2013
Ir-Responsabbiltà Tagħna li Nsalvaw
Ottubru 2013


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ottubru 2013

Ir-responsabbiltà Tagħna li Nsalvaw

Il-President Thomas S. Monson

Għall-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, il-bżonn li nsalvaw lil ħutna li, għal xi raġuni jew oħra, tbiegħdu mit-triq li żżommhom attivi fil-Knisja, hija waħda eternament sinifikanti. Tafu b’ xi nies hekk li xi darba kienu jħaddnu l-evanġelju? Jekk hu hekk, x’inhi r-responsabbiltà tagħna li nsalvawhom?

Ikkunsidraw il-mitlufa fost l-anzjani, ir-romol u l-morda. Ħafna drabi huma jkunu jinsabu fid-deżert niexef u deżolat tal-iżolament li jissejjaħ solitudni. Meta ż-żogħżija tħallina, meta s-saħħa tmajna, meta l-ħeġġa tmurilna, meta d-dawl tat-tama jibda aktar ma jmur jonqos, huma jistgħu jiġu megħjuna u sostnuti permezz tal-id li tgħin u l-qalb li taf turi kompassjoni.

Hemm oħrajn li, bla dubju, għandhom bżonn jiġu salvati. Xi wħud qed isibu diffikultà minħabba d-dnub, filwaqt li oħrajn jinsabu jiġġerrew fil-biża’, l-apatija jew l-injoranza. Hi x’inhi r-raġuni, huma iżolaw lilhom infushom milli jkunu attivi fil-Knisja. U bla dubju sa jibqgħu mitlufin sakemm titkebbes ġewwa fina—il-membri attivi tal-Knisja—ix-xewqa li nsalvawhom.

Xi Ħadd li Juri t-Triq

Xi żmien ilu jiena rċevejt ittra miktuba minn raġel li tbiegħed mill-Knisja. Kienet tirrappreżenta bosta mill-membri tagħna. Wara li ddeskriva kif huwa ma baqax aktar attiv, huwa kiteb:

“Kelli tant f’ ħajti u issa ma baqagħli kważi xejn. Ninsab imnikket u nħossni bħallikieku ma nista’ nagħmel xejn sew. L-evanġelju dejjem baqa’ f’ qalbi, avolja ma baqax aktar f’ ħajti. Nitlobkom titolbu għalija.

“Jekk jogħġobkom tinsewx lilna li mhux qegħdin fostkom—il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem mitlufin. Naf fejn insib il-Knisja, iżda xi kultant għandi bżonn lil ħaddieħor sabiex jurini t-triq, jinkoraġġini, ineħħili l-biża’, u jaqsam miegħi t-testimonjanza tiegħu.”

Meta kont qed naqra din l-ittra, ħsibijieti marru fuq żjara li kont għamilt f’ waħda mill-aqwa galleriji tal-arti fid-dinja—il-famuż Victoria and Albert Museum ġewwa Londra, l-Ingilterra. Hemmhekk, imdawra bi gwarniċ mill-isbaħ, kien hemm pittura kapulavur li tpittret fl-1831 minn Joseph Mallord William Turner. Il-pittura turi sħab iswed mill-aktar imtaqqal u r-rabja ta’ baħar imqalleb li jindika periklu u mewt. Fil-bogħod, kien jidher dawl ġej minn bastiment inkaljat. Fuq quddiem, togħla mal-mewġ dejjem mimli rawwa, kien hemm dgħajsa tas-salvataġġ. Kienu jidhru numru ta’ rġiel jaqdfu b’ saħħa hekk kif id-dgħajsa bdiet aktar ma tmur tegħreq fl-ilma. Fuq ix-xatt kien hemm omm u żewġ uliedha, imxarrbin bix-xita u jitħabtu mar-riħ. Kienu qed iħarsu b’ anzjetà kbira lejn il-baħar. F’ moħħi tajt isem qasir lil din il-pittura. Għalija sar jisimha Is-Salvataġġ.1

Fost il-maltemp tal-ħajja, jeżisti viċin tagħna l-periklu. Irġiel u nisa, subien u bniet, isibu nfushom inkaljati jistennew li jinqerdu. Min hu dak li sa jiggwida d-dgħajjes tas-salvataġġ tagħhom, iħalli warajh il-kumdità tad-dar u l-familja u jmur biex isalvahom?

