Kapitlu 4
Leħi jagħti parir u jbierek lil nislu—Huwa jmut u jindifen—Nefi jeżulta fit‑tjubija ta’ Alla—Nefi jafda fil‑Mulej għal dejjem. Madwar 588–570 Q.K.
1 U issa, jiena, Nefi, se nitkellem dwar il‑profeziji li tkellem dwarhom missieri, dwar Ġużeppi, li ttieħed ġewwa l‑Eġittu.
2 Għax araw, huwa tassew ħabbar dwar in‑nisel kollu tiegħu. U l‑profeziji li huwa kiteb, ftit hawn akbar minnhom. U huwa ħabbar dwarna, u dwar il‑ġenerazzjonijiet futuri tagħna; u jinsabu miktubin fuq il‑pjanċi tar‑ram.
3 Għalhekk, wara li missieri waqaf jitkellem dwar il‑profeziji ta’ Ġużeppi, huwa sejjaħ lil ulied Laman, is‑subien u l‑bniet tiegħu, u qalilhom: Araw, uliedi, intom li intom ulied l‑ewwel wild tiegħi, nitlobkom tisimgħu kliemi.
4 Għax il‑Mulej Alla qal li: Diment li intom tħarsu l‑kmandamenti tiegħi intom ikollkom ir‑risq f’artkom; u jekk intom ma tħarsux il‑kmandamenti tiegħi intom titwarrbu minn quddiemi.
5 Iżda araw, uliedi, jiena ma nistax ninżel ġewwa qabri qabel ma l‑ewwel nagħtikom il‑barka tiegħi; għax araw, jekk intom trabbejtu fit‑triq it‑tajba, intom ma toħorġux minnha.
6 Għalhekk, jekk intom misħutin, araw, jiena se nagħtikom il‑barka tiegħi, biex is‑saħta tkun tista’ tittieħed minn fuqkom u tinxteħet fuq ras il‑ġenituri tagħkom.
7 Għalhekk, minħabba l‑barka tiegħi, il‑Mulej Alla mhux se jippermetti li intom tintilfu; għalhekk, huwa juri ħniena magħkom u man‑nisel tagħkom għal dejjem.
8 U ġara li wara li missieri waqaf ikellem lil ulied Laman, hu ried li jinġabu quddiemu l‑ulied, subien u bniet, ta’ Lemwel.
9 U huwa kellimhom u qalilhom: Araw, uliedi, li intom ulied it‑tieni iben tiegħi; araw, jiena se nagħtikom l‑istess barka li tajt lil ulied Laman; għalhekk, intom m’intomx se tinqerdu għal kollox; imma fl‑aħħar mill‑aħħar in‑nisel tagħkom se jkun imbierek.
10 U ġara li meta missieri waqaf ikellem lilhom, araw, huwa kellem lil ulied subien ta’ Ismagħel, iva, u lin‑nies kollha ta’ daru.
11 U wara li waqaf ikellimhom, huwa kellem lil Sam, u qallu: Hieni inti, u hieni nislek; għax inti se tiret l‑art bħal ħuk Nefi. U nislek se jiġi magħdud ma’ nislu; u inti se tkun sewwasew bħal ħuk, u nislek se jkun bħal nislu; u inti se tkun imbierek fil‑jiem kollha ta’ ħajtek.
12 U ġara li wara li missieri, Leħi, kellem lin‑nies kollha ta’ daru, skont dak li ħass f’qalbu u skont l‑Ispirtu tal‑Mulej li kien fih, huwa xjieħ. U ġara li huwa miet, u ġie midfun.
13 U ġara li ftit jiem biss wara mewtu, Laman u Lemwel u l‑ulied subien ta’ Ismagħel imtlew bil‑korla għalija minħabba t‑twiddib tal‑Mulej.
14 Għax jiena, Nefi, ħassejt li kelli nkellimhom, skont kelmtu; u jien kellimthom dwar ħafna ħwejjeġ, u l‑istess għamel missieri, qabel miet; u ħafna minn kliemna jinsab miktub fuq il‑pjanċi l‑oħra tiegħi; għax il‑parti li tittratta aktar dwar storja tinsab miktuba fuq il‑pjanċi l‑oħra tiegħi.
15 U fuq dawn jiena nikteb il‑ħwejjeġ ta’ ruħi, u ħafna mill‑iskrittura li tinsab imnaqqxa fuq il‑pjanċi tar‑ram. Għax fl‑iskrittura ruħi ssib is‑serħan, u qalbi tixtarrha, u jiena niktibha għat‑tagħlim u għall‑ġid ta’ wliedi.
16 Araw, fil‑ħwejjeġ tal‑Mulej ruħi ssib is‑serħan; u qalbi tixtarr bla heda dwar il‑ħwejjeġ li jiena rajt u smajt.
17 Madankollu, minkejja t‑tjubija kbira tal‑Mulej, fejn urieni l‑għemejjel kbar u tal‑għaġeb tiegħu, qalbi tistqarr: O msejken bniedem li jien! Iva, inħoss qalbi trid tinqasam minħabba ġismi; ruħi titnikket minħabba ħżuniti.
