Kapitlu 8
Il‑magħmudija tat‑tfal iż‑żgħar hija ħaġa ħażina u abominazzjoni—It‑tfal iż‑żgħar huma ħajjin fi Kristu minħabba l‑Espjazzjoni—Il‑fidi, l‑indiema, il‑ħlewwa u l‑qalb umli, u li wieħed jirċievi l‑Ispirtu s‑Santu, u jibqa’ sħiħ sal‑aħħar iwasslu għas‑salvazzjoni. Madwar 401–421 W.K.
1 Ittra li missieri Mormon kiteb lili Moroni; u kitibhieli ftit wara s‑sejħa tiegħi għall‑ministeru. U huwa kitibli b’dan il‑mod u qalli:
2 Għażiż ibni, Moroni, jiena nħossni mill‑aktar ferħan li l‑Mulej Ġesù Kristu ftakar fik, u sejjaħlek għall‑ministeru tiegħu, u għall‑ħidma qaddisa tiegħu.
3 Jiena dejjem niftakar fik fit‑talb tiegħi, u l‑ħin kollu nitlob ’l Alla l‑Missier f’isem l‑Iben Mqaddes tiegħu, Ġesù, biex permezz tat‑tjubija u l‑grazzja infinita tiegħu, huwa jżomm idejh fuqek jekk inti tkompli teżerċita l‑fidi f’ismu sat‑tmiem.
4 U issa, ibni, jien se nkellmek dwar xi ħaġa li tassew qed tnikkitni; għax jiena nħossni vera mnikket li intom qed titlewmu bejnietkom.
5 Għax jekk dak li jiena smajt huwa minnu, intom bdejtu titlewmu bejnietkom dwar il‑magħmudija tat‑tfal iż‑żgħar tagħkom.
6 U issa, ibni, nixtieq li tara x’tagħmel biex fostkom ma jkomplix iseħħ dan l‑iżball mill‑aktar serju; hu għalhekk li jiena ktibt din l‑ittra.
7 Għax ftit wara li jiena sirt naf bil‑ħwejjeġ li qed jiġru fostkom jiena staqsejt lill‑Mulej dwar din il‑ħaġa. U l‑Mulej kellimni bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu u qalli:
8 Isma’ kliem Kristu, il‑Feddej tiegħek, u l‑Mulej u Alla tiegħek. Ara, jiena ma ġejtx fid‑dinja biex insejjaħ għall‑indiema lill‑ġusti, iżda lill‑midinbin; mhux dawk li huma f’saħħithom jeħtieġu t‑tabib, iżda l‑morda; għalhekk, it‑tfal iż‑żgħar huma f’saħħithom, għax huma mhux kapaċi jagħmlu d‑dnub; għalhekk is‑saħta ta’ Adam titneħħa minn fuqhom minħabba fija, u m’għandha l‑ebda kontroll fuqhom; u l‑liġi taċ‑ċirkonċiżjoni m’għadhiex tgħodd aktar, minħabba fija.
9 U l‑Ispirtu s‑Santu żvela miegħi b’dan il‑mod il‑kelma ta’ Alla; għalhekk, ibni l‑għażiż, jiena naf li quddiem Alla, jekk wieħed jgħammed lit‑tfal iż‑żgħar huwa jkun qed jgħaddi ż‑żmien bi ħwejjeġ mill‑aktar solenni.
10 Ara, jiena ngħidlek biex inti tgħallem dan—għallem l‑indiema u l‑magħmudija lil min hu kontabbli u kapaċi jagħmel id‑dnub; iva, għallem lill‑ġenituri biex jindmu u jitgħammdu, u jumiljaw ruħhom bħal uliedhom iċ‑ċkejknin, u huma jkunu jistgħu jsalvaw ilkoll ma’ wliedhom iċ‑ċkejknin.
11 U wliedhom iċ‑ċkejknin la jeħtieġu ndiema, u lanqas magħmudija. Ara, il‑magħmudija hija meħtieġa għall‑indiema biex jitwettqu l‑kmandamenti għall‑maħfra tad‑dnubiet.
12 Iżda t‑tfal iż‑żgħar huma ħajjin fi Kristu, u ilhom sa mill‑ħolqien tad‑dinja; għax kieku mhuwiex hekk, Alla huwa nġust, u hu Alla li jinbidel, u li jħares lejn wiċċ in‑nies; għax kemm mietu tfal żgħar mingħajr ma tgħammdu!
13 Għalhekk, jekk it‑tfal iż‑żgħar ma jistgħux isalvaw mingħajr magħmudija, allura huwa spiċċaw marru ġo infern bla tmiem.
14 Ara, jiena ngħidlek, li min jaħseb li t‑tfal ċkejknin jeħtieġu l‑magħmudija għandu qalbu mimlija mrar u jinsab fil‑jasar tal‑ħażen; għax hu la għandu fidi, la għandu tama, u lanqas karità; għalhekk, jekk hu jsofri l‑mewt waqt li għadu jaħsibha b’dal‑mod, huwa jinxteħet fl‑infern.
