Skrittura
2 Nefi 3


Kapitlu 3

Ġużeppi fl‑Eġittu ra lin‑Nefiti permezz ta’ dehra—Hu ħabbar dwar Joseph Smith, il‑veġġent tal‑aħħar żmien; dwar Mosè, li kien sejjer jeħles lil Iżrael; u dwar il‑miġja tal‑Ktieb ta’ Mormon. Madwar 588–570 Q.K.

1 U issa se nkellem lilek, Ġużeppi, l‑aħħar wild tiegħi. Inti twelidt fid‑deżert ta’ hemm; iva, fil‑jiem tal‑akbar niket tiegħi wellditek ommok.

2 U jalla l‑Mulej jikkonsagra din l‑art lilek ukoll, liema art hija mill‑aktar prezzjuża, biex tintiret minnek u minn nislek flimkien ma’ ħutek, għas‑sigurtà tiegħek għal dejjem, jekk inti tibqa’ tħares il‑kmandamenti tal‑Qaddis ta’ Iżrael.

3 U issa, Ġużeppi, l‑aħħar wild tiegħi, li jiena ħriġt ’il barra mid‑deżert ta’ hemmi, jalla l‑Mulej ibierkek għal dejjem, biex nislek ma jinqeridx għal kollox.

4 Għax ara, inti l‑frott ta’ ġenbejja; u jiena ġej min‑nisel ta’ Ġużeppi li ttieħed fil‑jasar tal‑Eġittu. U kbar kienu l‑patti li l‑Mulej għamel ma’ Ġużeppi.

5 Għalhekk, Ġużeppi ra tassew żmienna. U l‑Mulej wiegħdu li minn frott ġenbejh il‑Mulej Alla sejjer iqajjem fergħa ġusta għad‑dar ta’ Iżrael; mhux il‑Messija, imma fergħa li għandha tinqata’, madankollu, biex hi tiġi mfakkra fil‑patti tal‑Mulej li l‑Messija għandu juri lilu nnifsu lilhom fl‑aħħar żminijiet, fl‑ispirtu tal‑qawwa, biex joħroġhom ’il barra mid‑dlam għad‑dawl—iva, ’il barra mid‑dlam moħbi u ’l barra mill‑jasar lejn il‑ħelsien.

6 Għax Ġużeppi tassew xehed u qal: Il‑Mulej Alla tiegħi se jqajjem veġġent, u hu se jkun veġġent magħżul għall‑frott ta’ ġenbejja.

7 Iva, Ġużeppi tassew qal: Dan jgħidli l‑Mulej: Veġġent magħżul jiena se nqajjem mill‑frott ta’ ġenbejk; u hu jkun stmat ħafna mill‑frott ta’ ġenbejk. U lilu jiena se nagħti kmandament li huwa għandu jwettaq ħidma għall‑frott ta’ ġenbejk, għal ħutu, ħidma li se tkun ta’ ġid kbir għalihom, li saħansitra twassalhom għall‑għarfien tal‑patti li jiena għamilt ma’ missirijietek.

8 U lilu jiena se nagħtih kmandament li huwa m’għandu jwettaq l‑ebda ħidma oħra, ħlief il‑ħidma li se nordnalu jien. U jien se nagħmlu kbir f’għajnejja; għax huwa se jwettaq il‑ħidma tiegħi.

9 U hu se jkun kbir bħal Mosè, dak li jiena għidt li sejjer inqajmilkom biex jeħles lill‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael.

10 U lil Mosè jiena se nqajjem, biex jeħles lill‑poplu tiegħek mill‑art tal‑Eġittu.

11 Iżda veġġent jiena se nqajjem mill‑frott ta’ ġenbejk; u lilu se nagħtih il‑qawwa biex iwassal kelmti lin‑nisel ta’ ġenbejk—u mhux biss iwassal kelmti, jgħid il‑Mulej, imma jikkonvinċihom dwar kelmti, li se tkun diġà tinsab fosthom.

12 Għalhekk, il‑frott ta’ ġenbejk sejjer jikteb; u l‑frott ta’ ġenbejn Ġuda sejjer jikteb; u dak li se jinkiteb mill‑frott ta’ ġenbejk, kif ukoll dak li se jinkiteb mill‑frott ta’ ġenbejn Ġuda, se jsir ħaġa waħda, biex jiċħad id‑duttrina falza u jtaffi t‑tilwim, u jwassal is‑sliem fost il‑frott ta’ ġenbejk, u jwassalhom għall‑għarfien ta’ missirijiethom fl‑aħħar żminijiet, kif ukoll għall‑għarfien tal‑patti tiegħi, jgħid il‑Mulej.