Il-ħidma li għandna nwettu mhux waħda impossibbli. Aħna qaddejja kkummissjonati mill-Mulej; aħna intitolati għall-għajnuna Tiegħu.

Tul il-ministeru tal-Imgħallem, Huwa sejjaħ sajjieda fil-Galilija u qalilhom sabiex iħallu x-xbiek tagħhom u jimxu warajh, u ddikjara, “Nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.”2 J’Alla aħna niggradwaw ukoll bħala sajjieda tal-bnedmin, ħalli nkunu nistgħu nipprovdu kemm nistgħu għajnuna.

Id-dover tagħna hu li nagħmlu li nistgħu sabiex insalvaw lil dawk li m’ għadx għandhom aktar sigurtà għax m’ għadhomx attivi, ħalli dawn jitressqu lejn il-mejda tal-Mulej biex jiġu sostnuti bil-kelma Tiegħu, sabiex igawdu s-sħubija tal-Ispirtu Tiegħu u ma jibqgħux “aktar barranin u frustieri, imma ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla.”3

Il-Prinċipju tal-Imħabba

Jiena sibt li hemm żewġ raġunijiet fundamentali li ħafna drabi jwasslu biex wieħed jerġa’ lura u jsir attiv u jibdel l-attitudni, il-vizzji u l-imġiba tiegħu. L-ewwel, dawn l-individwi jerġgħu lura għaliex xi ħadd urihom il-possibbiltajiet eterni tagħhom u għenhom jiddeċiedu jiksbuhom. Dawk anqas attivi ma jistgħux jibqgħu jgħixu aktar kuntenti bil-medjokrità la darba huma jaraw li kapaċi jilħqu stat ferm ogħla.

It-tieni, oħrajn jerġgħu lura minħabba li xi maħbubin tagħhom jew “ċittadini flimkien mal-qaddisin” semgħu mit-twiddib tas-Salvatur, ħabbew lil għajrhom bħalhom infushom,4 u għenu lil oħrajn iwettqu il-ħolm u l-ambizzjonijiet tagħhom.

Il-katalis f’ dan il-proċess dejjem kien—u jibqa’ jkun—il-prinċipju tal-imħabba.

F’ sens mill-aktar reali, dawk il-persuni mitlufin fuq il-baħar qalil fil-pittura ta’ Turner huma bħal ħafna mill-membri anqas attivi tagħna li jinsabu jistennew li jiġu salvati minn dawk li qed jiggwidaw id-dgħajjes tas-salvataġġ. Qalbhom qed tixxennaq għall-għajnuna. Bosta ommijiet u missirijiet jinsabu jitolbu għal uliedhom. L-ommijiet jitolbu lis-smewwiet li r-raġel tagħhom jiġi milħuq. Xi kultant l-ulied jitolbu għall-ġenituri tagħhom.

Hija t-talba tiegħi li aħna jkollna x-xewqa li nsalvaw lil dawk anqas attivi u nwassluhom lura għall-ferħ tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, sabiex huma jieħdu sehem magħna minn dak kollu li toffri s-sħubija sħiħa.

J’Alla ngħinu sabiex insalvaw lill-mitlufin li jinsabu madwarna: l-anzjani, ir-romol, il-morda, dawk b’ xi diżabbiltà, dawk anqas attivi u dawk li mhux qed iżommu l-kmandamenti. J’Alla lilhom aħna nuruhom l-id tagħna li lesta biex tgħinhom u l-qalb kollha kompassjoni. Jekk nagħmlu dan, aħna nwasslu l-ferħ f’ qalbhom u nesperjenzaw is-sodisfazzjon mill-isbaħ li niksbu meta aħna ngħinu lil xi ħadd fit-triqtna lejn il-ħajja eterna.

Noti

  1. L-isem sħiħ tal-pittura hu Life-Boat and Manby Apparatus Going Off to a Stranded Vessel Making Signal (Blue Lights) of Distress.

  2. Mattew 4:19

  3. Efesin 2:19

  4. Ara Mattew 22:39.

Tagħlim minn dan il-Messaġġ

Ikkunsidra li tistaqsi lin-nies li inti żżur jekk huma jafux b’ xi ħadd li qed isibha diffiċli jattenti l-knisja. Tista’ tagħżel persuna waħda u tiddiskuti xi modi kif tista’ turi l-imħabba tiegħek lejha, bħal per eżempju tistedinha tipparteċipa fil-lejla tal-familja d-dar jew tistedinha għall-ikel.