Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Frar 2014
Il-Missjoni Divina ta’ Ġesù Kristu: Ir-Ragħaj it-Tajjeb
Bl-għajnuna tat-talb studja dan il-materjal u fittex sabiex tkun taf x’ għandek taqsam ma’ ħutek. Kif jista’ l-għarfien tiegħek tal-ħajja u tal-missjoni tas-Salvatur jgħinek tkabbar il-fidi tiegħek fih u tbierek lil dawk li int responsabbli minnhom permezz tat-tagħlim taż-żjajjar? Għal aktar informazzjoni żur reliefsociety.lds.org.
Ġesù Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, għallem:
“Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? …
“Ngħidilkom, li … jkun hemm ferħ fis-smewwiet għal midneb wieħed li jindem” (Luqa 15:4, 7).
Hekk kif nibdew nifhmu li Ġesù Kristu huwa r-Ragħaj it-Tajjeb, tikber ix-xewqa tagħna li nimxu wara l-eżempju Tiegħu u naqdu lil dawk fil-bżonn. Ġesù qal: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili. … u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti” (Ġwanni 10:14–15). Minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Kristu, ħadd minna ma jista’ jkun daqshekk mitluf li ma jkunx jista’ jsib triqtu lura (ara Luqa 15).
Il-President Thomas S. Monson qal, “Hija r-responsabbiltà tagħna li nieħdu ħsieb il-merħla. … J’ Alla lkoll kemm aħna nieħdu l-opportunità li għandna u nservu.”1
Mill-Iskrittura
Mill-Istorja Tagħna
Elizabeth Ann Whitney, li attendiet l-ewwel laqgħa tas-Soċjetà tal-Għajnuna, tkellment dwar il-konverżjoni tagħha fl-1830: “Hekk kif smajt l-Evanġelju kif għallmuh il-Presbiteri, jien kont naf li kien leħen ir-Ragħaj it-Tajjeb.”2 Elizabeth imxiet wara l-leħen tar-Ragħaj it-Tajjeb u tgħammdet u ġie kkonfermata.
Aħna wkoll nistgħu nisimgħu l-leħen tar-Ragħaj it-Tajjeb u naqsmu t-tagħlim tiegħu ma’ ħaddieħor. Il-President Monson qal, “Aħna jdejn il-Mulej hawn fid-dinja, b’ mandat li naqduh u nelevaw lil uliedu.”3
Hekk kif ir-ragħajja jmorru jfittxu nagħġa mitlufa, il-ġenituri jistgħu jmorru jfittxu lil dak it-tifel li qabad triq ħażina. Il-President James E. Faust (1920–2007), it-Tieni Kunsillier fl-Ewwel Presidenza, qal: “Lil dawk il-ġenituri b’ qalbhom maqsuma li kienu ġusti, dilġenti u jiddependu fuq it-talb biex jgħallmu lil ulied diżubbidjenti tagħhom, aħna ngħidulkom, ir-Ragħaj it-Tajjeb qed iħarishom. Alla jaf u jifhem in-niket kbir tagħkom. Teżisti t-tama.”4
© 2014 by Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/13. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/13. Traduzzjoni ta’ Visiting Teaching Message, February 2014. Maltese. 10862 159