15 Għax kbir wisq hu l‑ħażen ta’ min jemmen li Alla jsalva tarbija għaliex tgħammdet, u jħalli tarbija tintilef għaliex ma tgħammditx.
16 Ħażin għalihom dawk li jgħawġu b’dan il‑mod triqat il‑Mulej, għax jekk huma ma jindmux huma jinqerdu. Ara, jiena nitkellem bla ebda biża’, għax ġejt mogħti l‑awtorità minn Alla; u jien ma nibżax minn dak li jista’ jagħmel il‑bniedem; għax l‑imħabba sħiħa tkeċċi ’l hemm kull biża.
17 U qalbi mimlija karità, li hija l‑imħabba ta’ dejjem; għalhekk, uliedi huma kollha l‑istess għalija; għalhekk, jiena nħobb lit‑tfal iż‑żgħar b’imħabba sħiħa; u għalija kollha l‑istess u se jgawdu mis‑salvazzjoni.
18 Għax jiena naf li Alla la huwa Alla inġust u lanqas jinbidel; iżda huwa ma jinbidel qatt mill‑eternità għall‑eternità.
19 It‑tfal iż‑żgħar ma jistgħux jindmu; għalhekk, kemm huwa kbir il‑ħażen ta’ dak li jċaħħadhom mill‑ħniena safja ta’ Alla, għaliex huma lkoll huma ħajjin fih minħabba l‑ħniena tiegħu.
20 U dawk li jgħidu li t‑tfal iż‑żgħar jeħtieġu l‑magħmudija ikunu qed jiċħdu l‑ħniena kollha ta’ Kristu, u jqisu l‑espjazzjoni u l‑qawwa tal‑fidwa tiegħu bħallikieku ma jiswew xejn.
21 Ħażin għalihom, għax huma jinsabu fil‑periklu tal‑mewt, u tal‑infern, u tat‑turment bla tmiem. Jiena qed ngħid dan mingħajr ebda biża’ għax hu Alla li ordnali ngħid dan. Isimgħu milli qed ngħid u agħtu widen, għax jekk ma tagħmlux dan, kliemi jkun ta’ xhieda kontrikom quddiem it‑tribunal ta’ Kristu.
22 Għax araw, it‑tfal iż‑żgħar huma kollha ħajjin fi Kristu, u l‑istess dawk kollha li jinsabu mingħajr il‑liġi. Għax il‑qawwa tal‑fidwa tapplika għal dawk kollha li m’għandhom l‑ebda liġi; għalhekk, min mhuwiex ħati, jew min mhuwiex taħt l‑ebda ħtija, ma jistax jindem; u għalih il‑magħmudija ma tiswa xejn—
23 Iżda jkun qed jgħaddi ż‑żmien b’Alla min jiċħad il‑ħniena ta’ Kristu, u l‑qawwa tal‑Ispirtu Qaddis tiegħu, u jafda f’għemejjel mejta.
24 Ara, ibni, din il‑ħaġa m’għandhiex tkun; għax l‑indiema tapplika għal dawk li huma ħatja u li għandhom fuqhom is‑saħta ta’ ksur il‑liġi.
25 U l‑ewwel frott tal‑indiema hija l‑magħmudija; u l‑magħmudija tasal permezz tal‑fidi għat‑twettiq tal‑kmandamenti; u t‑twettiq tal‑kmandamenti jwassal għall‑maħfra tad‑dnubiet;
26 U l‑maħfra tad‑dnubiet twassal għal qalb ħelwa u umli; u permezz ta’ qalb ħelwa u umli tasal iż‑żjara tal‑Ispirtu s‑Santu, li huwa l‑Farrâġ li jimliena bit‑tama u b’imħabba sħiħa, liema mħabba tibqa’ ħajja permezz tad‑diliġenza fit‑talb, sakemm jasal it‑tmien, meta l‑qaddisin kollha għad jgħammru ma’ Alla.
27 Ara, ibni, jekk minn hawn u ftit ieħor ma mmurx għall‑battalja kontra l‑Lamaniti jiena nerġa’ niktiblek. Ara, il‑kburija ta’ dan il‑ġens, jew ta’ dan il‑poplu Nefita, sejra twassalhom għall‑qerda tagħhom, jekk huma jibqgħu ma jindmux.
28 Itlob għalihom, ibni, biex forsi jindmu. Għax ara, jien wisq nibża’ li l‑Ispirtu m’għadux jgħammar aktar magħhom; u f’din in‑naħa tal‑pajjiż qed jippruvaw ixejnu wkoll kull qawwa u awtorità li ġejja minn Alla; u huma qed jiċħdu l‑Ispirtu s‑Santu.
29 U wara li jkunu ċaħdu għarfien daqstant kbir, ibni, huma ma jdumux wisq ma jinqerdu, u dan iġib fis‑seħħ il‑profeziji li tkellmu dwarhom il‑profeti, kif ukoll il‑kliem li qal l‑istess Salvatur tagħna.
30 Saħħa, ibni, sakemm nerġa’ niktiblek, jew sakemm nerġgħu niltaqgħu. Ammen.