frotta pprojbita f’oppożizzjoni għas‑siġra tal‑ħajja; waħda hija ħelwa u l‑oħra morra.
16 Għalhekk, il‑Mulej Alla ppermetta li l‑bniedem kellu jaġixxi minn rajh. Għalhekk, il‑bniedem ma setax jaġixxi minn rajh sakemm huwa ma jiġix imħajjar minn waħda jew mill‑oħra.
17 U jiena, Leħi, skont il‑ħwejjeġ li jiena qrajt, bla dubju nemmen li anġlu ta’ Alla, skont dak li hemm miktub, waqa’ mis‑smewwiet; għalhekk, huwa sar xitan, għax hu fittex dak li hu ħażin quddiem Alla.
18 U peress li hu waqa’ mis‑smewwiet, u sar miżerabbli għal dejjem, huwa pprova jgħaddi wkoll il‑miżerja lill‑umanità kollha. Għalhekk, huwa qal lil Eva, iva, sewwasew dak is‑serp tal‑qedem, li huwa x‑xitan, u li hu missier il‑gideb kollu, għalhekk huwa qalilha: Kul mill‑frotta pprojbita, u inti ma tmutx, imma ssir bħal Alla, tagħraf it‑tajjeb u l‑ħażin.
19 U wara li Adam u Eva kielu mill‑frotta pprojbita huma tkeċċew mill‑ġnien tal‑Għeden, biex jaħdmu l‑art.
20 U huma welldu t‑tfal; iva, sewwasew il‑familja tad‑dinja kollha.
21 U l‑jiem ta’ wlied il‑bnedmin twalu, skont ir‑rieda ta’ Alla, ħalli huma jkunu jistgħu jindmu waqt li għadhom fil‑ġisem; għalhekk, l‑istat tagħhom sar stat ta’ prova, u żmienhom twal, skont il‑kmandamenti li l‑Mulej Alla ta lil ulied il‑bnedmin. Għaliex huwa ta kmandament li l‑bnedmin kollha jeħtieġ li jindmu; għax hu wera lill‑bnedmin kollha li huma kienu mitlufin, minħabba t‑trasgressjoni tal‑ġenituri tagħhom.
22 U issa, araw, li kieku mhux għax Adam trasgredixxa, huwa ma kienx jaqa’, imma kien jibqa’ fil‑ġnien tal‑Għeden. U kull ħaġa li ġiet maħluqa kienet tibqa’ fl‑istess stat li kienet fih wara li nħolqot; u huma kienu jibqgħu għal dejjem, u ma kien ikollhom l‑ebda tmiem.
23 U huma ma kien ikollhom l‑ebda tfal; għalhekk kienu jibqgħu fi stat ta’ innoċenza, u ma jesperjenzaw l‑ebda hena, għax ma kienu jkunu jafu bl‑ebda miżerja; u ma jwettqux dak li hu tajjeb, għax ma kienu jkunu jafu bl‑ebda dnub.
24 Iżda araw, kollox seħħ fl‑għerf ta’ dak li jaf kollox.
25 Adam waqa’ biex jiġu fis‑seħħ il‑bnedmin; u l‑bnedmin ġew fis‑seħħ, biex ikunu jistgħu jgawdu l‑hena.
26 U l‑Messija għandu jiġi fil‑milja taż‑żmien, sabiex huwa jkun jista’ jifdi lill‑ulied il‑bnedmin mill‑waqgħa. U għax huma ġew mifdijin mill‑waqgħa huma saru ħielsa għal dejjem, jagħrfu t‑tajjeb mill‑ħażin; biex huma jistgħu jaġixxu minn rajhom u mhux xi ħadd jaġixxi għalihom, ħlief permezz tal‑kastig tal‑liġi fil‑jum kbir u aħħari, skont il‑kmandamenti li ġew mogħtija minn Alla.
27 Għalhekk, il‑bnedmin huma ħielsa skont il‑ġisem; u lilhom jiġi mogħti dak kollu li hu meħtieġ għall‑bniedem. U huma ħielsa li jagħżlu l‑ħelsien u l‑ħajja ta’ dejjem, permezz tal‑Medjatur il‑kbir tal‑bnedmin kollha, jew li jagħżlu l‑jasar u l‑mewt, skont il‑jasar u l‑qawwa tax‑xitan; għax huwa jara x’jagħmel biex il‑bnedmin kollha jkunu miżerabbli bħalu.
28 U issa, uliedi, nixtieq li intom tħarsu lejn il‑Medjatur il‑kbir, u tagħtu widen għall‑kmandamenti kbar tiegħu; u araw li tkunu fidili lejn kliemu, u tagħżlu l‑ħajja ta’ dejjem, skont ir‑rieda tal‑Ispirtu Qaddis tiegħu;
29 U araw li ma tagħżlux il‑mewt ta’ dejjem, skont ir‑rieda tal‑ġisem u l‑ħażen li hemm fih, u li l‑ispirtu tax‑xitan jagħtuh il‑qawwa li jitfagħkom fil‑jasar, u jixħetkom fl‑infern, sabiex huwa jkun jista’ jaħkem fuqkom fis‑saltna tiegħu.
30 Lilkom ilkoll, uliedi, jien għidtilkom dan il‑ftit kliem, fl‑aħħar jiem ta’ prova tiegħi; u jien għażilt dak li hu tajjeb, skont kliem il‑profeta. U m’għandi l‑ebda għan ieħor ħlief il‑ġid etern ta’ ruħkom. Ammen.