2011
Kemm sa Jkun Kbir il-Ferħ Tiegħek
Frar 2011


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Frar 2011

Kemm sa Jkun Kbir il-Ferħ Tiegħek

Ftit huma l-affarijiet fil-ħajja li jagħtuk ferħ daqshekk ħelu u dejjiemi daqs meta inti tkun għint lil ħaddieħor jaċċetta f’ qalbu l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Kull membru tal-Knisja għandu l-opportunità li jikseb dan il-ferħ. Meta aħna tgħammidna, għamilna wegħda li sa “inkunu xhieda ta’ Alla f’ kull ħin u f’ kollox, u kull fejn inkunu, saħansitra sal-mewt, sabiex inkunu nistgħu ninfdew minn Alla, u ningħażlu flimkien ma’ dawk tal-ewwel qawmien, sabiex ikollna l-ħajja eterna” (ara Mosiah 18:9).

Il-membri kollha jaċċettaw is-sehem tagħhom mill-kmandament mogħti lill-Knisja li huma jwasslu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu lid-dinja, huma minn fejn huma, sakemm għadhom fid-dinja. Il-Mulej tkellem b’ mod ċar: “Araw, jiena nibgħatkom sabiex tagħtu xhieda u twiddbu n-nies, u b’ hekk kull bniedem li ġie mwiddeb iwiddeb lil għajru” (ara D&C 88:81). Il-missjunarji full-time ikollhom il-qawwa li jgħallmu lil dawk li għadhom mhux membri tal-Knisja. Il-membri tal-Knisja ikollhom il-qawwa li jsibu lil dawk li l-Mulej ħejja biex jiġu mgħallmin mill-missjunarji.

Irridu neżerċitaw il-fidi tagħna li l-Mulej ħejja nies madwarna sabiex jiġu mgħallmin. Huwa jaf min huma u meta sa jkunu lesti biex jaċċettaw l-evanġelju, u Huwa jista’ jiggwidana lejhom bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u jgħinna nistednuhom ħalli huma jiġu mgħallmin. Il-wegħda li l-Mulej ta lil wieħed missjunarju fl-1832 hija wkoll il-wegħda li Huwa jagħti lilna lkoll meta talabna sabiex nsibu nies li jinsabu lesti li jiġu mgħallmin mill-missjunarji: “Sa nibgħat fuqu lil Dak li Jfarraġ, u hu jgħallmu l-verità u t-triq li għandu jieħu; sakemm huwa jibqa’ fidil, jiena nerġa’ ninkurunah bil-qamħ” (ara D&C 79:2–3).

U l-wegħda ta’ ferħ kbir għal dak il-missjunarju fidil tingħata wkoll lilna bħala membri fidili li noffru qlubna għall-ħidma missjunarja:

“U issa, jekk il-ferħ tagħkom ikun kbir permezz ta’ ruħ waħda li tkunu ressaqtu lejja fis-saltna ta’ Missieri, kemm ikun kbir il-ferħ tagħkom jekk tressqu lejja ħafna erwieħ!

“Araw, intom għandkom l-evanġelju tiegħi quddiemkom, u l-blata tiegħi u s-salvazzjoni tiegħi.

“Itolbu lill-Missier f’ ismi, bil-fidi emmnu li tirċievu, u intom ikollkom l-Ispirtu s-Santu, li jurikom dak kollu li hu meħtieġ li jkunu jafu wlied il-bnedmin” (ara D&C 18:16–18).

Flimkien mal-Ispirtu s-Santu li jgħinna nagħrfu u nistiednu lil dawk li jinsabu lesti li jiġu mgħallmin, il-Mulej sejjaħ u ħarreġ mexxejja sabiex jiggwidawna. F’ ittra li nkitbet fit-28 ta’ Frar, 2002, l-Ewwel Presidenza poġġiet responsabbiltà akbar fuq l-isqfijiet u l-oqsma għall-ħidma missjunarja.1 Bl-għajnuna tal-kunsill tal-qasam jew tal-fergħa, il-kumitat eżekuttiv tas-saċerdozju jiżviluppa pjan għall-unit. F’ dak il-pjan hemm suġġerimenti dwar kif il-membri jistgħu jsibu lil dawk li huma lesti biex jiġu mgħallmin mill-missjunarji. Tissejjaħ persuna bħala l-mexxej tal-missjoni tal-qasam jew tal-fergħa. Dan il-mexxej tal-missjoni ikollu kuntatt mill-viċin mal-missjunarji full-time u l-investigaturi tagħhom.

Hemm diversi modi li permezz tagħhom tkun tista’ tilħaq aħjar l-obbligu personali tiegħek li tgħin sabiex jinstabu aktar nies biex jiġu mgħallmin mill-missjunarji. L-aktar mod sempliċi huwa dejjem l-aqwa mod.

Itlob sabiex tiġi ggwidat mill-Ispirtu s-Santu. Tkellem mal-mexxejja lokali u mal-missjunarji, itlob is-suġġerimenti tagħhom u wegħidhom li sa tkun lest li tgħinhom. Ħeġġeġ lil dawk involuti miegħek f’ din il-ħidma. U kun xhud f’ kull ħin f’ dak kollu li tgħid u tagħmel li Ġesù huwa l-Kristu u li Alla jwieġeb il-talb tagħna.

Jiena nixhed li l-Ispirtu s-Santu jiddereġikom lejn dawk li qed ifittxu l-verità hekk kif intom titolbu u taħdmu biex ikollkom din il-gwida. U jiena naf mill-esperjenza tiegħi li l-ferħ tagħkom ikun wieħed dejjiemi flimkien ma’ dawk li jagħżlu li jħallu l-evanġelju jidħol ġewwa qalbhom u wara jibqgħu sodi fil-fidi.

Nota

  1. Ara “News of the Church: Ward and Branch Missionary Work Emphasized,” Liahona, Aww. 2002, 4.

Għallem minn Dan il-Messaġġ

  • Teaching, No Greater Call jgħallimna nħeġġu lil dawk li ngħallmu sabiex ifasslu ċertu għanijiet li jgħinuhom jgħixu l-prinċipji li huma tgħallmu (ara paġna 159). Flimkien mal-membri tal-familja, ikkunsidra li tidentifika l-barkiet tal-ħidma missjunarja kif imsemmija mill-President Eyring u, kif tiġi mnebbaħ, stieden lill-membri tal-familja sabiex ifasslu xi għanijiet biex jgħinuhom jaqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor.

  • Ikkunsidra li tiddiskuti mal-membri tal-familja modi kif huma jistgħu jaqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor, ftakar fil-kunsill tal-President Eyring li “l-mod sempliċi huwa dejjem l-aqwa mod.” Biex titgħallem aktar dwar x’ għandek tiddiskuti, ara Teaching, No Greater Call, paġna 160.

Ipprintja