18 Inħossni ċċirkondat, minħabba t‑tiġrib u d‑dnubiet li malajr ifixkluni.
19 U meta jkolli x‑xewqa li nifraħ, qalbi titniehed minħabba dnubieti; madankollu, jiena naf f’min fdajt ruħi.
20 Alla tiegħi kien l‑għajnuna tiegħi; hu mexxieni fl‑hemm tiegħi fid‑deżert; u huwa ħarisni fuq l‑ilma tal‑abbissi l‑kbar.
21 Huwa mlieni bl‑imħabba tiegħu, sewwasew sakemm ġismi sefa kkunsmat.
22 Huwa umilja lill‑għedewwa tiegħi, sakemm wassalhom biex jitriegħdu quddiemi.
23 Araw, huwa sama’ l‑għajta tiegħi matul il‑jum, u hu tani l‑għarfien permezz ta’ dehriet matul il‑lejl.
24 U matul il‑jum jiena mort b’kuraġġ kbir nitlob b’qawwa lil Alla; iva, jiena għollejt leħni lejn is‑sema; u niżlu l‑anġli u daru bija.
25 U fuq ġwienaħ l‑Ispirtu tiegħu nġarr ġismi għal fuq muntanji mill‑aktar għoljin. U għajnejja raw ħwejjeġ kbar, iva, sewwasew kbar wisq għall‑bniedem; għalhekk jiena ġejt mitlub biex ma niktibhomx.
26 Għalhekk, jekk jiena rajt ħwejjeġ daqstant kbar, jekk il‑Mulej fil‑kondixxendenza tiegħu lejn ulied il‑bnedmin żar lill‑bnedmin b’daqstant ħniena, mela għalfejn qalbi għandha titnikket u ruħi tibqa’ titlajja fil‑wied tan‑niket, u ġismi jiddgħajjef, u saħħti tonqos, minħabba l‑hemm tiegħi?
27 U għalfejn għandi naqa’ fid‑dnub, minħabba ġismi? Iva, għalfejn għandi nagħti lok għat‑tentazzjoni, u nħalli l‑malinn ikollu post f’qalbi biex jeqred il‑paċi tiegħi u jgħakkes ruħi? Għalfejn dil‑korla fija minħabba l‑għadu tiegħi?
28 Stenbaħ, O ruħi! Tibqax aktar imtaqqla bid‑dnub. Ifraħ, O qalbi, u tagħmilx il‑wisa’ aktar għall‑għadu ta’ ruħi.
29 Terġax tinkorla minħabba l‑għedewwa tiegħi. Tħallix li saħħti tonqos minħabba l‑hemm tiegħi.
30 Ifraħ, O ruħi, u għajjat lill‑Mulej, u għid: O Mulej, jiena se nfaħħrek għal dejjem; iva, ruħi se tifraħ fik, O Alla tiegħi, u l‑blata tas‑salvazzjoni tiegħi.
31 O Mulej, se tifdi ruħi? Se teħlisni minn idejn l‑għedewwa tiegħi? Se twassalni biex nibda nitriegħed kif nara quddiemi d‑dnub?
32 Jalla l‑bibien tal‑infern jingħalqu kontinwament quddiemi, għaliex qalbi maqsuma u l‑ispirtu tiegħi niedem! O Mulej, tagħlaqx il‑bibien tas‑sewwa tiegħek quddiemi, ħalli nkun nista’ nimxi fil‑mogħdija tal‑wied fond, ħalli fit‑triq għall‑wita nkun nista’ nibqa’ strett!
33 O Mulej, dawwarni bil‑mantar tas‑sewwa tiegħek! O Mulej, agħmel mod kif jien inkun nista’ naħrab minn quddiem l‑għedewwa tiegħi! Iddritta l‑mogħdija li għandi quddiemi! La tqegħidx tfixkil fi triqti—imma neħħi kull ostaklu minn quddiemi, u tostakolax triqti, imma t‑toroq tal‑għadu tiegħi.
34 O Mulej, jiena afdajt fik, u se nibqa’ nafda fik għal dejjem. Jien m’iniex se nafda fid‑driegħ tal‑laħam; għax naf li misħut hu dak li jafda fid‑driegħ tal‑laħam. Iva, misħut hu dak li jafda fil‑bniedem jew ifittex il‑qawwa tiegħu fil‑ġisem.
35 Iva, jiena naf li Alla jagħti b’id miftuħa lil dak li jitlob. Iva, Alla tiegħi jagħtini, jekk ma nitlobx ħażin; għalhekk jiena ngħolli leħni lejk; iva, lilek insejjaħ, O Alla tiegħi, il‑blata tas‑sewwa tiegħi. Ara, lejk jiena se ngħolli leħni għal dejjem, O blata tiegħi u Alla ta’ dejjem tiegħi. Ammen.