Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, April 2014
Ankra Ankrata Tant Tajjeb
M’ilux wisq, jiena kelli l-opportunità li nbaħħar fuq vapur mill-aqwa tul il-kosta meraviljuża tal-Alaska, l-Istati Uniti tal-Amerka. Sakemm il-kaptan beda jħejji biex jankra l-vapur f’ daqsxejn ta’ bajja rimota li għadha fi stat mill-aktar naturali, huwa beda jevalwa l-post u ċ-ċirkustanzi, bħas-segwenza tal-marea, il-fond tal-baħar, u d-distanza minn xi ostakli ta’ periklu. Meta ħassu sodisfatt, huwa tefa’ l-ankra sabiex il-vapur jibqa’ hemm mingħajr periklu u ankrat tajjeb, fejn lill-passiġieri tahom l-opportunità li jimmeraviljaw ruħhom bis-sbuħija spettakolari tal-ħolqien t’Alla.
Hekk kif kont qed inħares lejn il-kosta, bdejt nirrealizza li l-vapur beda jimxi mal-kurrent b’ mod kważi imperċettibbli ma’ kull daqsxejn ta’ żiffa riħ. Madankollu, il-vapur baqa’ wieqaf sod u persistenti fl-istess ċirku li ġiet determinat mit-tul tal-ħabel tal-ankra u mis-saħħa tal-ankra.
Il-kaptan ma kienx żamm l-ankra fuq il-vapur, lestha biex titniżżel biss jekk tkun ġejja xi maltempata. Le, huwa ankra l-vapur bħala miżura ta’ prevenzjoni u biex jipproteġi l-vapur li ma jmurx jittieħed f’ilmijiet perikolużi jew li l-kurrent jibda jressqu lejn l-art waqt li l-passiġieri u l-ekwipaġġ mingħalihom li jinsabu ‘l bogħod minn kull periklu.
Hekk kif jiena kont qed nikkontempla din ix-xena, ħassejt li jekk din mhijiex opportunità li minnha noħroġ parabbola, ifisser li jiena qatt ma soqt ajruplan.
Għalfejn Għandna Bżonn l-Ankri
L-iskop ta’ ankra hu li żżomm il-vapur sikur u ‘l bogħod mill-periklu f’ post mixtieq jew biex tgħin ħalli tikkontrolla l-vapur waqt il-maltemp. Madankollu, biex twettaq għanijiet daqstant importanti, mhux biżżejjed li jkollok ankra. L-ankra trid tkun b’ saħħitha, li tafdaha, u għandek tużaha sewwa fil-waqt u fil-post addattat.
Anke l-individwi u l-familji għandhom bżonn ta’ ankra.
Aħna nistgħu nħabbtu wiċċna mal-avversità hekk kif maltemp qawwi jitfagħna ‘l bogħod mit-triq it-tajba u jheddidna li jsabbatna mal-blat. Iżda xi kultant aħna nkunu ninsabu fil-periklu wkoll meta kollox ikun jidher li m’hemm l-ebda periklu madwarna—ir-riħ ikun ħafif u l-baħar kalm. Fil-fatt, aħna nistgħu nkunu ninsabu fl-akbar periklu meta nkunu qegħdin mitluqin ħelu ħelu mal-kurrent u l-moviment tant ikun żgħir li bilkemm ninnutawh.
L-Evanġelju Huwa l-Ankra Tagħna
L-ankri għandhom ikunu solidi, b’ saħħithom, u għandna nieħdu ħsiebhom sewwa ħalli jkunu lesti għal meta niġu bżonnhom. Barra minn hekk, iridu jkunu marbutin ma’ pedament li kapaċi jiflaħ it-toqol tal-forzi opposti.
Bla dubju, l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa din it-tip ta’ ankra. Ġie mħejji mill-Ħallieq tal-univers għal għan divin u maħluq sabiex jipprovdi s-sigurtà u gwida lil uliedu.
