Kapitlu 5
In‑Nefiti jinfirdu minn mal‑Lamaniti, iħarsu l‑liġi ta’ Mosè, u jibnu tempju—Minħabba n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom, il‑Lamaniti jinqatgħu mill‑preżenza tal‑Mulej, taqa’ fuqhom saħta, u jsiru pjaga għan‑Nefiti. Madwar 588–559 Q.K.
1 Araw, ġara li jiena, Nefi, għajjatt b’qawwa lill‑Mulej Alla tiegħi, minħabba l‑korla ta’ ħuti.
2 Iżda araw, huma aktar bdew jinkurlaw għalija, tant li ppruvaw ineħħuli ħajti.
3 Iva, huma bdew igemgmu kontrija, u jgħidu: Ħuna ż‑żgħir jaħseb li se jmexxina hu; u aħna kellna ngħaddu minn bosta sfidi minħabba fih; għalhekk, ejjew noqtluh, ħalli ma jkollniex għalfejn inbatu aktar minħabba kliemu. Għax araw, aħna mhux se nħalluh ikun il‑mexxej tagħna; għax għandna nkunu aħna, il‑kbar fost l‑aħwa, li mmexxu lil dan il‑poplu.
4 Issa jiena fuq dawn il‑pjanċi m’iniex se nikteb il‑kliem kollu li huma lissnu kontrija. Iżda għalija jkun biżżejjed li ngħid, li huma ppruvaw ineħħuli ħajti.
5 U ġara li l‑Mulej wissieni, li jien, Nefi, kelli nitlaq minn ħdejhom u naħrab lejn ix‑xagħri, flimkien ma’ dawk kollha li kienu lesti jiġu miegħi.
6 Għalhekk, ġara li jiena, Nefi, ħadt miegħi lill‑familja tiegħi, kif ukoll lil Żoram u lill‑familja tiegħu, u lil ħija ta’ qabli, Sam, u lill‑familja tiegħu, u lil ħuti ż‑żgħar, Ġakobb u Ġużeppi, kif ukoll lil ħuti n‑nisa, u lil dawk kollha li kienu lesti jiġu miegħi. U dawk kollha li kienu lesti jiġu miegħi kienu dawk li emmnu fit‑twissijiet u fir‑rivelazzjonijiet ta’ Alla; minħabba f’hekk huma semgħu minn kliemi.
7 U aħna ħadna magħna t‑tined tagħna u kull ħaġa oħra li kienet possibbli li nieħdu magħna, u aħna għaddejna bosta jiem nimxu ġewwa x‑xagħri. U wara li domna mexjin għal bosta jiem aħna tellajna t‑tined tagħna.
8 U niesi riedu li l‑post insemmuh Nefi; għalhekk, aħna semmejnieh Nefi.
9 U dawk kollha li kienu miegħi ddeċidew li jsejħu lilhom infushom il‑poplu ta’ Nefi.
10 U aħna rajna li nħarsu d‑digrieti, u l‑liġijiet, u l‑kmandamenti tal‑Mulej f’kollox, skont il‑liġi ta’ Mosè.
11 U l‑Mulej kien magħna; u aħna kbirna sew fil‑ġid; għax aħna żrajna ż‑żerriegħa, u l‑ħsad tagħna reġa’ kien wieħed abbundanti. U bdejna nrabbu l‑merħliet, u l‑baqar, u annimali ta’ kull tip.
12 U jiena, Nefi, ġibt miegħi ukoll il‑kitbiet li kienu jinsabu mnaqqxa fuq il‑pjanċi tar‑ram; u ġibt ukoll il‑ballun, jew il‑boxxla, li kien ġie mħejji għal missieri permezz ta’ id il‑Mulej, skont ma hemm miktub.
13 U ġara li aħna bdejna nikbru sew fil‑ġid, u bdejna nitkattru f’artna.
14 U jiena, Nefi, qbadt ix‑xabla ta’ Laban, u għamilt ħafna xwabel bħalha, ma jmorrux jiġu fuqna n‑nies li issa bdew jissejħu Lamaniti u jeqirduna; għax jien kont naf x’mibegħda kellhom lejja u lejn uliedi u lejn dawk li kienu jissejħu l‑poplu tiegħi.
15 U jien għallimt lil niesi biex jibnu l‑bini, u biex jaħdmu b’kull xorta ta’ injam, u ħadid, u ram, u ram isfar, u azzar, u deheb, u fidda, u metall prezzjuż, li kienu f’abbundanza kbira.
