Skrittura
Moroni 7


Kapitlu 7

Stedina biex in‑nies jibdew jesperjenzaw il‑mistrieħ tal‑Mulej—Itolbu b’intenzjoni ġenwina—L‑Ispirtu ta’ Kristu jgħin lin‑nies jagħrfu t‑tajjeb mill‑ħażin—Satana jipperswadi lin‑nies biex jiċħdu lil Kristu u jagħmlu l‑ħażen—Il‑profeti jiżvelaw il‑miġja ta’ Kristu—Permezz tal‑fidi, jitwettqu l‑mirakli u jseħħ il‑qadi tal‑anġli—Il‑bnedmin għandhom jittamaw għall‑ħajja ta’ dejjem u jħaddnu l‑karità. Madwar 401–421 W.K.

1 U issa, jiena, Moroni, se nikteb ftit mill‑kliem li missieri Mormon qal dwar il‑fidi, dwar it‑tama, u l‑karità; għax dan hu l‑mod li bih huwa kellem lin‑nies, hekk kif huwa beda jgħallimhom fis‑sinagoga li huma bnew bħala post ta’ qima.

2 U issa jiena, Mormon, se nkellem lilkom, għeżież ħuti; u huwa bil‑grazzja ta’ Alla l‑Missier, u ta’ Sidna Ġesù Kristu, u permezz tar‑rieda mqaddsa tiegħu, minħabba d‑don tas‑sejħa li hu għamilli, li jiena nista’ nkellimkom bħalissa.

3 Għalhekk, jiena se nkellem lilkom li tagħmlu parti mill‑knisja, intom id‑dixxipli ta’ Kristu li tħobbu l‑paċi, u li ksibtu biżżejjed tama biex minn issa ’l quddiem intom tkunu tistgħu tiksbu l‑mistrieħ tal‑Mulej, sakemm miegħu tkunu tistgħu tistrieħu fis‑smewwiet.

4 U issa ħuti, jiena qed ngħid dan dwarkom minħabba l‑mixja ta’ paċi li intom imxejtu ma’ wlied il‑bnedmin.

5 Għax jien niftakar fil‑kelma ta’ Alla li tgħid li minn għemilhom tagħrafhom; għax jekk għemilhom ikun tajjeb, mela huma tajbin ukoll.

6 Għax araw, Alla qal li bniedem ħażin ma jistax jagħmel dak li hu tajjeb; għax jekk huwa joffri rigal, jew jitlob lil Alla, u ma jagħmilx dan b’intenzjoni ġenwina ma jkun jiswielu xejn.

7 Għax araw, dak li jagħmel ma jgħoddlux bħala għemil tajjeb.

8 Għax araw, jekk bniedem ħażin jagħti rigal, huwa ma jagħtihx minn qalbu; għalhekk ikun jgħoddlu bħallikieku baqa’ jżomm ir‑rigal għalih; għalhekk huwa jkun meqjus bħala ħażin quddiem Alla.

9 U l‑istess ikun meqjus bħala ħażin għal dak il‑bniedem li jitlob mingħajr intenzjoni ġenwina f’qalbu; iva, u hu ma jkun jiswielu xejn, għax Alla ma jaċċettax nies bħalu.

10 Għalhekk, bniedem ħażin ma jistax jagħmel dak li hu tajjeb; lanqas ma jista’ jagħti rigal tajjeb.

11 Għax araw, għajn morra ma tistax tagħtik ilma tajjeb; l‑istess kif għajn tajba ma tistax tagħtik ilma morr; għalhekk, min hu qaddej tax‑xitan ma jistax jimxi wara Kristu; u jekk huwa jimxi wara Kristu ma jistax ikun qaddej tax‑xitan.

12 Għalhekk, kull ħaġa tajba ġejja minn Alla; u dak li hu ħażin ġej mix‑xitan; għax ix‑xitan huwa għadu ta’ Alla, u l‑ħin kollu jiġġieled kontrih, u huwa jistieden u jħeġġeġ lill‑bniedem biex jidneb, u biex jagħmel il‑ħin kollu dak li hu ħażin.

