Skrittura
2 Nefi 8


Kapitlu 8

Ġakobb ikompli jaqra minn Isaija: Fl‑aħħar żminijiet, il‑Mulej sejjer ifarraġ lil Sijon u jiġbor lil Iżrael—Il‑mifdija se jiġu Sijon fost hena kbira—Qabbel Isaija 51 u 52:1–2. Madwar 559–545 Q.K.

1 Isimgħuni, intom li timxu wara l‑ġustizzja. Ħarsu lejn il‑blata mnejn inqtajtu, u lejn il‑barriera mnejn itteħidtu.

2 Ħarsu lejn Abraham, missierkom, u lejn Sara, li wilditkom; meta kien waħdu jien sejjaħtlu, u beriktu.

3 Għax il‑Mulej se jfarraġ lil Sijon, hu se jfarraġ il‑ħrieb kollha tagħha; u se jagħmel Għeden mix‑xagħri tagħha u ġnien tal‑Mulej mid‑deżert tagħha. Fiha jinsabu ferħ u hena, radd il‑ħajr u l‑leħen tal‑melodija.

4 Isma’ minni, poplu tiegħi; u int, ġensi, agħtini widen; għax tagħlim joħroġ mingħandi, u nagħmel li l‑ġudizzju tiegħi ikun dawl għall‑poplu.

5 Qorbot il‑ġustizzja tiegħi; ħarġet is‑salvazzjoni tiegħi, u driegħi jagħmel ħaqq mill‑popli. Fija jittamaw il‑gżejjer, u fuq driegħi jiddependu.

6 Erfgħu għajnejkom lejn is‑smewwiet, u ħarsu lejn l‑art hawn taħt; għax is‑smewwiet jgħibu bħad‑duħħan, u l‑art bħal‑libsa titherra; u jmut bl‑istess mod min jgħammar fiha. Imma s‑salvazzjoni tiegħi tibqa’ għal dejjem, u l‑ġustizzja tiegħi ma tonqos qatt.

7 Isimgħuni, intom li tagħrfu l‑ġustizzja, il‑poplu li ktibt il‑liġi tiegħi f’qalbek, la tibżgħux mit‑tagħjir tan‑nies, u tibżgħux lanqas minn tkasbirhom.

8 Għax bħal biċċa drapp tikolhom il‑kamla, u bħas‑suf jikolhom id‑dud. Iżda l‑ġustizzja tiegħi tibqa’ għal dejjem, u s‑salvazzjoni tiegħi minn nisel għal nisel.

9 Stenbaħ, stenbaħ! Xidd il‑qawwa, O driegħ il‑Mulej; stenbaħ bħal fi żmien il‑qedem. Mhux int kont li għamilt bċejjeċ lil Raħab, u li niffidt lid‑dragun?

10 Mhux int li nixxift il‑baħar, l‑ilma tal‑abbissi l‑kbar; li għamilt triq f’qiegħ il‑baħar biex jgħaddu l‑mifdija?

11 Għalhekk, lura jerġgħu l‑mifdija tal‑Mulej, u jidħlu jgħannu f’Sijon; iroxx fuqhom hena u qdusija għal dejjem; hena u ferħ jiksbu; u jgħibu n‑niket u t‑tnehid.

12 Jien hu; iva, jien hu li nfarraġkom. Ara, min int biex tibża’ minn bniedem li jmut, u minn bin il‑bniedem li bħall‑ħaxix magħmul?

13 U int insejt il‑Mulej il‑ħallieq tiegħek, li firex is‑smewwiet, u sejjes l‑art, u l‑jum kollu kont imbeżża’ minħabba l‑qilla tal‑oppressur, bħallikieku kien lest li jeqirdek? U fejn hi l‑qilla tal‑oppressur?

14 L‑ilsir li jinsab fl‑eżilju dalwaqt jinħeles, u hu mhux se jmut fil‑ħofra, u lanqas ma jonqsu l‑ħobż.

15 Iżda jiena hu l‑Mulej Alla tiegħek, li jgargru l‑imwieġ tiegħu; il‑Mulej tal‑Eżerċti jisimni.

16 U jien qegħedt kliemi fuq fommok, u b’dell idi għattejtek, biex inkun nista’ nħawwel is‑smewwiet, u nsejjes l‑art, u ngħid lil Sijon: Ara, inti l‑poplu tiegħi.

17 Stenbaħ, stenbaħ, qum, O Ġerusalemm, int li xrobt il‑kus ta’ għadbu minn id il‑Mulej—xrobt it‑tazza titriegħed tal‑mejt sal‑qiegħ—

18 U ma kellha l‑ħadd li jiggwidaha, minn fost l‑ulied kollha li wildet; lanqas li jmexxiha minn idha, minn fost l‑ulied kollha li rabbiet.

19 Dawn iż‑żewġ ulied laħquk, li se jħennu għalik—il‑ħerba u l‑qerda tiegħek, u l‑ġuħ u x‑xabla—u b’min se nfarrġek?

20 Uliedek mitruħa, ħlief għal dawn it‑tnejn; jinsabu mitluqa fit‑tarf ta’ kull triq; bħal barri selvaġġ f’xibka, mimlija bil‑qilla tal‑Mulej, iċ‑ċanfira ta’ Alla tiegħek.

21 Għalhekk isma’ din, imsejken, u fis‑sakra, imma mhux bl‑inbid:

22 Dan jgħid sidek il‑Mulej, Alla tiegħek li jaqbeż għall‑poplu tiegħu; arani, jien ħadtlek minn idek it‑tazza titriegħed, il‑kus tal‑mejt ta’ għadbi; inti ma tixrobhiex aktar.

23 Iżda jien nqegħedha f’idejn dawk li jaħqruk; li lil ruħek qalulha: Tgħawweġ ħa ngħaddu minn fuqek—u int ġismek għamiltu bħal qiegħa tal‑art, u bħal triq għal dawk li għaddew minn fuqek.

24 Stenbaħ, stenbaħ, xidd il‑qawwa tiegħek, O Sijon; ilbes l‑ilbies mill‑isbaħ tiegħek, O Ġerusalemm, il‑belt qaddisa; għax minn issa ’l quddiem min hu bla ħtin u mniġġes fik ma jidħolx aktar.

25 Tfarfar mit‑trab; qum, oqgħod bilqiegħda, O Ġerusalemm; ħoll lilek innifsek mill‑irbit ta’ għonqok, O lsira bint Sijon.