Skrittura
Moroni 9


It‑tieni ittra ta’ Mormon lil ibnu Moroni.

Jikkonsisti minn kapitlu 9.

Kapitlu 9

Kemm in‑Nefiti kif ukoll il‑Lamaniti huma moralment nies ħżiena u korrotti—Huma jittorturaw u joqtlu lil xulxin—Mormon jitlob biex tissawwab għal dejjem il‑grazzja u t‑tjubija fuq Moroni. Madwar 401 W.K.

1 Għażiż ibni, qed nerġa’ niktiblek biex inti tkun taf li jien għadni ħaj; iżda jien se niktiblek dwar xi ħaġa ta’ swied il‑qalb.

2 Għax ara, jien spiċċajt f’battalja mill‑aktar qalila kontra l‑Lamaniti li fiha ma ħriġniex rebbieħa; u Arkeantu spiċċa miet permezz tax‑xabla, u l‑istess Luram u Emron; iva, u aħna tlifna ħafna mill‑aqwa rġiel tagħna.

3 U issa ara, ibni, nibża’ li l‑Lamaniti se jispiċċaw jeqirdu lil dan il‑poplu; għax huma baqgħu ma nidmux, u Satana qiegħed il‑ħin kollu jqanqalhom biex jimtlew bil‑korla, wieħed kontra l‑ieħor.

4 Ara, jien qed naħdem magħhom il‑ħin kollu; u meta jiena nxandrilhom il‑kelma ta’ Alla bi strettezza huma jitkexkxu u joħduha kontrija; u meta nkellimhom bla ebda strettezza huma jwebbsu qalbhom kontriha; għalhekk, wisq nibża’ li l‑Ispirtu tal‑Mulej m’għadux jgħammar aktar magħhom.

5 Għax huma tant inħakmu minn rabja li milli qed nara ma jibżgħux li jmutu; u huma m’għadhomx aktar iħobbu lil xulxin; u saru nies għatxana dejjem għad‑demm u għall‑vendetta.

6 U issa, għażiż ibni, minkejja ħżunithom, ejja naħdmu bla heda; għax jekk nieqfu naħdmu, nispiċċaw inwaqqgħu l‑kundanna fuqna stess; għax aħna għandna ħidma xi nwettqu waqt li aħna ninsabu f’dan it‑tabernaklu tat‑tafal, ħalli nkunu nistgħu negħlbu l‑għadu ta’ kull ma hu sewwa, u b’hekk ruħna tkun tista’ tistrieħ fis‑saltna ta’ Alla.

7 U issa se nikteb xi ħaġa dwar it‑tbatija ta’ dan il‑poplu. Għax skont kif ġejt mgħarraf minn Amoron, ara, il‑Lamaniti ħadu f’idejhom bosta priġunieri, li qabduhom minn ġewwa t‑torri ta’ Serriza; u fosthom kien hemm kemm irġiel, kemm nisa, u kemm tfal.

8 U huma qatlu lill‑irġiel u l‑missirijiet ta’ dawk in‑nisa u t‑tfal; u lin‑nisa temgħuhom il‑laħam ta’ żwieġhom, u lit‑tfal temgħuhom il‑laħam ta’ missirijiethom; u ftit li xejn tawhom ilma.

9 U minkejja din l‑abominazzjoni kbira li wettqu l‑Lamaniti, żgur ma kenitx agħar minn dak li wettaq il‑poplu tagħna ġewwa Morjantu. Għax ara, ħafna mill‑ulied bniet tal‑Lamaniti ttieħdu bħala priġunieri; u wara li huma ċaħħduhom minn dik l‑aktar ħaġa għażiża u prezzjuża fost kull ħaġ’oħra, li hi l‑kastità u l‑virtù—

10 Wara li għamlu dan, huma spiċċaw qatluhom bl‑aktar mod krudili, billi bdew jittorturawlhom ġisimhom sakemm mietu; u wara li għamlu dan, huma kielu ġisimhom bħal bhejjem selvaġġi, minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom; u dan għamluh biex juru kemm kienu jaslu.

11 O ibni l‑għażiż, kif jista’ poplu mhux ċivilizzat bħal dan—

12 (U kulma għaddew kienu biss ftit snin minn meta huma kienu poplu mill‑aktar ċivili u dħuli)

13 Iżda O ibni, kif jista’ poplu bħal dan jieħu gost b’din l‑abominazzjoni kollha—

14 Kif nistgħu qatt nistennew li Alla jibqa’ lura milli jagħmel ħaqq kontrina?

15 Ara, qalbi qed tgħajjat: Ħażin għalih dan il‑poplu. Agħmel ħaqq minnhom, O Alla, u aħbi d‑dnubiet, il‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tagħhom minn quddiem wiċċek!