13 Iżda araw, dak li ġej minn Alla jistieden u jħeġġeġ lill‑bniedem biex jagħmel it‑tajjeb il‑ħin kollu; għalhekk, kull ħaġa li tistedinna u tħeġġiġna biex nagħmlu t‑tajjeb, u nħobbu u naqdu ’l Alla, hija spirata minn Alla.

14 Għalhekk, għeżież ħuti, araw li ma tiġġudikawx dak li hu ħażin bħallikieku ġej minn Alla, jew dak li hu tajjeb u ġej minn Alla bħallikieku ġej mix‑xitan.

15 Għax araw, ħuti, jingħata lilkom li tkunu kapaċi tiġġudikaw, biex tkunu tistgħu tagħrfu t‑tajjeb mill‑ħażin; u l‑mod kif għandkom tiġġudikaw huwa ċar, biex intom tkunu tistgħu tagħrfu b’għarfien perfett, kif intom tistgħu tagħrfu d‑dawl tal‑jum mid‑dalma tal‑lejl.

16 Għax araw, l‑Ispirtu ta’ Kristu jingħata lil kull bniedem, sabiex huwa jkun jista’ jagħraf it‑tajjeb mill‑ħażin; għalhekk, jiena nurikom kif għandkom tiġġudikaw; għax dak kollu li jistedinkom biex tagħmlu t‑tajjeb, u li jipperswadikom biex temmnu fi Kristu, jasal għandkom bil‑qawwa u d‑don ta’ Kristu; b’hekk intom tistgħu tagħrfu b’għarfien perfett li ġej minn Alla.

17 Iżda kull ma jipperswadi lill‑bnedmin biex jagħmlu l‑ħażin, u ma jemmnux fi Kristu, u jiċħduh, u ma jaqdux lil Alla, f’dak il‑każ, intom tkunu tistgħu tagħrfu b’għarfien perfett li ġej mix‑xitan; għax dan huwa l‑mod li bih jaħdem ix‑xitan, għax huwa ma jipperswadi ’l ebda bniedem biex jagħmel it‑tajjeb, le, lanqas wieħed; u l‑istess l‑anġli tiegħu; u l‑istess dawk li jissottomettu rwieħhom lejh.

18 U issa, ħuti, issa li tafu li intom kapaċi tagħrfu d‑dawl li permezz tiegħu tistgħu tiġġudikaw, liema dawl huwa d‑dawl ta’ Kristu, araw li ma tiġġudikawx b’mod żbaljat; għax bl‑istess mod li intom tiġġudikaw tiġu wkoll iġġudikati.

19 Għalhekk, nitlobkom, ħuti, biex permezz tad‑dawl ta’ Kristu tfittxu bir‑reqqa ħalli tkunu tistgħu tagħrfu t‑tajjeb mill‑ħażin; u jekk intom tadottaw kull ħaġa li hija tajba, u ma tikkundannawhiex, intom żgur li tkunu wlied Kristu.

20 U issa, ħuti, kif jista’ jkun li intom tadottaw kull ħaġa li hija tajba?

21 U issa se nitkellem dwar dik il‑fidi li għidt li se nitkellem dwarha; u se ngħidilkom kif tistgħu tadottaw kull ħaġa li hija tajba.

22 Għax araw, Alla jaf kollox, għaliex huwa kien minn dejjem għal dejjem, araw, huwa bagħat l‑anġli biex jaqdu ’l ulied il‑bnedmin, biex jiżvelaw ħwejjeġ relatati mal‑miġja ta’ Kristu; u kull ħaġa tajba tinkiseb permezz ta’ Kristu.

23 U permezz ta’ fommu Alla ħabbar ukoll lill‑profeti li Kristu għandu jiġi.

24 U araw, huwa żvela ħwejjeġ tajbin lil ulied il‑bnedmin b’diversi modi; u kull ħaġa tajba ġejja minn Kristu; altrimenti l‑bnedmin kienu jispiċċaw jintilfu, u huma ma kienu jiksbu l‑ebda ħaġa tajba.

