Skrittura
2 Nefi 9


Kapitlu 9

Ġakobb jispjega li l‑Lhud sejrin jinġabru flimkien fl‑artijiet imwiegħda tagħhom kollha—L‑Espjazzjoni tifdi lill‑bniedem mill‑Waqgħa—L‑iġsma tal‑mejtin sejrin iqumu mill‑qabar, u l‑ispirti tagħhom se jqumu mill‑infern u mill‑ġenna—Se jsir ħaqq minnhom—L‑Espjazzjoni tifdina mill‑mewt, mill‑infern, mix‑xitan, u minn tbatija bla tmiem—Il‑ġusti għandhom jiġu salvati fis‑saltna ta’ Alla—Stabbiliti l‑penali għad‑dnubiet—Il‑Qaddis ta’ Iżrael huwa l‑għassies tal‑bieb. Madwar 559–545 Q.K.

1 U issa, għeżież ħuti, jiena qrajt dawn il‑ħwejjeġ biex intom tkunu tafu dwar il‑patti tal‑Mulej li huwa għamel mad‑dar kollha ta’ Iżrael—

2 Li hu ilu jkellem lil‑Lhud, permezz ta’ fomm il‑profeti qaddisa tiegħu, sa mill‑bidu nett, min‑nisel għal nisel, sakemm jasal iż‑żmien li fih huma jiġu rrestawrati għall‑vera knisja u merħla ta’ Alla; meta huma sejrin jinġabru d‑dar fl‑artijiet ta’ wirthom, u sejrin jgħammru fl‑artijiet imwiegħda kollha tagħhom.

3 Araw, għeżież ħuti, jiena qed ngħidilkom dawn il‑ħwejjeġ biex intom tifirħu, u terfgħu raskom għal dejjem, minħabba l‑barkiet li l‑Mulej Alla se jsawwab fuq uliedkom.

4 Għax jiena naf li ħafna minnkom fittixtu tassew biex tkunu tafu l‑ħwejjeġ li għad iridu jseħħu; għalhekk jiena naf li intom tafu li ftit ftit ġisimna sejjer jitmermer u jmut; madankollu, f’ġisimna għad naraw ’l Alla.

5 Iva, jiena naf li intom tafu li huwa sejjer juri lilu nnifsu fil‑ġisem lil dawk li jinsabu f’Ġerusalemm, mnejn aħna ġejna; għax jeħtieġ li dan iseħħ fosthom; għax hemm bżonn li l‑Ħallieq il‑kbir jippermetti lilu nnifsu li joqgħod għall‑bniedem fil‑ġisem, u li huwa jmut għall‑bnedmin kollha, sabiex il‑bnedmin kollha jkunu jistgħu joqogħdu għalih.

6 Għax hekk kif il‑mewt laħqet lill‑bnedmin kollha, biex jitwettaq il‑pjan ta’ ħniena tal‑Ħallieq il‑kbir, jeħtieġ li jkun hemm qawwa tal‑qawmien, u l‑bniedem jeħtieġ li jingħata l‑qawmien minħabba l‑waqgħa; u l‑waqgħa ġiet minħabba t‑trasgressjoni; u peress li l‑bniedem waqa’ huwa nqata’ mill‑preżenza tal‑Mulej.

7 Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm espjazzjoni infinita—jekk ma jkunx hemm espjazzjoni infinita dan it‑taħsir ma jista’ qatt jilbes in‑nuqqas ta’ taħsir. Għalhekk, l‑ewwel ħaqq li esperjenza l‑bniedem kieku kien jibqa’ jgħodd għal żmien bla tmiem. U kieku ġara hekk, dan il‑ġisem kien jitniżżel fl‑art biex hemm jitħassar u jitmermer, u ma kienx iqum aktar.

8 O l‑għerf ta’ Alla, il‑ħniena u l‑grazzja tiegħu! Għax araw, jekk il‑ġisem ma jqumx aktar l‑ispirti tagħna jkollhom joqogħdu għal dak l‑anġlu li waqa’ minn quddiem il‑preżenza ta’ Alla l‑Etern, dak li sar ix‑xitan, u li mhuwiex se jqum aktar.

