Skrittura
Moroni 9


It-tieni ittra ta’ Mormon lil ibnu Moroni.

Jikkonsisti minn kapitlu 9.

Kapitlu 9

Sew in-Nefiti kif ukoll il-Lamaniti huma moralment ħżiena u korrotti—Huma jittorturaw u joqtlu lil xulxin—Mormon jitlob biex tissawwab għal dejjem il-grazzja u t-tjubija fuq Moroni. Madwar A.D. 401.

1 Għażiż ibni, jien qed nerġa’ niktiblek biex inti tkun taf li jien għadni ħaj; iżda se niktiblek dwar xi ħaġa ta’ swied il-qalb.

2 Għax ara, jien spiċċajt f’battalja mill-aktar qalila kontra l-Lamaniti li fiha ma ħriġniex rebbieħa; u Arkeantu spiċċa miet permezz tax-xabla, u l-istess Luram u Emron; iva, u spiċċajna tlifna ħafna mill-aqwa rġiel tagħna.

3 U issa ara, ibni, nibża’ li l-Lamaniti se jispiċċaw jeqirdu lil dan il-poplu; għax huma baqgħu ma nidmux, u Satana qiegħed il-ħin kollu jqanqalhom biex jimtlew bil-korla, wieħed kontra l-ieħor.

4 Ara, jien qed naħdem magħhom il-ħin kollu; u meta jien ngħidilhom il-kelma ta’ Alla b’ċerta stretezza huma jitkexkxu u joħduha kontrija; u meta nkellimhom bla ebda stretezza huma jwebbsu qalbhom kontriha; għalhekk, nibża’ li l-Ispirtu tal-Mulej m’għadux jgħammar magħhom aktar.

5 Għax huma tant saru nies maħkumin mir-rabja li milli qed nara xejn ma jibżgħu li jmutu; u huma m’għadhomx aktar iħobbu lil xulxin; u saru nies dejjem għatxana għad-demm u għall-vendetta.

6 U issa, għażiż ibni, minkejja ħżunithom, ejja naħdmu bla heda; għax jekk nieqfu naħdmu, nispiċċaw inwaqqgħu l-kundanna fuqna; għax għandna ħidma xi nwettqu waqt li aħna ninsabu f’dan it-tabernaklu tat-tafal, biex aħna nkunu nistgħu negħlbu l-għadu ta’ kull ma hu sewwa, u b’hekk ruħna tkun tista’ tistrieħ fis-saltna ta’ Alla.

7 U issa se nikteb xi ħaġa dwar it-tbatija ta’ dan il-poplu. Għax skont kif ġejt mgħarraf minn Amoron, ara, il-Lamaniti ħadu f’idejhom bosta priġunieri, li qabduhom minn ġewwa t-torri ta’ Serriza; u fosthom kien hemm kemm irġiel, kemm nisa, u anke tfal.

8 U huma qatlu lill-irġiel u l-missirijiet ta’ dawk in-nisa u tfal; u lin-nisa temgħuhom il-laħam ta’ żwieġhom, u lit-tfal temgħuhom il-laħam ta’ missirijiethom; u ilma tawhom ftit li xejn.

9 U minkejja li dil-ħaġa li wettqu l-Lamaniti kienet daqstant mistkerrha, ma kenitx mistkerrha aktar minn dak li wettaq il-poplu tagħna ġewwa Morjantu. Għax ara, ħafna mill-ulied bniet tal-Lamaniti ttieħdu bħala priġunieri; u wara li ċaħħduhom minn dik il-ħaġa l-aktar għażiża u prezzjuża fost kull ħaġ’oħra, li hi l-kastità u l-virtù—

10 Wara li għamlu dan, huma spiċċaw qatluhom bl-aktar mod krudili, fejn huma baqgħu jittorturawlhom ġisimhom sakemm mietu; u wara li għamlu dan, huma kielu ġisimhom bħal bhejjem selvaġġi, minħabba l-ebusija ta’ qalbhom; u dan għamluh biex juru x’kienu jsarrfu.

11 O ibni l-għażiż, kif jista’ poplu bħal dan, li mhuwiex ċivilizzat—

12 (U għaddew biss ftit tas-snin, u huma kienu poplu ċivili u dħuli)

13 Iżda O ibni, kif jista’ poplu bħal dan jieħu gost b’daqstant għemejjel mistkerrha—

14 Kif nistgħu qatt nistennew li Alla jibqa’ lura milli jagħmel ħaqq kontrina?

15 Ara, qalbi għajtet: Ħażin ikun għalih dan il-poplu. Agħmel ħaqq minnhom, O Alla, u aħbi d-dnubiet, il-ħażen u l-għemejjel mistkerrha tagħhom minn quddiem wiċċek!

