2014
Il-Missjoni Divina ta’ Ġesù Kristu: Amministra
June 2014


Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Ġunju 2014

Il-Missjoni Divina ta’ Ġesù Kristu: Amministra

Bl-għajnuna tat-talb studja dan il-materjal u fittex sabiex tkun taf x’ għandek taqsam ma’ ħutek. Kif jista’ l-għarfien tiegħek tal-ħajja u tal-missjoni tas-Salvatur jgħinek tkabbar il-fidi tiegħek fih u tbierek lil dawk li int responsabbli minnhom permezz tat-tagħlim taż-żjajjar? Għal aktar informazzjoni żur reliefsociety.lds.org.

Fidi, Familja, Għajnuna

Hekk kif aħna namministraw lil ħaddieħor, aħna nsiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu, sewwasew Dak li wriena kif nagħmlu dan permezz tal-eżempju tiegħu. Il-President Thomas S. Monson qal: “Aħna ninsabu lkoll imdawrin b’ nies fil-bżonn. … Aħna jdejn il-Mulej hawn fid-dinja, b’ mandat li naqduh u nelevaw lil uliedu.1

Linda K. Burton, president ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, qalet: “Bil-prattika, kull wieħed u waħda minna nistgħu nsiru nixbhu aktar lis-Salvatur hekk kif aħna naqdu lil ulied Alla. Bħala għajnuna sabiex [namministraw] aħjar lil ħaddieħor, nixtieq nissuġġerixxi li nżommu f’ moħħna erba’ kelmiet: ‘L-ewwel osserva, imbagħad servi.’ … Hekk kif nagħmlu dan, aħna nkunu qed inżommu l-patti, u s-servizz tagħna, bħal dak tal-President Monson, ikun evidenza li aħna verament dixxipli.”2

Nistgħu kull filgħodu nitolbu sabiex nagħrfu l-opportunitajiet tagħna li nservu lil ħaddieħor. “Missierna tas-Smewwiet jiggwidakom, u l-anġli jassistukom” qal David L. Beck, president ġenerali tal-Ġuvintur. “Intom tiġu mogħtijin il-qawwa li tbierku l-ħajjiet u ssalvaw l-erwieħ.”3

Mill-Iskrittura

Mattew 20:25–28; 1 Nephi 11:27–28; 3 Nephi 28:18

Mill-Istorja Tagħna

Fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 1856, il-President Brigham Young (1801–77) ħabbar li l-pijunieri tal-karrijiet tal-idejn kienu għadhom qed jaqsmu l-pjanuri u li kulħadd kellu jgħin sabiex jinġabar b’ mod immedjat dak kollu li huma kellhom bżonn. Lucy Meserve Smith kitbet li n-nisa “neżgħu l-libsa ta’ taħt tagħhom [dbielet ta’ taħt daqsxejn kbar], il-kalzetti tagħhom u kull ħaġa li setgħu jagħtu, sewwasew fejn kienu, ġewwa t-Tabernaklu, u għabbewhom fuq il-karettuni.”

Hekk kif il-pijunieri li ġew salvati bdew jaslu fil-Belt ta’ Salt Lake, Lucy kitbet, “Qatt ma ħassejt daqshekk … sodisfazzjon f’ xi xogħol ieħor li xi darba wettaqt f’ ħajti, qatt ma rajt daqshekk sentiment ta’ unanimità. Kull ma kelli nagħmel kien li mmur fil-ħanut u ngħidilhom x’ kelli bżonn; jekk kienet xi ħaġa tal-ħjata, kienet issir mingħajr ħlas.”4

Il-President George Albert Smith (1870–1951) qal dan dwar kif aħna namministraw lil ħaddieħor: “Il-ferħ etern tagħna nistgħu nkejluh mill-mod li bih aħna niddedikaw irwieħna biex ngħinu lil ħaddieħor.”5

Ikkunsidraw Dan

  1. Kif jista’ t-talb jgħinna nkunu strumenti f’ idejn il-Mulej?

  2. Li namministraw lil ħaddieħor kif jista’ jgħinna nżommu l-patti tagħna?

Noti

  1. Thomas S. Monson, “What Have I Done for Someone Today?” Liahona, Nov. 2009, 86.

  2. Linda K. Burton, “First Observe, Then Serve,” Liahona, Nov. 2012, 78, 80.

  3. David L. Beck, “Your Sacred Duty to Minister,” Liahona, Mejju 2013, 56.

  4. Lucy Meserve Smith, f’ Daughters in My Kingdom: The History and Work of Relief Society (2011), 36–37.

  5. George Albert Smith, f’ Daughters in My Kingdom, 77.