9 U l‑ispirti tagħna kienu jispiċċaw bħalu, u aħna konna nsiru xjaten, anġli f’idejn ix‑xitan, u ningħalqu barra mill‑preżenza ta’ Alla tagħna, u nibqgħu ma’ missier il‑gideb, fil‑miżerja, bħalu; iva, f’idejn dak li qarraq bl‑ewwel ġenituri tagħna, dak li jitbiddel sabiex jidher qisu anġlu tad‑dawl, u li jħajjar lil ulied il‑bnedmin sabiex jirrikorru għall‑konfoffi sigrieti tal‑qtil u għal kull xorta ta’ għemejjel sigrieti ta’ dlam.

10 O kemm hi kbira t‑tjubija ta’ Alla tagħna, li jħejji mod kif aħna nistgħu neħilsu mill‑ħakma ta’ dan il‑mostru terribbli; iva, dak il‑mostru, il‑mewt u l‑infern, li jiena nsejjaħlu l‑mewt tal‑ġisem, kif ukoll il‑mewt tal‑ispirtu.

11 U minħabba l‑mod ta’ ħelsien ta’ Alla tagħna, il‑Qaddis ta’ Iżrael, din il‑mewt, li jiena tkellimt dwarha, li hija l‑mewt temporali, sejra trodd lura l‑mejtin tagħha; liema mewt hija l‑qabar.

12 U din il‑mewt, li jiena tkellimt dwarha, li hija l‑mewt spiritwali, sejra trodd lura l‑mejtin tagħha; liema mewt spiritwali hija l‑infern; għalhekk, il‑mewt u l‑infern jeħtieġ iroddu lura l‑iġsma tagħhom li jinsabu fil‑jasar, u l‑iġsma u l‑ispirti tal‑bnedmin sejrin jiġu rrestawrati wieħed lill‑ieħor; u dan se jseħħ permezz tal‑qawwa tal‑qawmien tal‑Qaddis ta’ Iżrael.

13 O kemm hu kbir il‑pjan ta’ Alla tagħna! Għax mill‑banda l‑oħra, il‑ġenna ta’ Alla jeħtieġ li trodd lura l‑ispirti tal‑ġusti, u l‑qabar irodd lura l‑ġisem tal‑ġusti; u l‑ispirtu u l‑ġisem jiġu rrestawrati wieħed lill‑ieħor għal darb’oħra, u l‑bnedmin kollha jsiru bla taħsir, u immortali, u huma jkunu erwieħ ħajjin, li għandhom għarfien perfett bħalna li ninsabu fil‑ġisem, ħlief li l‑għarfien tagħna se jkun perfett.

14 Għalhekk, aħna se jkollna għarfien perfett tal‑ħtija kollha tagħna, u tal‑inġiesa tagħna, u tal‑għera tagħna; u l‑ġusti se jkollhom għarfien perfett tat‑tgawdija tagħhom, u tal‑ġustizzja tagħhom, u sejrin jiġu mlibbsin bis‑safà, iva, sewwasew bil‑mantar tal‑ġustizzja.

15 U għad jiġi fis‑seħħ li meta l‑bnedmin kollha se jkunu għaddew minn din l‑ewwel mewt għall‑ħajja, minħabba li jkunu saru immortali, ikun jeħtieġ li huma jidhru quddiem it‑tribunal tal‑Qaddis ta’ Iżrael; u mbagħad jasal jum il‑ħaqq, u mbagħad jeħtieġ li jsir ħaqq minnhom skont il‑ħaqq qaddis ta’ Alla.

16 U fiż‑żgur, daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, għax il‑Mulej Alla qal dan, u din hi l‑kelma ta’ dejjem tiegħu, li hi bla tmiem, li dawk li jagħmlu s‑sewwa ħa jkomplu jagħmlu s‑sewwa, u dawk li huma maħmuġin ħa jkomplu jitħammġu iżjed; għalhekk, il‑maħmuġin huma x‑xitan u l‑anġli tiegħu; u huma sejrin imorru fin‑nar ta’ dejjem, li ġie mħejji għalihom; u t‑tbatija tagħhom se tkun bħal belliegħa ta’ nar u kubrit, li l‑fjamma tagħha titla’ għal dejjem ta’ dejjem u m’għandhiex tmiem.