16 U jiena, Nefi, bnejt tempju; u bnejtu skont it‑tempju ta’ Salamun, bid‑differenza li ma kienx mibni minn ħwejjeġ daqstant prezzjużi; għax dawn ma kinux jinstabu f’din l‑art, u għalhekk, ma setax jinbena bħat‑tempju ta’ Salamun. Iżda l‑mod kif kien mibni kien jixbah lit‑tempju ta’ Salamun; u huwa kien magħmul b’sengħa mill‑aktar kbira.
17 U ġara li jiena, Nefi, tlabt lin‑nies tiegħi biex ikunu ħabrieka, u jaħdmu b’idejhom.
18 U ġara li huma riedu li jiena nkun is‑sultan tagħhom. Iżda jiena, Nefi, xtaqt li huma ma jkollhom l‑ebda sultan; madankollu, jien għamilt għalihom dak kollu li stajt.
19 U araw, il‑kliem li l‑Mulej kien qal lil ħuti ġie fis‑seħħ, il‑kliem li qal dwarhom, li jiena kelli nkun il‑mexxej tagħhom u l‑għalliem tagħhom. Għalhekk, jiena sirt il‑mexxej tagħhom u l‑għalliem tagħhom, skont il‑kmandamenti tal‑Mulej, saż‑żmien li fih huma ppruvaw ineħħuli ħajti.
20 Għalhekk, il‑kelma tal‑Mulej ġiet fis‑seħħ meta kellimni u qalli: Jekk huma ma jagħtux widen ta’ kliemek huma se jinqatgħu mill‑preżenza tal‑Mulej. U araw, huma spiċċaw inqatgħu mill‑preżenza tiegħu.
21 U huwa wassal biex waqgħet fuqhom saħta, iva, sewwasew saħta mill‑aktar kbira, minħabba ħżunithom. Għax araw, huma kienu webbsu qalbhom kontrih, u spiċċaw biex saru bħaż‑żnied; għalhekk, minkejja li huma kienu bojod, u mill‑aktar sbieħ u dħulin, il‑Mulej Alla ried li biex il‑poplu tiegħi ma jinġibidx lejhom, huwa ra li tiġi fuqhom ġilda skura.
22 U dan jgħid il‑Mulej Alla: Jien se nara li huma jkunu ta’ għajb għall‑poplu tiegħek, jekk huma ma jindmux minn ħżunithom.
23 U misħut ikun in‑nisel ta’ dak li jitħallat man‑nisel tagħhom; għax huwa jispiċċa jinsteħet sewwasew bl‑istess saħta. U dan hu dak li qal il‑Mulej, u hekk ġara.
24 U minħabba s‑saħta li waqgħet fuqhom huma saru nies mill‑aktar għażżenin, kollhom kattiverja u ħżunija, u jikkaċċjaw il‑bhejjem fix‑xagħri.
25 U l‑Mulej Alla qalli: Huma se jkunu pjaga għal nislek, biex tħeġġiġhom ħalli jiftakru fija; u jekk huma ma jiftakrux fija, u ma jagħtux widen għal kliemi, huma se jkunu l‑kaġun tal‑qerda tagħhom stess.
26 U ġara li jiena, Nefi, ikkonsagrajt lil Ġakobb u lil Ġużeppi, biex huma jkunu qassisin u għalliema fuq art il‑poplu tiegħi.
27 U ġara li aħna għexna fil‑kuntentizza.
28 U għaddew tletin sena minn meta aħna tlaqna minn Ġerusalemm.
29 U jiena, Nefi, ktibt fuq il‑pjanċi tiegħi, li jien għamilt, l‑istorja tal‑poplu tiegħi sa issa.
30 U ġara li l‑Mulej Alla qalli: Irridek tagħmel pjanċi oħra; u fuqhom irridek tnaqqax bosta ħwejjeġ li huma tajbin f’għajnejja, għall‑ġid tal‑poplu tiegħek.
31 Għalhekk, jiena, Nefi, biex inkun ubbidjenti lejn il‑kmandamenti tal‑Mulej, mort u għamilt dawn il‑pjanċi li fuqhom naqqaxt dawn il‑ħwejjeġ.
32 U jiena naqqaxt dak li jogħġob lil Alla. U jekk il‑poplu tiegħi hu kuntent bil‑ħwejjeġ ta’ Alla huwa jkun kuntent ukoll b’dak li jien naqqaxt fuq dawn il‑pjanċi.
33 U jekk il‑poplu tiegħi jixtieq isir jaf aktar dwar l‑istorja tal‑poplu tiegħi, għandu jfittex fil‑pjanċi l‑oħra tiegħi.
34 U għalija jkun biżżejjed li ngħid li għaddew erbgħin sena, u aħna diġà spiċċajna bil‑gwerer u t‑tilwim ma’ ħutna.