2010
Kanarini bil-Griż fuq Ġwenħajhom
Ġunju 2010


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ġunju 2010

Kanarini bil-Griż fuq Ġwenħajhom

Kważi 60 sena ilu, waqt li kont qed inservi bħala isqof żagħżugħ, kienet mietet Kathleen McKee, armla fil-qasam tiegħi. Fost l-affarijiet tagħha li ħalliet warajha, kien hemm tliet kanarini, pets tagħha. Tnejn minnhom, ta’ kulur isfar lellux, kienu sa jingħataw lill-ħbieb tagħha. It-tielet wieħed, Billie, kellu l-isfar tiegħu mtabba’ bil-griż fuq ġwenħajh. Sister McKee kienet ħallietli nota żgħira b’ dan il-kliem: “Tista’ inti u l-familja tiegħek taddottawh? M’huwiex l-isbaħ għasfur, iżda żgur li l-aktar wieħed li jkanta sabiħ.”

Sister McKee kienet tixbah ħafna lill-kanarin isfar tagħha bil-griż fuq ġwenħajh. Ma kenitx imbierka b’ xi sbuħija kbira, b’ xi kapaċitajiet fenomenali jew onorata bil-posterità. Iżda leħinha għen lil oħrajn sabiex huma jkunu lesti li jġorru t-tagħbija tagħhom u jwettqu xogħolhom b’ kuraġġ.

Id-dinja mimlija kanarini sofor bil-griż fuq ġwenħajhom. Il-ħasra hi li ftit huma dawk fosthom li tgħallmu jkantaw. Xi wħud huma żgħażagħ li ma jafux min verament huma, x’ jistgħu isiru jew saħansitra xi jridu jsiru; iridu biss isiru xi ħadd. Oħrajn qegħdin jiltwew biż-żmien, jittaqqlu bil-problemi, jew jimtlew bid-dubju – jgħixu ħajjithom ferm ‘l isfel mil-livell tal-kapaċitajiet tagħhom.

Biex ngħixu ħajja ta’ ċertu kobor, għandna niżviluppaw il-kapaċità li nħabbtu wiċċna mal-inkwiet b’ kuraġġ, mad-diżappunt bil-ħlewwa, u mat-trijonf b’ umiltà. Nistħajlek tistaqsi, “Kif nistgħu niksbu dan kollu?” Inwieġeb, “Billi niksbu perspettiva vera ta’ min verament aħna!” Aħna wlied Alla ħaj, li ġejna maħluqin fi xbieha tiegħu. Aħsbu dwar dan: maħluqin fi xbieha ta’ Alla. Ma jistax ikun li jkollna din il-konvinzjoni bis-sinċerità kollha mingħajr ma nesperjenzaw sens ġdid u profond ta’ saħħa u qawwa.

Fid-dinja tagħna, il-karattru morali ħafna drabi jispiċċa sekondarju għas-sbuħija jew il-kariżma. Iżda ilu minn żmien il-qedem jiddi l-kunsill tal-Mulej lill-profeta Samwel: “Il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb” 1 Samwel 16:7).

Meta s-Salvatur ried bniedem ta’ fidi, Huwa ma għażlux minn fost il-ħafna li kienu jħossu li dak kollu li jagħmlu, kollu sewwa, u li kont issibhom regolarment fis-sinagogi. Minflok, Huwa sejjaħlu minn fost is-sajjieda ta’ Kafarnahum. Xmun, kollu dubju, bla ebda skola u impetwuż sar Pietru, Appostlu ta’ fidi. Kanarin isfar bil-griż fuq ġwenħajh ikkwalifika għall-kunfidenza sħiħa u l-imħabba kbira tal-Imgħallem.

Meta s-Salvatur għażel missjunarju kollu ħerqa u qawwa, Huwa ma sabux fost id-dixxipli Tiegħu iżda f’ nofs l-avversarji Tiegħu. Sawlu l-persekutur sar Pawlu l-predikatur.

Il-Feddej għażel nies imperfetti sabiex jgħallem it-triq lejn il-perfezzjoni. Hekk għamel dak iż-żmien. Hekk għadu jagħmel illum – saħansitra kanarini sofor bil-griż fuq ġwenħajhom. Huwa jsejjaħ lilek u lili sabiex inservuh hawn fid-dinja. L-impenn tagħna għandu jkun totali. U fl-isforz tagħna, jekk aħna naqgħu, ejjew nitolbu: “Mexxina, O mexxina, Ħallieq kbir tal-bnedmin, lilhinn mid-dlam sabiex nibqgħu għaddejin.” 1

It-talba tiegħi hi li nimxu wara l-eżempju tar-Raġel mill-Galilija, li ta’ spiss kien jitħallat mal-foqra, mal-batuti, mal-maħqura u l-imwaġġa’. J’ Alla toħroġ minn ġewwa qalbna kanzunetta mill-aktar ħelwa hekk kif aħna nagħmlu dan.

Nota

  1. “Fight Song,” Yonkers High School.

Għallem minn Dan il-Messaġġ

Meta tgħallem … , “ħafna drabi jkun ta’ għajnuna jekk dawk li inti tgħallem ifittxu jew jisimgħu xi ħaġa speċifika” (Teaching, No Greater Call [1999], 55). Biex tgħin lill-membri tal-familja jifhmu l-messaġġ tal-President Monson, ikkunsidra li tistaqsihom sabiex ikunu lesti li jaqsmu miegħek dak li huma jkunu tgħallmu wara li taqraw il-messaġġ flimkien. Stieden lil kull persuna sabiex taqsam miegħek dak li hija tħoss li hu punt importanti fl-artiklu. Ikkonkludi billi taqsam it-testimonjanza tiegħek dwar il-messaġġ tal-President Monson.

It-tagħlim tal-kelma ta’ Alla, kif mogħtija lilna permezz tal-profeti Tiegħu, jista’ jkollha influwenza qawwija fuq ħajjet dawk li aħna ngħallmu (ara Teaching, No Greater Call, 50). Il-President Monson iddikjara li l-għarfien li aħna wlied Alla għandu jagħtina s-saħħa u l-qawwa. Wara li taqraw dan l-artiklu, staqsi lill-membri tal-familja x’ inhu dak li jgħinhom jiftakru minn verament huma.

Ipprintja