17 O l‑kobor u l‑ġustizzja ta’ Alla tagħna! Għax huwa jwettaq dak kollu li jgħid, u dan il‑kliem ħareġ minn fommu, u l‑liġi tiegħu jeħtieġ li tiġi fis‑seħħ.

18 Iżda, araw, il‑ġusti, il‑qaddisin tal‑Qaddis ta’ Iżrael, huma dawk li emmnu fil‑Qaddis ta’ Iżrael, huma dawk li qagħdu għas‑slaleb tad‑dinja, bla xejn ma qiesu l‑għajb tiegħu, u huma sejrin jirtu s‑saltna ta’ Alla, li tħejjiet għalihom sa mill‑ħolqien tad‑dinja, u l‑hena tagħhom se tkun sħiħa għal dejjem.

19 O l‑kobor tal‑ħniena ta’ Alla tagħna, il‑Qaddis ta’ Iżrael! Għax huwa jeħles lill‑qaddisin tiegħu minn dak il‑mostru terribbli x‑xitan, u mill‑mewt u l‑infern, u minn dik il‑belliegħa ta’ nar u kubrit, li hija tbatija bla tmiem.

20 O kemm hi kbira l‑qdusija ta’ Alla tagħna! Għax huwa jaf kollox, u m’hemm xejn li huwa ma jafx.

21 U huwa se jiġi fid‑dinja biex isalva lill‑bnedmin kollha jekk huma jisimgħu minn kliemu; għax araw, huwa jbati l‑uġigħ tal‑bnedmin kollha, iva, l‑uġigħ tal‑ħlejjaq ħajjin kollha, kemm l‑irġiel, kemm in‑nisa, kif ukoll it‑tfal, li jappartjenu lill‑familja ta’ Adam.

22 U huwa jgħaddi minn dan kollu biex il‑qawmien mill‑imwiet ikollu effett fuq il‑bnedmin kollha, biex ilkoll ikunu jistgħu jieqfu quddiemu fil‑jum il‑kbir tal‑ħaqq.

23 U huwa jordna lill‑bnedmin kollha sabiex jindmu, u jitgħammdu f’ismu, u jkollhom fidi perfetta fil‑Qaddis ta’ Iżrael, jew huma ma jkunux jistgħu isalvaw fis‑saltna ta’ Alla.

24 U jekk huma ma jindmux u ma jemmnux f’ismu, u ma jitgħammdux f’ismu, u ma jibqgħux sħaħ sal‑aħħar, jeħtieġ li jiġu kkundannati; għax il‑Mulej Alla, il‑Qaddis ta’ Iżrael, qal dan.

25 Għalhekk, huwa tana liġi; u fejn ma tingħata l‑ebda liġi m’hemm l‑ebda kastig; u fejn m’hemm l‑ebda kastig m’hemm l‑ebda kundanna; u fejn m’hemm l‑ebda kundanna, il‑ħniena tal‑Qaddis ta’ Iżrael teħodhom f’idejha, minħabba l‑espjazzjoni; għax huma jiksbu l‑ħelsien permezz tal‑qawwa tiegħu.

26 Għax l‑espjazzjoni tissodisfa l‑bżonn tal‑ġustizzja tiegħu fuq dawk kollha li ma ġewx mogħtija l‑liġi, u huma jinħelsu minn dak il‑mostru terribbli, mill‑mewt u l‑infern, u mix‑xitan, u mill‑belliegħa ta’ nar u kubrit, li hija tbatija bla tmiem; u huma jerġgħu lura għand dak Alla li tahom in‑nifs, li hu l‑Qaddis ta’ Iżrael.

27 Iżda ħażin għalih dak li ġie mogħti l‑liġi, iva, li bħalna għandu l‑kmandamenti kollha ta’ Alla, u ma jobdihomx, u jaħli l‑jiem ta’ prova tiegħu, għax l‑istat tiegħu hu wieħed terribbli!

28 O dak il‑pjan qarrieq tal‑malinn! O l‑vanità, u l‑fraġilità, u l‑bluha tal‑bnedmin! Meta jiksbu t‑tagħlim jaħsbu li huma għorrief, u ma jagħtux widen għall‑parir ta’ Alla, u jinjorawh, għax jaħsbu li jafu kollox, għalhekk, l‑għerf tagħhom huwa bluha u ma jiswihom għal xejn. U huma sejrin jinqerdu.

