Skrittura
Moroni 6


Kapitlu 6

Dawk li jindmu jiġu mgħammdin u milqugħin fil‑knisja—Il‑membri tal‑knisja li jindmu jiksbu l‑maħfra—Il‑laqgħat jiġu mmexxija bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu. Madwar 401–421 W.K.

1 U issa se nitkellem dwar il‑magħmudija. Araw, il‑presbiteri, il‑qassisin u l‑għalliema ġew mgħammdin; u huma ma ġewx mgħammdin qabel ma l‑ewwel ipproduċew il‑frott u b’hekk urew li kienu denji li jitgħammdu.

2 U lanqas ma laqgħu għandhom nies għall‑magħmudija jekk huma ma marrux quddiemhom b’qalb maqsuma u spirtu niedem, u jekk huma ma tawx xhieda quddiem il‑knisja li huma kienu nidmu tassew minn dnubiethom kollha.

3 U ma laqgħu għandhom l‑ebda nies għall‑magħmudija jekk huma ma ħadux fuqhom isem Kristu, u jekk huma ma kinux determinati li lesti jaqduh sal‑aħħar.

4 U wara li huma ġew milqugħin biex jitgħammdu, u wara li ġew trasformati u mnaddfa bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, huma ġew magħduda fost il‑poplu tal‑knisja ta’ Kristu; u tteħdilhom isimhom, biex huma jkunu jistgħu jiġu mfakkra u mantnuti permezz tal‑kelma t‑tajba ta’ Alla, li żżommhom fit‑triq it‑tajba, u tfakkarhom biex jitolbu dejjem, u li huma għandhom jiddependu biss fuq il‑merti ta’ Kristu, li minnu tibda u fih tintemm il‑fidi tagħhom.

5 U l‑knisja bdiet tiltaqa’ flimkien ta’ spiss, biex huma jsumu u jitolbu, u biex jitkellmu bejniethom dwar il‑ġid ta’ ruħhom.

6 U huma bdew jiltaqgħu flimkien ta’ spiss biex jieħdu l‑ħobż u l‑inbid, b’tifkira tal‑Mulej Ġesù.

7 U bdew joqogħdu attenti ħafna li jaraw illi fosthom ma jkun hemm l‑ebda ħażen; u dawk kollha li jinstabu ħatja quddiem il‑presbiteri li wettqu xi ħażen, minn tliet xhieda tal‑knisja, u jibqgħu ma jindmux u ma jistqarrux dnubiethom, isimhom jispiċċa jitħassar, u ma jibqgħux jingħaddu aktar fost il‑poplu ta’ Kristu.

8 Iżda kemm‑il darba huma jindmu u jfittxu li jiksbu l‑maħfra, b’intenzjoni ġenwina, huma jiġu maħfura.

9 U l‑laqgħat tagħhom kienu jitmexxew mill‑knisja skont kif jidderieġi l‑Ispirtu, u bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu; għax jekk il‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu kienet turihom li għandhom ixandru, jew iħeġġu, jew jitolbu, jew jissupplikaw, jew jgħannu, hekk kien jiġri tabilħaqq.