25 Għalhekk, permezz tal‑qadi tal‑anġli, u permezz ta’ kull kelma li ħarġet minn fomm Alla, il‑bnedmin bdew jeżerċitaw il‑fidi fi Kristu; u għalhekk, permezz tal‑fidi, huma adottaw kull ħaġa li hija tajba; u komplew jagħmlu dan sal‑miġja ta’ Kristu.

26 U wara li huwa ġie, il‑bnedmin kisbu s‑salvazzjoni għax kellhom il‑fidi fih; u permezz tal‑fidi, huma saru wlied Alla. U daqs kemm hu ħaj Kristu hu qal dan il‑kliem lil missirijietna, fejn qalilhom: Kull ma titolbu lil Missieri f’ismi, li huwa tajjeb, u temmnu b’fidi li se tirċevuh, araw, dan jingħatalkom.

27 Allura, għeżież ħuti, il‑mirakli waqfu għax Kristu tela’ fis‑smewwiet, u poġġa bilqiegħda fuq il‑lemin ta’ Alla, biex jitlob lill‑Missier id‑dritt tiegħu li jeżerċita l‑ħniena f’isem ulied il‑bnedmin?

28 Għax huwa ġab fis‑seħħ l‑għan tal‑liġi, u huwa jagħmel tiegħu lil dawk kollha li għandhom il‑fidi fih; u dawk li għandhom il‑fidi fih iħaddnu kull ħaġa li hija tajba; għalhekk huwa jiddefendi l‑kawża ta’ wlied il‑bnedmin; u huwa jgħammar fis‑smewwiet għal dejjem.

29 U għax hu għamel dan, għeżież ħuti, allura l‑mirakli waqfu? Araw jiena ngħidilkom, Le; u lanqas l‑anġli ma waqfu jaqdu lill‑ulied il‑bnedmin.

30 Għax araw, huma jissottomettu ruħhom għalih ħalli jaqdu skont il‑kelma tal‑kmand tiegħu, u juru lilhom infushom lil dawk li għandhom fidi soda u moħħ determinat f’kull għamla ta’ tjieba.

31 U fil‑ministeru tagħhom dmirhom hu li jsejħu lin‑nies sabiex jindmu, u li jwettqu u jagħmlu l‑ħidma meħtieġa relatata mal‑patti tal‑Missier, li huwa għamel ma’ wlied il‑bnedmin, biex huma jħejju t‑triq fost ulied il‑bnedmin, billi jħabbru l‑kelma ta’ Kristu lil dawk li huma għodda magħżula tal‑Mulej, biex huma jkunu jistgħu jagħtu xhieda tiegħu.

32 U għax jagħmlu dan, il‑Mulej Alla jħejji t‑triq biex il‑bqija tal‑bnedmin ikun jista’ jkollhom il‑fidi fi Kristu, biex l‑Ispirtu s‑Santu jkun jista’ jgħammar f’qalbhom, skont il‑qawwa tiegħu; u b’dan il‑mod il‑Missier iġib fis‑seħħ il‑patti li huwa għamel ma’ wlied il‑bnedmin.

33 U Kristu qal: Jekk ikollkom il‑fidi fija ikollkom il‑qawwa li tagħmlu dak kollu li hu xieraq għalija.

34 U huwa qal: Indmu intom kollha minn truf id‑dinja, u ejjew għandi, u tgħammdu f’ismi, u araw li jkollkom il‑fidi fija, ħalli tkunu tistgħu tiksbu s‑salvazzjoni.

35 U issa, għeżież ħuti, f’każ li l‑ħwejjeġ li kellimtkom dwarhom huma vera, u fl‑aħħar jum Alla, b’qawwa u bi glorja kbira, jurikom li huma vera, mela jekk huma vera, allura żmien il‑mirakli għadda?

36 Jew l‑anġli m’għadhomx jidhru aktar lil ulied il‑bnedmin? Jew huwa żamm lura milli jagħtihom il‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu? Jew se jżomm, sakemm jasal l‑aħħar taż‑żmien, jew sakemm iddum wieqfa’ d‑dinja, jew sakemm fuq wiċċ id‑dinja jkun għad baqa’ bniedem wieħed xi jsalva?