29 Iżda jkun tajjeb li jitgħallmu jekk huma jagħtu widen għall‑pariri ta’ Alla.

30 Iżda ħażin għalihom l‑għonja, li huma għonja fil‑ħwejjeġ tad‑dinja. Għax minħabba l‑għana tagħhom huma jistmerru lill‑foqra, u jippersegwitaw lill‑imsejknin, u qalbhom hi marbuta mat‑teżori tagħhom; għalhekk, it‑teżor tagħhom hu alla tagħhom. U araw, it‑teżor tagħhom sejjer jinqered magħhom ukoll.

31 U ħażin għalihom it‑torox li ma jridux jisimgħu; għaliex huma sejrin jinqerdu.

32 Ħażin għalihom l‑għomja li ma jridux jaraw; għaliex huma sejrin jinqerdu wkoll.

33 Ħażin għalihom ta’ bla ħtin f’qalbhom, għax għarfien ta’ ħżunithom se jolqothom fl‑aħħar jum.

34 Ħażin għalih dak li jgħid kelma b’oħra, għax hu sejjer jinxteħet fl‑infern.

35 Ħażin għalih min joqtol deliberatament, għax huwa sejjer imut.

36 Ħażin għalihom iż‑żienja, għax huma sejrin jinxteħtu fl‑infern.

37 Iva, ħażin għalihom dawk li jqimu allat foloz, għax missier ix‑xjaten kollha bihom jitgħaxxaq.

38 U, f’kelma waħda, ħażin għalihom dawk kollha li jmutu fi dnubiethom; għax huma għad jerġgħu lura għand Alla, u jaraw wiċċu, u jibqgħu fi dnubiethom.

39 O, għeżież ħuti, ftakru kemm hi ħaġa terribbli li tkunu diżubbidjenti lejn dak l‑Imqaddes Alla, u kemm hi ħaġa terribbli wkoll li taqgħu għall‑istigazzjoni ta’ dak il‑qarrieq. Ftakru, li x‑xewqat tal‑ġisem iwasslu għall‑mewt, u x‑xewqat tal‑ispirtu jwasslu għall‑ħajja ta’ dejjem.

40 O, għeżież ħuti, agħtu widen għal kliemi. Ftakru fil‑kobor tal‑Qaddis ta’ Iżrael. Tgħidux li jiena għidt ħwejjeġ ibsin kontrikom; għax jekk tgħidu dan, intom tkunu qed tinsulentaw il‑verità; għax dak li jiena għidt huwa l‑kliem tal‑Ħallieq tagħkom. Jiena naf li kliem il‑verità huwa iebes kontra kull xorta ta’ ħmieġ; imma l‑ġusti ma jibżgħux minnu, għax huma jħobbu l‑verità u ma jitħawdux.

41 O, mela, għeżież ħuti, ersqu lejn il‑Mulej, il‑Qaddis. Ftakru li triqatu huma ġusti. Araw, it‑triq għall‑bniedem hi dejqa, imma hija tinsab dritta quddiemu, u l‑għassies tal‑bieb huwa l‑Qaddis ta’ Iżrael; u hemm hu ma jħaddem l‑ebda qaddej; u m’hawn l‑ebda triq oħra ħlief permezz tal‑bieb; għaliex bih ma tqarraqx, għax il‑Mulej Alla hu ismu.

42 U lil kull min iħabbat, lilu jiftaħ; u l‑għorrief, u l‑imgħallmin, u l‑għonja, li huma mkabbrin minħabba tagħlimhom, u minħabba l‑għerf tagħhom, u l‑ġid materjali tagħhom—huma sewwasew dawk li lilhom iwarrab; u jekk huma ma jpoġġux fil‑ġenb dawn il‑ħwejjeġ, u ma jħarsux lejhom infushom bħala nies boloh quddiem Alla, u ma jinżlux sal‑qiegħ tal‑umiltà, huwa ma jiftħilhomx.

43 Iżda l‑ħwejjeġ tal‑għorrief u ta’ min hu bil‑għaqal se jinħbew minnhom għal dejjem—iva, dak il‑ferħ li huwa mħejji għall‑qaddisin.

