2014
Inħaffu l-Ħidma
June 2014


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ġunju 2014

Inħaffu l-Ħidma

Il-President Thomas S. Monson

Qatt irrealizzajtu li kellhom jgħaddu 98 sena biex il-Knisja rrestawrata jkollha 100 wited? Iżda anqas minn 30 sena wara, il-Knisja organizzat it-tieni 100 wited tagħha. U wara biss tmien snin il-Knisja kellha aktar minn 300 wited. Illum għandna ‘l fuq minn 3,000 wited.

Għalfejn dan it-tkabbir qed iseħħ b’ rata daqshekk mgħaġġla? Tgħid għax issa aħna aktar magħrufin? Tgħid għax għandna aktar kappelli sbieħ?

Dawn il-ħwejjeġ huma kollha importanti, iżda r-raġuni għalfejn illum il-Knisja qed tikber hi għaliex il-Mulej kien bassar dan minn qabel. Fid-Duttrina u Patti, Huwa qalilna, “Araw, meta jasal iż-żmien jiena sa nħaffef il-ħidma tiegħi.”1

Aħna, bħala wlied spirti ta’ Missierna tas-Smewwiet, intbagħtna hawn fid-dinja f’ dan iż-żmiem partikolari sabiex inkunu nistgħu ngħinu biex inħaffu din il-ħidma kbira.

Sa fejn naf jiena, il-Mulej qatt ma indikalna li l-ħidma Tiegħu hija marbuta biss mal-mortalità. Pjuttost, il-ħidma Tiegħu hija waħda eterna. Jiena nemmen li Hu jinsab iħaffef il-ħidma Tiegħu fid-dinja tal-ispirti. Nemmen ukoll li l-Mulej, permezz tal-qaddejja Tiegħu hawn fid-dinja, qed iħejji bosta spirti sabiex jirċievu l-evanġelju. Ix-xogħol tagħna hu li nilħqu lill-mejtin tagħna u mbagħad immorru t-tempju u nwettqu l-ordinanzi sagri li jagħtu lil dawk li jinsabu fuq in-naħa l-oħra tal-velu l-istess opportunitajiet li għandna aħna.

Kull Qaddis tal-Aħħar Jiem ġust li hemm fid-dinja tal-ispirti għandu x’ jagħmel mhux ħażin, qal il-President Brigham Young (1801–77). “X’inhuma jagħmlu hemm? Huma qegħdin jippridkaw il-ħin kollu, u jħejju t-triq għalina sabiex inħaffu l-ħidma tagħna li nibnu tempji kemm hawnhekk kif ukoll f’ bosta postijiet oħra.”2

Però, il-ħidma tal-istorja tal-familja mhix waħda faċli. Għal dawk fostkom mill-Iskandinavja, ippermettuli naqsam magħkom il-frustrazzjoni tiegħi. Per eżempju, fuq in-naħa Svediża tiegħi, isem in-nannu tiegħi kien Nels Monson; missieru ma kienx Monson iżda Mons Okeson. Isem missier Mons kien Oke Pederson, u isem missieru kien Peter Monson—u b’ hekk erġajna lura għal Monson.

Il-Mulej jistenna li jiena u inti nwettqu l-istorja tal-familja tagħna b’ ċertu diliġenza. Naħseb li l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu jekk irridu nwettqu ħidmietna sew hi li jkollna l-Ispirtu ta’ Missierna tas-Smewwiet magħna. Jekk nagħmlu l-almu tagħna biex ħajjitna ngħixuha b’ mod ġust kemm nistgħu, Huwa jiftħilna t-triq biex aħna niksbu dawk il-barkiet li qegħdin infittxu bil-ħerqa u d-diliġenza kollha.

Żbalji żgur se nagħmlu, iżda qabel ma aħna nsiru esperti fil-ħidma tal-istorja tal-familja, irridu l-ewwel nibdew bħala novizzi. Għalhekk, għandna nidħlu għal din il-ħidma b’ ruħna u ġisimna, u għandna nistennew li mhux dejjem sa tkun faċli. Verament mhux ħaġa faċli, iżda l-Mulej poġġa r-responsabbiltà fuqek u fuqi.

Hekk kif inti tibda twettaq il-ħidma tal-istorja tal-familja, sa jkun hemm mumenti meta sa ssib lilek innifsek ġo sqaq, u tispiċċa tgħid lilek innifsek, “M’hemmx aktar x’ nista’ nagħmel.” Meta tasal f’ dak il-punt, inżel għarkobbtejk u itlob lill-Mulej sabiex jiftaħlek it-triq, u Hu żgur li jiftaħhielek. Jiena nixhed li dan kollu minnu.

Missierna tas-Smewwiet iħobb lil uliedu fid-dinja tal-ispirti daqs kemm iħobb lilek u lili. Rigward din il-ħidma li nsalvaw lill-mejtin tagħna, il-Profeta Joseph Smith qal, “U issa hekk kif l-għanijiet kbar ta’ Alla qed jitwettqu b’ rata mgħaġġla, u l-kliem kollu mlissen mill-Profeti qed jitwettaq, hekk kif is-saltna ta’ Alla qed tiġi mwaqqfa fid-dinja, u l-ordni ferm antika ta’ kull ħaġa qed tiġi rrestawrata mill-ġdid, il-Mulej uriena lkoll dan id-dover u l-privileġġ.”3

Rigward l-antenati tagħna li għaddew għan-naħa l-oħra mingħajr l-għarfien tal-evanġelju, il-President Joseph F. Smith (1838–1918) iddikjara, “Permezz tal-isforzi tagħna f’ isimhom, huma jinħelsu mill-ktajjen tal-jasar, u d-dalma li jinsabu mdawrin biha tħallihom, sabiex id-dawl jiddi fuqhom u fid-dinja tal-ispirti huma jismgħu bil-ħidma li twettqet għalihom minn uliedhom hawn fid-dinja, u jifirħu magħkom f’ dak li intom wettaqtu.”4

Huma miljuni fuq miljuni l-ulied spirti ta’ Missierna tas-Smewwiet li qabel ma mietu u għaddew fid-dinja tal-ispirti qatt ma kienu semgħu bl-isem ta’ Kristu. Iżda issa ġew mgħallma l-evanġelju u qed jistennew il-jum meta jiena u int nagħmlu r-riċerka neċessarja biex inwettu t-triq ħalli nkunu nistgħu mmorru fid-dar tal-Mulej u nwettqu għalihom dak li ma jistgħux iwettqu huma stess.

Ħuti, nixhed magħkom li l-Mulej iberikna hekk kif aħna naċċettaw u nilqgħu din l-isfida.

Tagħlim minn dan il-Messaġġ

Aħsbu dwar xi storja favorita mill-istorja tal-familja tagħkom u aqsmuha ma’ dawk li intom tmorru żżuru. Tafu tridu tużaw il-mistoqsijiet li hemm fis-sezzjoni tat-tfal tal-Messaġġ tal-Ewwel Presidenza (paġna 6) biex tħeġġu lil dawk li żżuru sabiex jaqsmu l-istejjer tagħhom. Ikkunsidraw li taqraw Doctrine and Covenants 128:15 u tiddiskutu l-importanza li twettqu l-ordinanzi tat-tempju f’ isem l-antenati tagħkom.

Noti

  • Doctrine and Covenants 88:73.

  • Teachings of Presidents of the Church: Brigham Young (1997), 280.

  • Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 409.

  • Teachings of Presidents of the Church: Joseph F. Smith (1998), 247.