Wara kollox, x’inhu l-evanġelju jekk mhux il-pjan ta’ Alla biex jifdi lil uliedu u jwassalhom lura fil-preżenza tiegħu?
Peress li nafu li hija ħaġa mil-aktar naturali li tiċċaqlaq mal-kurrent, aħna għandna norbtu b’ mod sod l-ankri tagħna fuq is-sodda ta’ blat tal-verità tal-evanġelju. M’għandniex inniżżluhom bilmod fuq ir-ramel tas-suppervja jew bilkemm imissu l-wiċċ tal-konvinzjonijet tagħna.
Dan ix-xahar għandna opportunità li nisimgħu l-qaddejja ta’ Alla fil-konferenza ġenerali tal-Knisja. Kliemhom, flimkien mal-iskrittura u s-suġġerimenti tal-Ispirtu, jipprovdulna pedament sikur u sod ta’ valuri u prinċipji eterni li miegħu aħna nistgħu norbtu l-ankri tagħna ħalli nkunu nistgħu nibqgħu sodi u sikuri fost l-inkwiet u l-isfidi tal-ħajja.
Il-profeta tal-qedem Ħelaman għallem, “Intom għandkom tibnu l-pedament tagħkom fuq il-blata tal-Feddej tagħna, li hu Kristu, l-Iben t’ Alla; ħalli meta x-xitan jibgħat l-irwiefen qawwija tiegħu, iva, meta jixħtilkom il-lanez tiegħu, iva, meta l-forza tas-silġ u tat-tempesta tiegħu tinżel fuqkom, ma jkollhom l-ebda qawwa biex lilkom titfagħkom l-isfel sal-abbiss tal-miżerja u l-inkwiet bla tmiem, minħabba l-blata li intom tinsabu mibnijin fuqha, li hija pedament fiż-żgur, pedament li jekk il-bnedmin jibnu fuqu ma jfallu qatt” (Helaman 5:12).
Il-Valuri tal-Ankri Ankrati fis-Sod
Il-ħajja verament għandha mod kif tittestja l-ankri tagħna u twaqqana fit-tentazzjoni li mmorru mal-kurrent. Madankollu, jekk l-ankri tagħna jitpoġġew b’ mod korrett fuq il-blata tal-Feddej tagħna, huma jibqgħu sodi—hi x’inhi l-forza tar-riħ, il-qawwa tal-marea, jew l-għoli tal-mewġ.
Bla dubju, vapur ma jiġix iddisinnjat biex jibqa’ wieqaf fil-port iżda pjuttost biex italla’ l-ankra u jbaħħar fuq l-ibħra tal-ħajja. Iżda dik hi parabbola għal darb’oħra.
Għal issa, inħossni nitfarraġ li naf li l-ankra tal-evanġelju u l-blata tal-Feddej tagħna sa jżommuna sodi u sikuri.
Din it-tip ta’ ankra żżommna milli nerħulha mal-kurrent lejn il-periklu u l-isfortuna. Tagħtina l-opportunità glorjuża li ngawdu s-sbuħija inkomparabbli tax-xenarju sublimi u dejjem jinbidel tal-ħajja.
Il-Ħajja sabiħa u ta’ min jgħixha. Ir-riħ, il-maltemp u l-kurrent dominanti jafu jwaqqgħuna fit-tentazzjoni li nintelqu lejn periklu li xi daqqiet ikun jidher u xi daqqiet le, iżda l-messaġġ tal-evanġelju u l-qawwa divina tiegħu jżommuna fit-triq li twassalna lejn il-port ħieles minn kull periklu ta’ Missierna tas-Smewwiet.
Ejjew, għalhekk, mhux biss nisimgħu id-diskorsi tal-konferenza ġenerali ta’ April iżda wkoll napplikaw il-messaġġi tagħhom bħala ankra ankrata sew fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Jalla Alla jberikna u jigwidana f’ din il-ħidma mill-aktar sinifikanti u essenzjali.
© 2014 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/13. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/13. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, April 2014. Maltese. 10864 159