Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Frar 2014
Aqdi lill-Mulej b’ Imħabba
Il-Mulej Ġesù Kristu għallem, “Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha” (Luqa 9:24).
Jiena nemmen,” qal il-President Thomas S. Monson, “li s-Salvatur qed jgħidilna li sakemm aħna ma nintilfux fis-servizz lejn ħaddieħor, ftit li xejn hemm skop għal ħajjitna. Dawk li jgħixu biss għalihom infushom eventwalment jispiċċaw jinxfu u b’ mod figurattiv jitilfu ħajjithom, filwaqt li dawk li jintilfu fis-servizz lejn ħaddieħor jikbru u jiffjorixxu—u b’ riżultat ta’ dan isalvaw ħajjithom.”1
Fil-passaġġi li ġejjin mill-ministeru tal-President Monson, huwa jfakkar lill-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li huma jistgħu jaġixxu bħala idejn il-Mulej u li l-barkiet tal-eternità qed jistennew lil dawk li jaqdu lil ħaddieħor b’ fedeltà.
Servizz fit-Tempju
“Meta aħna nwettqu l-ordinanzi f’ isem dawk li qasmu għan-naħa l-oħra tal-velu aħna nkunu qed inwettqu servizz kbir. F’ ħafna każijiet aħna ma nkunux nafu lil dawk li għalihom qed inwettqu din il-ħidma. Aħna ma nistennew l-ebda grazzi, u ma jkollna l-ebda assigurazzjoni li huma sa jaċċettaw dak li aħna se noffrulhom. Madankollu, aħna nservu, u f’ dan il-proċess aħna niksbu dak li ma nistgħux niksbu b’ xi mod ieħor: aħna nsiru letteralment salvaturi fuq l-Għolja Sijon. Hekk kif is-Salvatur ta ħajtu bħala sagrifiċċju f’ isimna lkoll, aħna wkoll, bil-mod żgħir tagħna, nagħmlu l-istess meta aħna nwettqu l-ħidma bi prokura ġewwa t-tempju għal dawk li ma jistgħux jimxu aktar ‘il quddiem sakemm ma ssirx xi ħaġa għalihom minn dawk fostna li ninsabu hawn fid-dinja.2
Aħna Jdejn il-Mulej
“Ħuti, aħna ninsabu mdawrin minn dawk li għandhom bżonn l-attenzjoni tagħna, l-inkuraġġiment tagħna, l-appoġġ tagħna, il-faraġ tagħna, it-tjubija tagħna—kemm jekk huma membri tal-familja, ħbieb, nies li nafuhom u kemm jekk huma stranġieri. Aħna jdejn il-Mulej hawn fid-dinja, b’ mandat li naqduh u nelevaw lil uliedu. Huwa jiddependi minn kull wieħed u waħda minna. …
“Dan is-servizz li aħna lkoll imsejħin għalih huwa s-servizz tal-Mulej Ġesù Kristu.”3
Naqdu fid-Dell tas-Salvatur
Fid-Dinja l-Ġdida, il-Mulej imqajjem mill-imwiet iddikjara, “Intom tafu x’ għandkom tagħmlu fil-knisja tiegħi; għaliex il-ħidma li rajtuni nwettaq għandkom twettquha intom ukoll; għaliex dak li rajtuni nwettaq għandkom twettquh intom ukoll” [3 Nephi 27:21].
“Aħna nbierku lil oħrajn hekk kif aħna naqdu fid-dell ta’ ‘Ġesù ta’ Nazaret … li għadda jagħmel il-ġid’ [Atti 10:38]. Alla jberikna sabiex insibu l-ferħ meta aħna naqdu lil Missierna tas-Smewwiet hekk kif inkunu qed naqdu lil uliedu hawn fid-dinja.”4
Il-Bżonn li Nservu
“Għandna ningħataw iċ-ċans li nservu. Lil dawk il-membri li ma baqgħux aktar attivi jew li jibqgħu lura u ma jikkommettux ruħhom, aħna nistgħu, bl-għajnuna tat-talb, insibu xi mod kif nistgħu nilħquhom. Li nistaqsuhom sabiex iservu f’ xi sejħa tista’ tkun l-inċentiv li għandhom bżonn biex huma jerġgħu jsiru membri attivi. Iżda dawk il-mexxejja li jistgħu jgħinu f’ dan ir-rigward ħafna drabi jsibuha xi ftit bi tqila jagħmlu dan. Irridu nżommu f’ moħħna li n-nies jinbidlu. Jafu jabbandunaw warajhom ċerti vizzji li seta’ kellhom. Huma jistgħu jindmu minn xi trasgressjonijiet passati. Huma jistgħu jħaddnu s-saċerdozju b’ mod den. U Huma jistgħu jaqdu lill-Mulej b’ mod diliġenti.”5
Qegħdin Aħna Nagħmlu Dak Kollu li Nistgħu?
“Id-dinja għandha bżonn l-għajnuna tiegħek. Qegħdin aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu? Tiftakru kliem il-President John Taylor: ‘Jekk intom ma tkabbrux is-sejħa tagħkom, Alla jżommkom responsabbli għal dawk li stajtu ssalvaw li kieku wettaqtu dmirkom’? [Teachings of Presidents of the Church: John Taylor (2001), 164]. Hemm saqajn x’ insaħħu, idejn x’ naħfnu, imħuħ x’ ninkoraġġixxu, qlub x’ nispiraw u erwieħ x’ insalvaw. Il-barkiet tal-eternità qegħdin jistennewkom. Intom għandkom il-privileġġ li ma tkunux spettaturi iżda parteċipanti fuq il-palk tas- … servizz.”6
© 2014 by Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/13. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/13. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, February 2014. Maltese. 10862 159