16 U ibni, hemm ukoll bosta romol flimkien ma’ wliedhom il-bniet li baqgħu ġewwa Serriza; u l-armata ta’ Żenefi spiċċat ġarret magħha dawk il-provvisti li ma ħadux magħhom il-Lamaniti, u huma ħallewhom iduru biex jaraw minn fejn se jsibu x’jieklu; u kienu ħafna n-nisa xjuħ li tahom ħass ħażin u mietu mat-triq.

17 U l-armata li għandi miegħi hija dgħajfa; u l-armati tal-Lamaniti bħalissa jinsabu bejni u bejn Serriza; u dawk kollha li ħarbu lejn l-armata ta’ Aron spiċċaw waqgħu vittmi għall-brutalità terribbli tagħhom.

18 O kemm hu ħażin il-poplu tiegħi! Huma nies bla ordni u bla ħniena. Ara, jiena sempliċiment bniedem, u s-setgħa tiegħi hi biss setgħa ta’ bniedem, u ma nistax aktar nġiegħel lil xi ħadd jobdi l-ordnijiet tiegħi.

19 U huma kibru fil-perverżjoni tagħhom; u lkoll kemm huma huma nies mill-aktar brutali, li ma jeħilsuha lil ħadd, la lix-xjuħ u lanqas liż-żgħar; u huma jieħdu gost b’kull ħaġa li mhijiex tajba; u t-tbatija li qed ibatu n-nisa tagħna u wliedna fuq wiċċ din l-art tiżboq kull tbatija oħra; iva, ħaġa li l-ebda lsien ma jista’ jlissen, u li ħadd ma jista’ jiddeskrivi bil-kitba.

20 U issa, ibni, jien m’iniex se nitkellem aktar dwar din ix-xena tal-biża’. Ara, inti taf sew bil-ħażen ta’ dan il-poplu; inti taf li huma nies bla prinċipju, u li tilfu kull sentiment; u l-ħażen tagħhom jiżboq il-ħażen tal-Lamaniti.

21 Ara, ibni, jiena ma nistax nirrakkomandahom lil Alla, għax nibża’ li jċanfarni.

22 Iżda ara, ibni, jien lilek nirrakkomandak lil Alla, u għandi fiduċja fi Kristu li inti tikseb is-salvazzjoni; u nitlob lil Alla li jkollu ħniena minnek u jżommok ħaj, biex b’għajnejk inti tara lill-poplu tiegħu jerġa’ lura lejh, jew tarah jinqered għal kollox; għax jiena naf li huma żgur jispiċċaw jinqerdu jekk huma ma jindmux u jerġgħu lura lejh.

23 U jekk jispiċċaw jinqerdu jkun ġralhom bħall-Ġarediti, minħabba x-xewqa ta’ qalbhom li jċarċru demm ħaddieħor u jivvendikaw ruħhom.

24 U jekk jiġri li huma jinqerdu, aħna nafu li ħafna minn ħutna telqu minn magħna u marru mal-Lamaniti, u ħafna oħrajn se jitilquna u se jmorru magħhom ukoll; għalhekk, jekk jiena nispiċċa mmut u lilek ma narakx u inti tibqa’ ħaj ara li tikteb xi ħaġa wkoll; iżda nittama li ma ndumx ma narak; għax jien għandi annali sagri li rrid ngħaddihomlok.

25 Ibni, ara li tibqa’ fidil lejn Kristu; u l-ħwejjeġ li jiena ktibt tħallihomx isewdulek qalbek, u joppressawk sal-mewt; iżda ħalli lil Kristu jerfgħek ’il fuq, u jalla t-tbatija u l-mewt tiegħu, u l-fatt li huwa wera ġismu lil missirijietna, u l-ħniena u s-sabar tiegħu, u t-tama tal-glorja u l-ħajja ta’ dejjem tiegħu, jibqgħu għal dejjem f’moħħok.

26 U jalla l-grazzja ta’ Alla l-Missier, li t-tron tiegħu jinsab fl-għoli tas-smewwiet, u ta’ Sidna Ġesù Kristu, li jinsab bilqiegħda fuq il-lemin tas-setgħa tiegħu, sakemm kull ħaġa tiġi taħt il-kontroll tiegħu, tkun, u tibqa’ miegħek għal dejjem. Ammen.

Ipprintja