44 O, għeżież ħuti, ftakru kliemi. Araw, ħwejġi nneħħi minn fuqi, u nfarfarhom quddiemkom; nitlob lil Alla tas‑salvazzjoni tiegħi biex iħares lejja permezz ta’ għajnu li tara kollox, għalhekk, għandkom tkunu tafu fl‑aħħar jum, meta l‑bnedmin kollha se jiġu ġġudikati skont għemilhom, li l‑Alla ta’ Iżrael ra tabilħaqq li jiena farfart ħżunitkom minn ruħi, u li jien ninsab wieqaf b’dija quddiemu, u ħieles minn demmkom.

45 O, għeżież ħuti, iċħdu dnubietkom; eħilsu mill‑ktajjen ta’ dak li jorbotkom miegħu; ersqu lejn dak Alla li huwa l‑blata tas‑salvazzjoni tagħkom.

46 Ħejju ruħkom għal dak il‑jum glorjuż meta mal‑ġusti se ssir ġustizzja, sewwasew f’jum il‑ħaqq, fejn intom ma jkollkomx għalfejn taħbu wiċċkom minħabba biża’ terribbli; u ma jkollkomx għalfejn tiftakru b’ċarezza l‑ħtija terribbli tagħkom, u jkollkom tistqarru: Qaddisa, qaddisa d‑digrieti tiegħek, O Mulej Alla li Tista’ Kollox—imma jiena naf ħtijieti; jiena ksirt il‑liġi tiegħek, u kont jien li waqajt fit‑trasgressjoni; u f’idejh ix‑xitan ħakimni, u jiena spiċċajt priża għall‑miżerja terribbli tiegħu.

47 Iżda araw, ħuti, taħsbu intom li jkun jaqbel li jiena nagħmilkom konxji tar‑realtà terribbli ta’ dawn il‑ħwejjeġ? Taħsbu li se noqgħod nitturmenta ruħkom li kieku moħħkom huwa safi? Taħsbu li se noqgħod inkellimkom b’mod daqstant ċar, skont iċ‑ċarezza tal‑verità, li kieku kontu ħielsa mid‑dnub?

48 Araw, jekk intom kontu qaddisa jiena kont inkellimkom dwar il‑qdusija; imma peress li m’intomx qaddisa, u intom tħarsu lejja bħala għalliem, bla dubju jkun jaqbel li jiena ngħallimkom dwar il‑konsegwenzi tad‑dnub.

49 Araw, ruħi tistmerr id‑dnub, u qalbi titgħaxxaq fis‑sewwa; u jiena nfaħħar l‑isem qaddis ta’ Alla tiegħi.

50 Ejjew, ħuti, intom li bikom l‑għatx, ejjew għall‑ilma; u intom li m’għandkomx flus, ejjew, ixtru u kulu; iva, ejjew ixtru nbid u ħalib bla flus u bla prezz.

51 Għalhekk, tonfqux flus f’dak li m’għandu ebda valur, jew taħdmu għal xi ħaġa li ma tistax tissodisfakom. Agħtu kas ta’ dak li jien qed ngħid, u ftakru l‑kliem li tennejt; u ejjew għand il‑Qaddis ta’ Iżrael, u mantnu lilkom infuskom permezz ta’ dak li ma jispiċċa qatt, u qatt ma jitħassar, u ħallu ruħkom tifraħ b’ikel bnin.

52 Araw, għeżież ħuti, ftakru l‑kliem ta’ Alla tagħkom; itolbuh bla heda matul il‑jum, u roddu ħajr lill‑isem qaddis tiegħu mal‑lejl. Ħa tifraħ qalbkom.

53 U araw kemm huma kbar il‑patti tal‑Mulej, u kemm hi kbira l‑kondixxendenza tiegħu lejn ulied il‑bnedmin; u minħabba l‑kobor tiegħu, u l‑grazzja u l‑ħniena tiegħu, huwa wegħidna li n‑nisel tagħna mhuwiex se jinqered għal kollox, skont il‑ġisem, imma lilhom huwa se jħares; u fil‑ġenerazzjonijiet futuri huma se jsiru fergħa ġusta għad‑dar ta’ Iżrael.

54 U issa, ħuti, jien għandi aktar x’ngħidilkom; imma għada se nistqarr magħkom dak li baqagħli x’ngħidilkom. Ammen.