13 U mid‑dgħufija huwa se jikseb il‑qawwa, f’dak il‑jum li fih se jingħata bidu għall‑ħidma tiegħi fost il‑poplu tiegħi kollu, li twassal għar‑restawrazzjoni tiegħek, O dar ta’ Iżrael, jgħid il‑Mulej.

14 U dan ħabbar Ġużeppi meta qal: Araw, lil dak il‑veġġent il‑Mulej se jbierek; u dawk li jippruvaw jeqirduh se jiġu umiljati; għax din il‑wegħda, li jiena ngħatajt mingħand il‑Mulej, dwar il‑frott ta’ ġenbejja, sejra tiġi fis‑seħħ. Araw, jiena ninsab ċert li din il‑wegħda se tiġi fis‑seħħ;

15 U ismu se jkun bħal ismi; u se jkun bħal isem missieru. U hu se jkun bħali; għax dak li l‑Mulej se jwettaq permezz ta’ jdejh, bil‑qawwa tal‑Mulej, se jwassal lill‑poplu tiegħi għas‑salvazzjoni.

16 Iva, dan hu li ħabbar Ġużeppi: jiena ninsab ċert dwar dil‑ħaġa, daqs kemm jiena ċert dwar il‑wegħda ta’ Mosè; għax il‑Mulej qalli, jiena se nħares lil nislek għal dejjem.

17 U l‑Mulej qal: Jiena se nqajjem Mosè; u lilu se nagħtih il‑qawwa permezz ta’ ħatar; u se nagħtih l‑abbiltà li jikteb. Madankollu m’iniex se nħollu lsienu u jkun ta’ ħafna kliem, għax mhux se jkun kapaċi jitkellem ħafna. Iżda jiena se niktiblu l‑liġi tiegħi, permezz tas‑saba’ ta’ jdejja; u se nħejji kelliem għalih.

18 U l‑Mulej qalli wkoll: Jiena se nqajmu għall‑frott ta’ ġenbejk; u se nħejji għalih kelliem. U ara, jiena se nippermettilu li jikteb il‑kitba tal‑frott ta’ ġenbejk, għall‑frott ta’ ġenbejk; u l‑kelliem ta’ ġenbejk sejjer ixandarha.

19 U l‑kliem li huwa se jikteb se jkun il‑kliem li, fl‑għerf tiegħi, jeħtieġ li jiġi mxandar lill‑frott ta’ ġenbejk. U se jkun bħallikieku l‑frott ta’ ġenbejk sejħilhom minn ġot‑trab; għax jiena nagħraf il‑fidi tagħhom.

20 U minn ġot‑trab huma se jgħajtu, sewwasew, lil ħuthom għall‑indiema, anke wara li jkunu għaddew bosta ġenerazzjonijiet. U se jiġri li t‑talba tagħhom se tasal, sewwasew, skont is‑sempliċità ta’ kliemhom.

21 Minħabba l‑fidi tagħhom kliemhom se jgħaddi minn fommi għal għand ħuthom li huma l‑frott ta’ ġenbejk; u d‑dgħufija ta’ kliemhom jiena se nsaħħaħ fil‑fidi tagħhom, ħalli huma jiftakru fil‑patt li jien għamilt ma’ missirijietek.

22 U issa, ara, ibni Ġużeppi, b’dan il‑mod ħabbar missieri tal‑qedem.

23 Għalhekk, hieni inti minħabba dan il‑patt; għax nislek mhuwiex se jinqered, għaliex huma sejrin jagħtu widen għall‑kliem li hemm fil‑ktieb.

24 U se jqum wieħed setgħan fosthom, li se jagħmel bosta ġid, kemm permezz tal‑kelma kif ukoll permezz tal‑għemil, u huwa se jkun strument f’idejn Alla, b’fidi mill‑aktar kbira, u hu se jwettaq għeġubijiet kbar, u se jagħmel dak li hu importanti f’għajnejn Alla, fejn se jirrestawra bil‑kbir lid‑dar ta’ Iżrael, u lin‑nisel ta’ ħutek.

25 U issa, hieni inti, Ġużeppi. Ara, inti għadek żgħir; għalhekk ara li tisma’ minn kliem ħuk, Nefi, u jsir minnek sewwasew skont il‑kliem li jiena għidt. Ara li tiftakar kliem missierek li qed imut. Ammen.