16 U ibni, hemm bosta romol flimkien ma’ wliedhom il‑bniet li baqgħu ġewwa Serriza; u l‑armata ta’ Żenefi spiċċat ġarret magħha dawk il‑provvisti li ma ħadux magħhom il‑Lamaniti, u huma ħallewhom iduru biex jaraw minn fejn se jsibu x’jieklu; u tul it‑triq kienu ħafna n‑nisa xjuħ li tahom ħass ħażin u mietu.

17 U l‑armata li għandi miegħi hija dgħajfa; u l‑armati tal‑Lamaniti bħalissa jinsabu bejni u bejn Serriza; u dawk kollha li ħarbu lejn l‑armata ta’ Aron spiċċaw waqgħu vittmi għall‑brutalità terribbli tagħhom.

18 O kemm hu ħażin il‑poplu tiegħi! Huma veru nies bla ordni u bla ħniena. Ara, jiena daqsxejn ta’ bniedem, u s‑setgħa tiegħi hi biss setgħa ta’ bniedem, u jien ma nistax nġiegħel aktar lil xi ħadd jobdi l‑ordnijiet tiegħi.

19 U huma komplew jikbru fil‑perverżjoni tagħhom; u huma lkoll nies mill‑aktar krudili, li ma jeħilsuha lil ħadd, la lix‑xjuħ u lanqas liż‑żgħar; u huma jieħdu gost b’kull ħaġa li mhijiex tajba; u t‑tbatija li qed ibatu n‑nisa tagħna u wliedna fuq wiċċ din l‑art kollha tiżboq kull tbatija oħra; iva, ħaġa li l‑ebda lsien ma jista’ jlissen, u li ma tistax tinkiteb.

20 U issa, ibni, jien m’iniex se nitkellem aktar dwar din ix‑xena daqstant tal‑biża’. Ara, inti taf sew bil‑ħażen ta’ dan il‑poplu; inti taf li huma nies bla prinċipju, u li tilfu kull sentiment; u l‑ħażen tagħhom jiżboq il‑ħażen tal‑Lamaniti.

21 Ara, ibni, jiena ma nistax nirrakkomandahom lil Alla, għax nibża’ li jċanfarni.

22 Iżda ara, ibni, jien lilek nirrakkomandak lil Alla, u bil‑fiduċja li għandi fi Kristu nemmen li inti se tikseb is‑salvazzjoni; u nitlob lil Alla biex ikollu ħniena minnek u jżommok ħaj, biex inti tara b’għajnejk lill‑poplu tiegħu jerġa’ lura lejh, jew tarah jinqered għal kollox; għax naf li huma żgur jispiċċaw jinqerdu jekk huma ma jindmux u jerġgħu lura lejh.

23 U jekk huma jispiċċaw jinqerdu jkun ġralhom bħall‑Ġarediti, minħabba x‑xewqa ta’ qalbhom li jċarċru demm ħaddieħor u jivvendikaw ruħhom.

24 U jekk jiġri li huma jinqerdu, aħna nafu li kienu ħafna minn ħutna li telqu minn magħna u marru mal‑Lamaniti, u hemm ħafna oħrajn li se jitilquna u se jmorru magħhom ukoll; għalhekk, jekk jiena nispiċċa mmut u lilek ma narakx u inti tkun għadek ħaj, ara li tikteb xi ħaġa wkoll; iżda nittama li ma ndumx ma narak; għax jien għandi annali sagri li rrid ngħaddihomlok.

25 Ibni, ara li dejjem tibqa’ fidil lejn Kristu; u l‑ħwejjeġ li jiena ktibt tħallihomx isewdulek qalbek, u joppressawk sal‑mewt; iżda jalla Kristu jerfgħek ’il fuq, u jalla t‑tbatija u l‑mewt tiegħu, u d‑dehra tal‑ġisem tiegħu lil missirijietna, u l‑ħniena u s‑sabar tiegħu, u t‑tama tal‑glorja u l‑ħajja ta’ dejjem tiegħu, jibqgħu jgħammru f’moħħok għal dejjem.

26 U jalla l‑grazzja ta’ Alla l‑Missier, li t‑tron tiegħu jinsab fil‑għoli tas‑smewwiet, u ta’ Sidna Ġesù Kristu, li jinsab bilqiegħda fuq il‑lemin tas‑setgħa tiegħu sakemm kull ħaġa tiġi taħt il‑kontroll tiegħu, tkun, u tibqa’ miegħek għal dejjem. Ammen.