37 Araw, jiena ngħidilkom, Le; għax hu permezz tal‑fidi li jseħħu l‑mirakli; u hu permezz tal‑fidi li jidhru l‑anġli u li huma jaqdu lill‑bnedmin; għalhekk, jekk dawn il‑ħwejjeġ m’għadhomx aktar, ħażin għalihom ulied il‑bnedmin, għax dan seħħ minħabba n‑nuqqas ta’ fidi, u kollox hu għalxejn.

38 Għax skont kliem Kristu, ħadd ma jista’ jsalva jekk ma jkollux il‑fidi f’ismu; għalhekk, jekk dawn il‑ħwejjeġ m’għadhomx aktar, mela l‑fidi wkoll m’għadhiex aktar; u l‑istat tal‑bniedem hu stat tassew tal‑biża’, għax għalihom bħallikieku l‑ebda fidwa ma ġiet fis‑seħħ.

39 Iżda araw, għeżież ħuti, fikom jien nista’ nara ħwejjeġ aħjar, għax minħabba l‑umiltà tagħkom nista’ nara li intom għandkom il‑fidi fi Kristu; għax li kieku m’għandkomx il‑fidi fih intom ma ħaqqkomx tingħaddu fost in‑nies tal‑knisja tiegħu.

40 U jiena se nkellimkom ukoll, għeżież ħuti, dwar it‑tama. Kif tistgħu tiksbu l‑fidi, jekk l‑ewwel ma jkollkomx it‑tama?

41 U għalxiex għandkom tittamaw? Araw jiena ngħidilkom li intom għandkom ikollkom it‑tama, permezz tal‑espjazzjoni ta’ Kristu u l‑qawwa tal‑qawmien tiegħu, li intom tiġu mqajmin għall‑ħajja ta’ dejjem, u dan minħabba l‑fidi tagħkom fih skont il‑wegħda.

42 Għalhekk, biex bniedem ikollu l‑fidi hu meħtieġ li jkollu t‑tama; għax mingħajr fidi ma jista’ jkun hemm l‑ebda tama.

43 U araw, jiena ngħidilkom ukoll li hu ma jistax ikollu l‑fidi u t‑tama, jekk huwa ma jkunx ta’ qalb ħelwa u umli.

44 Għax inkella, il‑fidi u t‑tama tiegħu jkunu għal xejn, għaliex ħadd mhu aċċettabbli quddiem Alla, ħlief dawk ta’ qalbhom ħelwa u umli; u jekk bniedem hu ta’ qalb ħelwa u umli, u jistqarr bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu li Ġesù hu l‑Kristu, jeħtieġ li huwa jkollu fih il‑karità; għax jekk m’għandux fih il‑karità huwa ma jiswa xejn; għalhekk jeħtieġ li jkollu fih il‑karità.

45 U l‑karità taf tistabar u tħenn, u mhijiex għajjura, u ma titkabbarx fuq l‑oħrajn, ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla, ma żżommx f’qalbha għad‑deni, ma tifraħx bl‑inġustizzja, imma tifraħ bil‑verità, kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.

46 Għalhekk, għeżież ħuti, jekk m’għandkomx fikom il‑karità, intom ma tiswew xejn, għaliex il‑karità ma tintemm qatt. Għalhekk, araw li tħaddnu l‑karità, li hi l‑akbar fost kull ħaġa oħra, għax kollox għad jintemm—

47 Iżda l‑karità hija l‑imħabba safja ta’ Kristu, u tibqa’ għal dejjem; u jkun tajjeb għalih min jinstab mgħoni biha fl‑aħħar jum.

48 Għalhekk, għeżież ħuti, itolbu lill‑Missier bil‑qawwa kollha ta’ qalbkom, sabiex tkunu tistgħu timtlew b’din l‑imħabba, li huwa sawwab fuq dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu; sabiex tkunu tistgħu ssiru wlied Alla; ħalli meta huwa jidher, aħna nkunu bħalu, għax lilu għad narawh kif inhu tassew; biex aħna nkunu nistgħu niksbu din it‑tama; ħalli aħna nkunu nistgħu nissaffew kif inhu safi hu. Ammen.